46. Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-3, 11-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-3, 11-32

prodigal-sonL-Evanġelju skont San Luqa 15: 1-3, 11-32

[Lq:15:1] Fdak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.

[Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom.”

[Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

[Lq:15:11] “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.

[Lq:15:12] Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid.

[Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajjra.

[Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.

[Lq:15:15] U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer.

[Lq:15:16] Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

[Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’ , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!

[Lq:15:18] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;

[Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’

[Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.

[Lq:15:21] ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’

[Lq:15:22] Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh!

[Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,

[Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.

[Lq:15:25] “Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin.

[Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien.

[Lq:15:27] ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’

[Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.

[Lq:15:29] ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi!

[Lq:15:30] Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’

[Lq:15:31] ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.

[Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-parabbola tal-Missier u żewġ uliedu hija l-itwal waħda li nsibu fil-Vanġeli.

X’inhu l-punt ċentrali tal-istorja?

Huwa l-kuntrast bejn l-Iben ubbidjenti u dak diżubbidjenti? Jew bejn kif il-Missier jitratta l-Iben li kien mitluf u l-mod kif il-Missier jiġi itrattat minn ibnu l-kbir?

Ġesu’ jikkuntrasta l-imħabba u l-ħniena kbira tal-Missier mar-rifjut aħrax tal-iben il-kbir lejn ħuh li kien żbalja u lejn il-festin li l-Missier ferħan jagħmel għal Ibnu li reġa’ lura niedem. Filwaqt li l-Iben li żbalja kien ħela l-flus ta’ Missieru. Missieru xorta baqa’ jżomm imħabba sħiħa għal Ibnu. L-Iben waqt li kien ‘il bogħod minn Missieru tgħallem ħafna dwaru nnifsu u rrealizza li Missieru kien tah imħabba li hu kien għadu ma rreċiprokax. Kien għadu jrid jitgħallem dwar il-fond tal-imħabba ta’ Missieru għalih.

L-umiljazzjoni kbira li sab ruħu fiha meta lanqas setgħa jitma’ lilu nnifsu bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer u r-riflessjoni tiegħu ta’ dak kollu li kien tilef waslitu għas-sobgħa u d-deċiżjoni li jiddikjara lilu nnifsu ħati u midneb quddiem Missieru. Filwaqt li ttama li jirrikonċilja ruħu ma’ Missieru u qatt ma setgħa jimmaġina li din ir-relazzjoni se tissewwa b’tiġdid u għaqda sħiħa u kompluta.

Il-Missier ma kellux bżonn jgħid kliem ta’ maħfra lil Ibnu. L-azzjonijiet tiegħu kienu jitkellmu b’mod aktar qawwi u ċar. Il-libsa Rejali, iċ-ċurkett, l-ikla u l-festa jissimbolizzaw ħajja ġdida, safja, t’unur u ferrieħa għal kull min jirritorna lejn Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

It-tifel li waqa’ fil-ħażen ma setgħax imur lura lejn il-ġnien tal-innoċenza, imma hu ġie milqugħ u mogħti lura l-unur u d-dinjita’ t’Iben. Il-bidla tal-għaġeb tal-Iben li waqa’ fl-iżball mill-miżerja u l-ħtija għat-tiġdid u l-ħajja ġdida hi espressa fl-istampa li l-istorja tpoġġi quddiemna. Il-lingwaġġ tal-qawmien mill-imwiet u t-twelid għal ħajja ġdida mill-mewt spiritwali li kienet tinsab fih ir-ruħ tiegħu huma espressi b’mod ċar fil-parabbola ta’ Ġesu’. Din il-parabbola tikkuntrasta wkoll il-ħniena u l-oppost tagħha n-nuqqas ta’ maħfra. Il-Missier li lilu l-Iben kien naqas kien qiegħed jaħfer imma l-iben il-kbir li lilu ma naqaslu xejn irrifjuta li jaħfer.

In-nuqqas ta’ maħfra  tiegħu tinbidel f’suppervja u l-korla tiegħu twassal biex jinqata’ u jiżola ruħu mill-komunita’ tal-midinbin maħfura. F’din il-parabbola Ġesu’ jagħti stampa ċara t’Alla u ta’ kif inhu Alla. Alla hu tassew ħanin aktar minna. Hu ma jitlifx it-tama u ma jaqtax qalbu minna meta aħna nitbegħdu minnu, anzi jifraħ meta jsib lil dawk li jkunu mitlufa u jwassalhom lura d-dar.

U inti, tesperjenza l-ferħ tal-indiema u t-tiġdid tar-relazzjoni tiegħek m’Alla l-Missier bħala Ibnu jew Bintu?

Tagħmel użu tajjeb u frekwenti mis-Sagrament tal-Qrar li jirrikonċiljak m’Alla Missierek permezz tas-Saċerdot?

Itlob …

Mulej, agħmel li qatt ma niddubita mill-Imħabba tiegħek u lanqas inkun passiva jew nieħu “forgranted” il-Ħniena li Inti turi miegħi.

Marija Omm ħanina, itlob miegħi u għalija biex qalbi timtela dejjem iżjed bl-imħabba t’Alla li titrasformani biex jien ukoll nuri ħniena mal-proxxmu tiegħi, bl-istess mod li Inti u Ibnek turu ħniena bla limiti miegħi. Ammen.

One thought on “46. Riflessjoni fuq Luqa 15: 1-3, 11-32

  1. Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s