7. Ir-Rit tal-Għeluq

Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.

Ir-Rit tal-GheluqIR-RIT TAL-GĦELUQ

Ir-rit tal-għeluq jitqassam hekk:

  • It-tislima u l-Barka tas-Saċerdot; f’xi ġranet u okkażjonijiet partikulari, il-Barka tingħata skont formula aktar solenni, jew qabilha tingħad talba għall-poplu;
  • Il-liċenzjament, jiġifieri d-Djaknu jew is-Saċerdot stess, jekk ma jkunx hemm Djaknu, jibgħat lil kulħadd fis-sliem, biex il-fidili joħorġu u jingħataw għall-ħidma tajba tagħhom u jfaħħru u jbierku lill-Mulej. (O.G.M.R. – 57).

It-tislima u l-Barka tas-SacerdotIT-TISLIMA U L-BARKA TAS-SAĊERDOT

Filwaqt li jiftaħ idejh, is-Saċerdot isellem lill-poplu u jgħid: “Il-Mulej magħkom” u l-poplu jwieġeb: “U miegħek ukoll.” Minnufih, is-Saċerdot iżid: “Iberikom Alla li jista’ kollox..” irodd is-Salib fuq il-poplu u dan iwieġeb “Ammen”. (O.G.M.R. – 124).

Waqt il-Benedizzjoni, is-Saċerdot jerfa’ jdejh ‘il fuq biex juri li huwa f’isem il-Knisja sejjer jitlob mingħand Alla, il-milja tal-Barka tas-sema fuq l-insara li jkunu madwaru. Imbagħad irodd fuqhom is-Salib biex juri li s-Sagrifiċċju tal-Kalvarju mwettaq fuq is-Salib huwa l-għajn ta’ kull grazzja u ta’ kull Barka.

Is-Sinjal tas-Salib li bih tinbeda ċ-ċelebrazzjoni Ewakristika, jimmarka wkoll it-tmiem tagħha. B’dan il-mod aħna nifhmu aħjar li ċ-ċelebrazzjoni kollha hija taħt il-ħarsien tat-Trinita’ Qaddisa, li minnha jiddependi fuq kollox it-twettiq tal-pjan tas-Salvazzjoni matul l-istorja.

Din il-Benedizzjoni tfakkarna f’dik li Kristu ta lil Ommu Marija u lid-dixxipli qabel ma ħalla d-dinja u tela’ fis-smewwiet. “Ħadhom sa ħdejn Betanja u refa’ idejh u berikom. U ġara li huwa u jberikom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. (Luqa 24: 50-51). Tfakkarna wkoll f’dik il-Barka li meta Kristu jidher fl-aħħar tad-dinja, biex jagħmel il-ħaqq, jagħti lit-tajbin bħala siġill tal-fidwa tiegħu: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.” (Mattew 25.34).

Il-Barka li s-Saċerdot jitlob fuq dawk li jieħdu sehem fil-Quddiesa hija s-sinjal li l-Mulej jibqa’ dejjem ma’ dawk li jemmnu sabiex isaħħaħhom fix-xhieda li jridu jagħtu lid-dinja. (Mattew 28. 20). In-nisrani jaf li l-Mulej mhux biss huwa preżenti fit-Tempju tal-ġebel, iżda jgħammar ukoll fil-qalb tiegħu, speċjalment jekk jilqa’ kif imiss il-Kelma t’Alla u t-Tqarbin Imqaddes. Kif kienu jistqarru fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, kull nisrani huwa Kristofru, jiġifieri jġorr miegħu lil Kristu.

Tmiem il-QuddiesaTMIEM IL-QUDDIESA

Wara l-Barka, is-Saċerdot igħaqqad idejh ma’ xulxin u jgħid “Morru fil-paċi ta’ Kristu” u kulħadd iwieġeb “Inroddu ħajr lil Alla” (O.G.M.R. – 124).

Is-Saċerdot ibus l-Altar u mbagħad isellem b’inklinazzjoni profonda jew b’ġenuflessjoni jekk ikun hemm it-Tabernaklu bis-Santissmu Sagrament, u jidħol ġewwa flimkien mal-Ministri. (O.G.M.R. – 125).

It-tislima “Morru fil-paċi ta’ Kristu” tfisser li għad li r-rit Ewkaristiku issa huwa mitmum, iżda għall-insara tibda ċelebrazzjoni oħra, li fiha hija mpenjata ħajjithom kollha kemm hi. Huma joħorġu mit-Tempju u jimxu fit-toroq tad-dinja, iżda għandhom ikunu fost ħuthom, “ix-xhieda tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu” bi kliemhom, bl-għemejjel tagħhom u b’ħajjithom kollha. Il-ħin taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, mela, huwa l-mument prezzjuż li fih, filwaqt li bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, nagħtu qima lil Alla, nikbru fl-imħabba u fl-għaqda tagħna mal-Feddej u mal-proxxmu tagħna, nitħeġġu u nitħejjew aħjar biex naqdu dmirijietna bħala nsara fis-soċjeta’.

Il-ħruġ mill-Knisja huwa sinjal ieħor ta’ dak il-pelleġrinaġġ jew mixja twila li l-insara jridu jwettqu ta’ kuljum biex jaslu fid-dar tal-Missier. Matul il-jum u matul il-ġimgħa, l-insara jitferrxu ‘l hawn u ‘l hemm biex kull wieħed minnhom iwettaq il-ħidma tiegħu ta’ kuljum, iżda jħossu li ma humiex weħidhom u lanqas mifrudin minn xulxin, għaliex jemmnu li jiffurmaw il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u mxierkin fi Knisja waħda, hekk li flimkien iġorru r-responsabbilta’ u jħarsu l-impenn li jkun xhieda ta’ Kristu fid-dinja.

3 thoughts on “7. Ir-Rit tal-Għeluq

  1. Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  2. Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  3. Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s