98. Riflessjoni fuq Mattew 7: 6. 12-14

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 7: 6. 12-14

narrow-gate_orig

L-Evanġelju skont San Mattew 7: 6. 12-14

[Mt:7:6] Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, u tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer li ma jmorrux jgħaffġuhom b’saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom.

[Mt:7:12] Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.

[Mt:7:13] “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha.

[Mt:7:14] Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Probabbli li bil-malti smajna l-espressjoni: “Il-biskuttini f’ħalq il-ħmir.” Biha rridu nfissru li ħasra tara affarijiet prezzjużi u ta’ valur f’idejn min jiddisprezzahom. Forsi din l-espressjoni hi simili għal dik li qed jagħtina Ġesu’ llum. “Tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer.” Hawn l-interess ta’ Ġesu’ mhuwiex li jeskludi lil xi ħadd imma li jenfasizza s-safa. Is-safa tal-fidi li ġiet fdata lilna minn Alla kollu mħabba u għerf. Il-knisja tal-bidu tirreferi għal dan il-vers ta’ relazzjoni mall-Ewkaristija.

Il-Mulej jistedinna biex nieklu mill-mejda tiegħu, imma aħna għandna nersqu għal din l-ikla b’ruħ safja li tistħoqqilha don hekk kbir. Fil-vers li jmiss imbagħad il-Mulej jgħolli l-livell tal-liġi billi jurina l-perfezzjoni tal-imħabba li nfittxu l-ġid tal-oħrajn u nagħtuhom l-aħjar li nistgħu għalihom innfushom. Mhux biżżejjed li nevitaw li nweġġgħuhom jew li nagħmulhom il-ħsara, imma għandna nfittxu li nagħmlulhom il-ġid.

Imbagħad Ġesu’ jikkwota t-testment il-qadim li wieħed jagħżel bejn żewġ toroq waħda tieħu għall-ħajja u l-oħra għat-telfien. Insibu dan fil-Ktieb tad-Dewtoronomju kapitlu 3 minn vers 15. “Ara qed inpoġġilkom quddiemkom illum il-ħajja u t-tajjeb, il-mewt u l-ħażen.” U aktar tard jgħid: “Għalhekk għażlu l-ħajja biex intom u wliedkom tgħixu.” Ġesu’ fil-Vanġelu tallum jikkonfrontana bl-istess għażla.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti taf liema triq qiegħed mixi u din se twasslek għad-destinazzjoni t-tajba?

Int bil-għatx għall-qdusija u għan-nar tal-imħabba t’Alla?

Itlob …

Agħtini li nħobbok Mulej tiegħi u li nara lili nnifsi kif tassew jien pellegrin fuq din l-art. Nisrani msejjaħ biex nirrispetta u nħobb dawk kollha li f’ħajti tlaqqgħani magħhom kemm ħbieb kif ukoll għedewwa tiegħi. Għenni nirbaħ fuq r-rabja bil-ġentilezza, fuq il-kilba bil-ġenerożita’ u fuq l-apatija bil-fervur. Għenni ninsa lili nnifsi u noħroġ minn triqti biex nilħaq u nservi lill-oħrajn. Ammen.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s