Għaliex għandi nqerr għand is-saċerdot?

20180831T1111-0515-CNS-SEAL-CONFESSION crop

Mhux l-ewwel darba li persuni sinċiera jagħmluli għadd ta’ mistoqijiet rigward l-importanza tal-qrar fid-dinja tallum. “Father, għaliex għandi nqerr? U għaliex għandi immur għand saċerdot? Jekk immur inqerr għand Alla direttament mhux biżżejjed? Dak żgur jifhimni? U, wara kollox, għalfejn għandi ngħid ħwejjeġ li nisħti biss insemmihom, aħseb u ara li nerġa’ nagħmilhom, ma’ bniedem midneb bħali? Dak x’jaf x’inhu u x’mhux dnub għalija? Wara kollox, id-dnub jeżiżti jew hu invenzjoni tas-saċerdoti biex iġagħluna inġibu ruħna aħjar? Huwa mportanti li wieħed jirrispondi dawn il-mistoqsijiet, iktar u iktar f’dawn iż-żminijiet meta numru sabiħ ta’ persuni jiġu mqanqla mill-Ispirtu s-Santu biex jirrikonċiljaw ruħhom mal-Missier tas-Sema.

F’ittra pastorali bit-tema Ir-Rikonċiljazzjoni u s-Sbuħija ta’ Alla, li l-Arċisqof ta’ Chieti-Vasto u membru tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Mons. Bruno Forte, kiteb għal 2005-2006, fiha jinsabu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet li semmejt iktar ‘il fuq. Fl-ittra pastorali tiegħu, Mons. Forte jitkellem ċar kristall fuq ir-rejaltà tad-dnub fostna. “Id-dnub jeżiżti, u mhux biss hu ħażin imma jwettaq il-ħażen. Biżżejjed wieħed jara x-xena fid-dinja, fejn il-vjolenza, il-gwerrer, l-inġustizzji, l-abbużi, l-egoiżmi, il-ġelosiji u l-vendetta huma l-ħobżna ta’ kuljum. (Eżempju ta’ dan huwa l-‘bullettin tal-gwerra’ li huwa mogħti għalina illum fl-aħbarijiet fil-gazzetti, fir-radju, fl-Internet)” (§ 1).  Fi kliem Forte, “id-dnub hu mħabba li hi ikkonċentrata fuqha innifisha (amor curvus, imħabba magħluqa, kif jgħallmu l-istudjużi medjevali), l-ingratitudni ta’ dak li jwieġeb għall-imħabba bl-indifferenza u biċ-ċaħda” (§ 1). Il-konsegwenzi ta’ din iċ-ċaħda jissarfu fi “strutturi tad-dnub”. B’hekk jitwieldu l-inġustizzji soċjali, d-diżugwaljanza bejn il-pajjiżi foqra u għonja, l-iskandlu tal-ġuħ fid-dinja u l-bqija tat-traġedji l-oħra. “Sewwasew minħabba dan, wieħed ma jridx jaħsibha biex jemfasizza l-kobor tat-traġedja tad-dnub u kif it-telfa tas-sens tad-dnub … iddgħajjef il-qalb quddiem l-ispettaklu tal-ħażin u t-tħajjir ta’ Satana, l-avversarju li jipprova jifridna minn Alla” (§ 1).

Fid-dinja it-tajjeb jeżiżti u huwa ferm ikbar mill-ħażin. Il-ħajja hija sabiħa u huwa għaqal li wieħed jgħixha sewwa bl-imħabba u bil-għan li ixettel l-imħabba madwaru. Is-sagrament tal-qrar iħalli paċi kbira f’min jirċevih b’fidi. Fil-fatt, il-penitent jintlaqat “minn dik il-paċi li jibda’ jħossu tajjeb, milqut f’qalbu permezz tal-imħabba li tfejjaq, li tiġi minn fuq u li tibdel” (§ 2). Għall-Arċisqof ta’ Chieti-Vasto, li “titlob maħfra b’konvinzjoni, li tirċevieha bi gratitudni u li tagħtiha b’ġenerożità hija għajn ta’ paċi li ma titfissirx. Minħabba dan, huwa sewwa u sabiħ li wieħed imur iqerr” (§ 2).

Għaliex mela, għandi mmur inqerr għand is-saċerdot u mhux għand Alla direttament? Jirrispondi Mons. Forte: “Din hija xi ħaġa neċessarja li nagħmluha mas-saċerdot għax kien Alla nnifsu li fehmielna. Meta bagħtilna lil ibnu b’ġisimna, uriena li ried jiltaqa’ magħna permezz ta’ kuntatt dirett li jgħaddi mis-sinjali u mill-lingwa tal-kundizzjoni umana tagħna… Hija biss l-assoluzzjoni tad-dnubiet li s-saċerdot jagħti fis-sagrament li tista’ tikkomunika ċ-ċertezza ġewwiena li jiena ġejt maħfur u milqugħ mill-Missier li hu fis-Smewwiet għaliex Kristu ħalla f’idejn il-Knisja l-ministeru li torbot u li tħoll, li twarrab u li ddaħħal mill-ġdid fil-komunità tal-Patt (ara Mt 18, 17)” (§ 3).

Ma rridux lanqas ninsew dak li Kristu qal lill-Appostli meta qam minn bejn l-imwiet: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20, 22-23). Jissokta l-Arċisqof Forte: “Li tkun maħfur minn dak li l-Mulej għażel u bagħat bħala ministru tal-maħfra, int se tkun tista’ tesperjenza l-ħelsien li Alla biss jagħti u tifhem l-għaliex li tmur tqerr hija għajn ta’ paċi” (§ 3).

Fil-qrar nesperjenzaw kemm Alla huwa viċin id-dgħjufija tagħna. F’dan is-sagrament tal-ħniena aħna nagħmlu esperjenza diretta tal-wiċċ mimli ħniena u mogħdrija tal-Missier. “Permezz tiegħu (tal-qrar) Ġesù, il-veru tabib tas-sema, jieħu f’idejh dnubietna u jakkumpanjana. Huwa jissokta fina x-xogħol tal-fejqan u s-salvazzjoni. Bħalma jiġri f’kull storja ta’ mħabba, anki l-Patt mal-Mulej jeħtieġlu jiġi mġedded kontinwament: Il-fedeltà hija x-xewqa dejjem ġdida tal-qalb li tagħti lilha nnifisha u li tirċievi l-imħabba offerta lilha sal-jum meta Alla se jkun kollox f’kollox” (§ 4).

Teżiżti tħejjija biex il-persuna tiltaqa’ mal-ħniena ta’ Kristu. L-ewwel tiġi l-Kelma ta’ Alla. Darba persuna kkonvertiet għax semgħet lil Ġesù jgħidilha permezz tal-qari tal-vanġelu f’quddiesa li ħadet sehem fiha: “Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema” (Lq 15, 7). Fil-konverżjoni ta’ din il-mara, kien l-Ispirtu s-Santu li, ħadd wara ħadd, baqa’ jfakkarha f’din il-kelma ta’ Ġesù sakemm ċediet għall-imħabba u l-ħniena tal-Missier tas-Sema. Fl-Ittra pastorali tiegħu, Mons. Forte jgħid hekk: “Ir-Rikonċiljazzjoni hija preċiżament is-sagrament tal-laqgħa ma’ Kristu li, permezz tal-ministeru tal-Knisja, jiġi biex jgħin lid-dgħjufija ta’ dak li ttradixxa jew warrab il-Patt ma’ Alla. Huwa jirrikonċiljah mal-Missier u mal-Knisja. Jerġa’ joħolqu bħala ħolqien ġdid fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (§ 5).

Barra minhekk, is-sagrament tal-qrar jissejjaħ ukoll tal-penitenza “għaliex fih hemm imfissra l-konverżjoni tal-bniedem, il-mogħdija tal-qalb li tindem u li tiġi titlob il-maħfra ta’ Alla” (§ 5). L-istqarrija sseħħ fuq tliet livelli f’dan is-sagrament. Hemm il-confessio laudis, l-istqarrija ta’ tifħir, “li biha niftakru l-imħabba divina li tiġi qabilna u takkumpanjana. Aħna nagħrfu s-sinjali tagħha f’ħajjitna u għalhekk nagħrfu iżjed aħjar il-gravità tal-ħtija tagħna” (§ 5). It-tieni stadju hu dak tal-confessio peccati, l-istqarrija tad-dnubiet, “li biha nippreżentaw qalbna umli u niedma lill-Missier, billi nagħrfu ħtijietna” (§ 5). Fl-aħħarnett insibu l-istadju hekk imsejjaħ confessio fidei, l-istqarrija tal-fidi, “li biha niftħu lilna nfusna għall-maħfra li teħles u tifdi, li hija offruta lilna bl-assoluzzjoni” (§ 5).

Din il-laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni mal-Missier tas-Sema hija iċċelebrata fis-sagrament tal-qrar. Fil-fatt, “permezz tal-kliem tal-assoluzzjoni, imxandra minn bniedem midneb li, madankollu, ġie magħżul u ikkonsagrat għall-ministeru, huwa Kristu nnifsu li jirċievi l-penitent midneb u jirrikonċiljah mal-Missier u fid-don tal-Ispirtu s-Santu, iġeddu bħala membru ħaj tal-Knisja” (§ 6). Fiċ-ċelebrazzjoni sagramentali tal-maħfra, “fir-relazzjoni ma’ Alla l-Missier, il-penitenza tippreżenta lilha nnifisha bħala ‘ritorn lejn id-dar’” (§ 7). Alla l-Missier jilqagħna lura għandu bħala wliedu kif tgħidilna tajjeb il-parabbola tal-Missier il-Ħanin, “iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (Lq 15, 20).

“Fir-relazzjoni tagħna mal-Iben, is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni joffrilna l-ferħ li niltaqgħu miegħu, il-Mulej imsallab u mqajjem mill-imwiet, li permezz tal-Għid tiegħu, jagħtina ħajja ġdida u isawwab l-Ispirtu tiegħu fi qlubna. Din il-laqgħa isseħħ permezz tal-mixja li tmexxi lil kull wieħed u waħda minnha biex inqerru n-nuqqasijiet tagħna b’umiltà u b’sogħba għal dnubietna, u li nirċievu l-maħfra bi gratitudni mimlija stagħġib” (§ 8).

Fl-aħħarnett, “minħabba d-don tal-Ispirtu li jimliena bl-imħabba ta’ Alla (ara Rum 5, 5), is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huwa sors ta’ ħajja ġdida, komunjoni mġedda ma’ Alla u mal-Knisja, li tagħha l-Ispirtu huwa r-ruħ u l-qawwa tal-għaqda” (§ 9).  Huwa l-Ispirtu li jqanqal lill-persuna maħfura biex tgħix ħajja ta’ paċi, li tilqa’ l-konsegwenzi tad-dnub li jitfejqu bil-grazzja u bis-sabar tal-imħabba li jeħtieġ li jkollha lejha innifisha. Mela, “l-Ispirtu jgħinna biex nimmaturaw fl-intenzjoni soda tagħna biex nimxu l-mixja tal-konverżjoni li tikkonsisti f’impenji konkreti ta’ karità u ta’ talb. Is-sinjal penitenzjali mitlub mill-konfessur jservi preċiżament biex ifisser din l-għażla. Il-ħajja ġdida li għaliha ġejna mwielda tista’ turi, iktar minn kull ħaġa oħra, is-sbuħija u l-qawwa tal-maħfra mitluba u milqugħa dejjem b’mod ġdid (§ 9).

Għalhekk, bi kliem Mons. Forte nixtieq inħeġġeġ lil kulħadd biex “immorru għall-qrar b’qalb umli u sogħbiena u ngħixuh b’fidi. Jibdilkom ħajjitkom u jagħtikom il-paċi f’qalbkom. Imbagħad għajnejkom jinfetħu u tagħrfu is-sinjali tas-sbuħiija ta’ Alla preżenti fil-ħolqien u fl-istorja u minn ruħkom titla’ għanja ta’ tifħir” (§ 9). U għalina s-saċerdoti, l-Arċisqof Forte jispirana, ifakkarna u jwissina f’wieħed mid- dmirijiet ewlenin tas-saċerdozju tagħna. “Kunu dejjem disposti – f’waqtu u barra minn waqtu – li ixxandru l-ħniena lil kulħadd u lil tagħtu l-maħfra lil min jitlobhielkom u li tagħha għandu bżonn biex jgħix u jmut. Għal din il-persuna tista’ tkun is-siegħa ta’ Alla f’ħajjitha!” (§ 9).

Patri Mario Attard OFM Cap

 

 

 

 

 

3 thoughts on “Għaliex għandi nqerr għand is-saċerdot?

  1. Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  2. Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  3. Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s