Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 18-23
L-Evanġelju skont San Mattew 13: 18-23
[Mt:13:18] “Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’.
[Mt:13:19] Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija.
[Mt:13:20] Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ;
[Mt:13:21] imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; mbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel.
[Mt:13:22] Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta’ l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.
[Mt:13:23] Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Kemm tisma’ b’attenzjoni l-Kelma t’Alla?
Alla hu dejjem lest biex ikellem lil kull wieħed u waħda minna u biex ifhemna din l-istess Kelma tiegħu. Il-parabbola ta’ Ġesu’ hi twissija għal dawk li jisimgħu u jxandru l-Kelma tiegħu.
X’jagħmilna indifferenti u traskurati għall-Kelma t’Alla?
L-inkwiet żejjed għal bosta affarijiet. Dan jista’ jiddistrattana minn dak li hu tassew importanti u li jiswa. Li nħallu l-moħħ u l-qalb tagħna jiġu kkunsmati b’affarijiet materjali, hawn faċilment nittaqlu u anke nehdew b’affarijiet li m’humiex teżor etern li hu Alla nnifsu.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Kelma t’Alla tqabbad l-għeruq fil-qalb tagħna meta aħna jkollna qalb li lesta tirċevieha. Qalb doċli li lesta tisma’ dak li Alla għandu xi jgħid. Il-ħsad huwa żgur filwaqt li xi żerriegħa se taqa’ fil-mgħoddija jew fejn hemm ftit ħamrija u qatt ma tikber, anke fejn hemm ix-xewk li mbagħad jifgaha madanakollu l-ħsad jasal ukoll. Iż-żerriegħa li taqa’ f’art tajba fil-qalb li hi lesta tagħti widen se taħsad ħafna frott.
Inti lest titgħallem dwar il-verita’ t’Alla u ħerqan li tagħmel minna ħafna frott ta’ għemejjel tajba? U tħalli xi ħaġa żżommok milli tinfetaħ kompletament għal din il-Kelma bil-ferħ u bl-ubbidjenza li tiġi mill-fidi?
Itlob …
Mulej għenni ngħasses u nħares l-Kelma tiegħek li int ħawwilt fil-qalb tiegħi ħalli l-ebda dubju jew tentazzjoni ma jżommuni milli nemmen fik u nobdik. Agħtini li nagħmel il-frott b’abbundanza fis-servizz tiegħek u tħalli qatt li jiena nibża’ milli nitkellem fuqek mall-oħrajn u naqsam magħhom l-Aħbar it-tajba tal-Vanġelu tiegħek. Ammen.