Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 38-42
L-Evanġelju skont San Luqa 10: 38-42
[Lq:10:38] Huma u sejrin, daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta.
[Lq:10:39] Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.
[Lq:10:40] Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!”
[Lq:10:41] Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ;
[Lq:10:42] imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Hi l-paċi ta’ Kristu li tirrenja f’darek u fil-ħajja personali tiegħek?
Ġesu’ kien iħobb iżur id-dar ta’ Marta u Marija u kien jifraħ bil-mod kif kienu jilqgħuh. Fir-rakkont qasir tallum naraw iż-żewġ temperamenti differenti f’Marta u Marija. Marta kienet tħobb iservi, imma l-ansjeta’ tagħha waqt li kienet tistenna lil Ġesu’ biex jgħid xi ħaġa, qanqlet fiha nuqqas ta’ serħan u paċi interjuri.
Min naħa l-oħra Marija bl-attitudni sempliċi u mimlija fiduċja kienet attenta għal dak li kien jgħid Ġesu’ billi poġġiet bilqiegħda f’riġlejh. Hi donnha ntebħet li l-aktar li ried l-Imgħallem f’dak il-mument kienet l-attenzjoni u l-preżenza tagħha.
Ħsieb għal Qalbek …
L-ansjeta’ u l-preokkupazzjoni jżommna ‘l bogħod milli nisimgħu u nagħtu lill-Mulej l-attenzjoni sħiħa tagħna li hu jixtieqna nagħtuh. Il-Mulej jistedinna nagħtuh ‘il ħafna ħsibijiet u ansjetajiet tagħna għaliex huwa ta’ min jafdah u jista’ jissodisfa kull bżonn minn tagħna. Il-grazzja tiegħu teħlisna mill-inkwiet żejjed tagħna.
Inti tfittex lill-Mulej b’attenzjoni? U l-Mulej isib f’darek post li jilqgħu u jonorah?
Meta tirċievi lil Ġesu’ fl-Ewkaristija tista’ tgħid li Ġesu’ fik sab il-ferħ li kien isib bil-mod kif kienu jilqgħuh in-nies li ħabbewh u fehmuh?
Kemm toqgħod f’riġlejn Ġesu’ preżenti fl-Ewkaristija fil-kappelli tal-adorazzjoni li għandna mxerrdin mall-ġżejjer tagħna, biex toqgħod tisimgħu jkellmek f’qalbek u jimliek bil-paċi u s-serħan li hu biss jaf jagħti?
Itlob …
Mulej, li nkun fil-preżenza tiegħek huwa ħajti u l-uniku ferħ tiegħi. Eħlisni mill-inkwiet żejjed u mill-ansjeta’ ħalli nkun nista’ nagħtik l-attenzjoni tiegħi b’qalbi u moħħi kollu kif int tagħtiha lili bil-preżenza tiegħek dejjem ħajja fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Ammen.