Verżjooni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 29-32
L-Evanġelju skont San Luqa 11: 29-32
[Lq:11:29] F’dak iż-żmien, meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona.
[Lq:11:30] Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel.
[Lq:11:31] F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta’ l-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun!
[Lq:11:32] F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Kieku x’kien jgħid Ġesu’ għall-ġenerazzjoni tagħna?
Ġesu’ ta ċanfira pjuttost qawwija lill-ġenerazzjoni tiegħu, meta huma riedu sinjal minn għandu. Kienet karateristika għal-Lhud li jitolbu sinjal mill-messaġġiera t’Alla biex jaraw kemm hu awtentiku dak li jkunu qegħdin jistqarru. Meta wħud mill-kittieba u l-Fariżej issikkaw lil Ġesu’ biex jagħti prova ta’ dan li kien qiegħed jistqarr, hu jgħidilhom diversi drabi u b’ħafna modi li Hu huwa s-sinjal t’Alla u li ma għandhomx bżonn ta’ aktar evidenza minn Alla aktar mill-persuna tiegħu stess. Meta Ġona kellem lin-nies ta’ Ninwè huma għarfu t-twissija t’Alla u nidmu u s-Sultana ta’ nofsinhar, iġifieri ta’ Xeba għarfet l-għerf t’Alla f’Salamun għalhekk ivvjaġġat fit-tul sa ma waslet għandu.
Ġona kien is-sinjal u l-messaġġ tiegħu kien il-messaġġ t’Alla għall-poplu tiegħu ta’ Ninwè. Sfortunament il-kapijiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’ ma kienux kuntenti li jaċċettaw is-sinjali quddiemhom stess. Huma m’aċċettawx il-messaġġ ta’ Ġwann l-Battista u issa huma ma jaċċettawx lil Ġesu’ bħala l-Ikkonsagrat t’Alla, iġifieri l-Messija u għalhekk ma jagħtux kas tal-messaġġ tiegħu. Ġesu’ kkonferma l-messaġġ tiegħu b’ħafna mirakli bi preparazzjoni għall-akbar sinjali fost kollha – il-qawmien mill-mewt tiegħu fit-tielet jum.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Mulej Ġesu’ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagrament tal-Qrar joffrilna l-ħelsien mid-dnub u permezz tal-istess Spirtu tiegħu jagħtina l-għerf għal ħajjitna, jekk aħna nagħtuh widen.
Int tafda fil-għerf t’Alla?
Jirċievi dan il-għerf safi t’Alla min verament ifittex dak li huwa tajjeb u li jmur skont l-ordni tal-pjan għaref t’Alla. Itlob lil Alla biex iġedded lil moħħok u biex iżidlek l-għatx għall-għerf safi tiegħu.
Itlob …
Mulej, agħtini l-għerf tiegħek u żid l-imħabba tiegħi għal triqatek. Għinni nireżisti t-tentazzjoni u b’rieda soda biex jien inkun nixtieq biss b’qalbi kollha dak li jogħġob lilek. Ammen.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju