48. Riflessjoni fuq Luqa 1: 26-38

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 1: 26-38

Images - Rene Rossignaud

L-Evanġelju skont San Luqa 1: 26-38

[Lq:1:26] Fdak iż-żmien, fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret,

 [Lq:1:27] għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija.

[Lq:1:28] L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”

[Lq:1:29] Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.

[Lq:1:30] Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.

[Lq:1:31] Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.

[Lq:1:32] Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru

[Lq:1:33] u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”

[Lq:1:34] Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”

[Lq:1:35] Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.

[Lq:1:36] Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,

 [Lq:1:37] għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”

[Lq:1:38] Mbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek?” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Marija kif twieġeb għall-Kelma t’Alla li waslitilha permezz tal-anġlu Gabrijel?

Hi taf li dak li qed jitħabbar lilha hu ‘l fuq mill-kapaċita’ umana. Ried ikun biss Miraklu li jisboq kull miraklu ieħor li Alla għamel s’issa fl-istorja tal-poplu tiegħu. Il-mistoqsija li tpoġġi “Kif ikun dan la darba ma nagħrafx raġel?” Mhijiex frott ta’ dubju jew xettixiżmu, imma hija frott tat-tfittxija tar-rieda t’Alla. Marija riedet tkun taf x’għandha tagħmel eżatt biex taqdi sewwa din il-missjoni li Alla kien qed jafdalha.

Hi tisma’ l-Kelma u twieġeb immedjatament b’fidi u b’fiduċja kompleta f’Alla. Bl-iva mmedjata tagħha għall-messaġġ Divin hija ssir il-mudell tal-fidi għalina lkoll. Marija emmnet il-wegħdiet t’Alla, anki meta dawn dehru impossibli. Hi kienet ħerqana u lesta twettaq ir-rieda t’Alla, anki jekk dan kien ifisser li kellha tħallas prezz għoli. Marija hi Omm Alla għaliex Alla libes is-sura tal-ġisem tagħna fil-ġuf tagħha bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla jagħtina l-grazzja tiegħu u jistenna mingħandna li nwieġbu għaliha bl-istess rieda soda, bl-istess ubbidjenza u bl-istess fiduċja mill-qalb kif wieġbet Marija. Meta Alla jikkmandana, Hu wkoll  jagħtina l-għajnuna, il-qawwa u l-mezzi biex inwieġbu b’ġenerożita’. Nistgħu jew inħalluh jimliena bil-grazzji tiegħu jew nirreżistu u mmorru għal rasna ‘l barra mit-triq.

Inti temmen fil-wegħdiet t’Alla u tfittex li tikber fil-grazzja tiegħu?

Ġesu’ tana lil Marija bħala Ommna taħt is-Salib.

Int tfittixha lil din ‘l Omm biex tirċievi mingħandha dak li Omm qaddisa tas-sema tista’ tagħtik?

Id-dawl, il-faraġ, it-twissijiet, il-kuraġġ, il-protezzjoni u l-barka materna tagħha?

Tinqeda bit-talba tar-Rużarju li hi tant għażiża għaliha biex permezz tagħha tressaq qribek lil dina ‘l Omm li bħalma talbet mal-ewwel dixxipli, hekk tiġi u titlob miegħek biex int timtela bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa li għandek bżonn?

Itlob …

Missier qaddis, Inti toffrilna l-grazzji, il-ħniena u l-maħfra tiegħek bl-abbundanza permezz ta’ Marija li għamiltha s-Sultana fuq il-ħolqien kollu u li minnha bħala l-Avukata tagħna, Inti tgħaddilna l-grazzji tiegħek. Agħtini l-għajnuna biex ta’ kuljum jiena ntenni l-‘iva’ tiegħi għar-rieda mqaddsa tiegħek f’ħajti.

Marija Sultana u Medjatriċi ta’ kull grazzja, għallimni nisma’ l-leħen ħlejju tiegħek li jwissini u jurini liema huma dawk l-għażliet li għandi nagħmel biex nikseb dik il-qdusija li Alla jrid jara fija. Grazzi Ġesu’ . Grazzi Ma. Ammen.

One thought on “48. Riflessjoni fuq Luqa 1: 26-38

  1. Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s