Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 6: 1-6; 16-18
L-Evanġelju skont San Mattew 6: 1-6 : 16-18
[Mt:6:1] F’dak iż-żmien, Ġesu qal: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.
[Mt:6:2] “Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.
[Mt:6:3] Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija,
[Mt:6:4] biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.
[Mt:6:5] “U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.
[Mt:6:6] Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.
[Mt:6:16] “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.
[Mt:6:17] Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek,
[Mt:6:18] biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Għaliex Ġesu’ enfasizza t-Talb, is-Sawm u l-Karita’ mad-dixxipli tiegħu?
Il-Lhud kienu jikkunsidraw dawn it-tlieta bħala l-ħidmiet bażiċi tal-ħajja reliġjuża. Kienu kkunsidrati bħala s-sinjali li jidhru fi bniedem tajjeb. It-tlett pilastri l-kbar li fuqhom il-ħajja tajba kienet ibbażata. Ġesu’ jipponta lejn il-qalba tal-affari kollha.
Ħsieb għal Qalbek …
Għaliex Titlob, Issum u tagħti Karita’? Biex titfa’ l-attenzjoni fuqek ħalli l-oħrajn jinnutaw dak li tkun qed tagħmel u jgħidu li int bniedem qaddis? Jew biex tagħti glorja lil Alla?
Il-Mulej iwissi lid-dixxipli tiegħu dwar il-vanaglorja – meta wieħed jagħmel xi ħaġa tajba biex jirċievi l-glorja hu nnifsu. Iwissi dwar it-tħassib żejjed li wieħed jista’ jkollu biex jidher tajjeb quddiem l-oħrajn u biex jirċievi t-tifħir minn għandhom.
Filwaqt li tagħmel is-Sawm, it-Talb u l-Karita’ tiegħek lejn il-proxxmu, għamel ukoll minn kollox biex iżżomm kollox moħbi u tfaħħar int stess lil Alla meta in-nies tfaħħar lilek, biex tkun qed tagħraf lil Alla bħala dak li waħdu hu l-Bidu u l-Għajn ta’ kull don tajjeb.
Itlob …
Mulej, għinni nersaq lejk fit-talb, fis-sigriet u fil-kamra ta’ ġewwa fejn Int tkun hemm tistennini. Għarrafni x’għandi nbiddel f’ħajti biex bl-għajnuna tiegħek ngħix il-ħajja t-tajba li Int titlob minni.
Marija Omm l-iktar umli u moħbija, agħmel li bħalek meta jfaħħruni n-nies jien indawwar it-tifħir tiegħi kollu lejn Alla bl-istess mod kif Inti għamilt quddiem it-tifħir li rċevejt mingħand Eliżabetta li stqarret li Int kont l-Imbierka fost in-nisa u hienja għax emmint kull ma bagħat jgħidlek Alla permezz tal-Anġlu Gabrijiel.
O Marija, agħtini qalbek għax irrid inħobb lil Ġesu’ bħalma ħabbejtu Int. Ammen.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju