Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.
IR-RIT TAT-TQARBIN
Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika hija l-ikla tal-Għid tal-Mulej. Għalhekk il-fidili mħejjija tajjeb, ikunilhom ta’ ġid jekk, skont il-kmandament tal-Mulej, jersqu jirċievu l-Ġisem u d-Demm tiegħu b’ikel spiritwali tagħhom. Hu għalhekk li jsir il-qsim tal-ħobż u r-riti l-oħra tat-tħejjija li bihom il-fidili jitressqu għat-Tqarbin. (O.G.M.R. – 56).
Fil-lejl qabel ma miet, is-Sinjur tagħna Ġesu’ kiel il-ħaruf tal-Għid flimkien mad-dixxipli tiegħu bħala ikla ta’ Sagrifiċċju. Skont it-tradizzjoni tal-Lhud, l-ikla tal-ħaruf li joffru lil Alla, kienet simbolu ta’ għaqda m’Alla u ma’ dawk kollha li jkunu jieklu flimkien. Hekk ukoll, bl-istess mod, għandna nifhmu t-Tqarbin Imqaddes. Aħna nieklu l-ħaruf tal-Għid tagħna li hu maqtul (1 Kor 5,7) jiġifieri nieħdu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u b’din l-ikla aħna nkunu nfissru l-għaqda tagħna mhux biss m’Alla f’Ġesu’ Kristu, imma wkoll ma’ dawk kollha li jitqarbnu magħna. (Missal għall-Ħdud daħla paġna 6).
Ir-riti li jsieħbu t-Tqarbin u li jservu bħala tħejjija għalih huma: il-Missierna, l-Emboliżmu, Ir-rit tal-paċi, Il-qsim tal-ħobż, Il-Ħaruf t’Alla, It-tħejjija privata tas-Saċerdot, “Dan hu l-Ħaruf t’Alla”, It-Tqarbin tas-Saċerdot, It-Tqarbin tal-fidili, Is-skiet jew innu wara t-Tqarbin, It-Talba ta’ wara t-Tqarbin.
IT-TALBA TAL-MULEJ (MISSIERNA)
Wara d-Dossoloġija, is-Saċerdot igħaqqad idejh ma’ xulxin u jgħid it-twissija ta’ qabel il-Missierna, imbagħad jiftaħ idejh u flmkien mal-poplu igħid il-Missierna. (O.G.M.R. – 110).
Fiha nitolbu lil Alla biex jagħtina l-ħobż ta’ kuljum, li lill-insara jfakkarhom fil-Ħobż Ewkaristiku, kif ukoll biex jaħfrilna dnubietna, ħalli l-ħwejjeġ qaddisa nirċievuhom tassew bil-qdusija. Is-Saċerdot jistieden lill-fidili għal din it-talba u lkoll igħiduha flimkien miegħu, imbagħad hu, waħdu, iżid l-Emboliżmu li l-poplu jagħlaq bid-Dossoloġija. (O.G.M.R. – 56a).
Il-Missierna li tingħad bħala tħejjija għat-Tqarbin hija t-Talba li għallimna Sidna Ġesu’ Kristu nnifsu, kif tinsab fl-Evanġelju ta’ San Mattew (6, 9-13). Fi żminijiet bikrin tal-Knisja, kienet meqjusa bħala oġġett sagru u prezzjuż, u l-insara kienu jħarsuha bħala sigriet qaddis. Ma kinitx tiġi reċitata b’leħen għoli u lanqas kienet tiġi miktuba sabiex ma jkunx hemm il-periklu li jgħidha xi ħadd li jkun għadu mhux imgħammed. Lanqas dawk li kienu jħejju ruħhom għall-Magħmudija ma kienu mħollijin igħiduha, qabel jirċievu dak is-Sagrament.
Hija orazzjoni fundamentali għall-insara. Fiha nsibu mhux biss xempju kif għandna nitolbu, iżda wkoll kif għandna ngħixu. Min jifhem sewwa l-Missierna, jifhem ukoll il-messaġġ ta’ Kristu għaliex hija ġabra fil-qosor tal-Evanġelju. Hija turina liema għandhom ikunu r-relazzjonijiet bejnietna u m’Alla, skont it-tagħlim ġdid ma’ Kristu, jiġifieri fiha jidher id-dmir li nħobbu ‘l Alla bħala Missier tagħna u lill-bnedmin kollha bħala ħutna. Min igħid bis-serjeta’ l-Missierna, jimpenja ruħu li jgħix skont it-tagħlim tal-Evanġelju. Mhux għaġeb għalhekk, li kważi s-Santi Padri kollha, għamlu kummenti fuq il-Missierna, fissruha lill-insara u nqdew biha sabiex jagħtu katekeżi lill-bnedmin ta’ żmienhom.
Skont Sant’Wistin (Sermo 17, 5, 5 – p.l. 38, 127) il-Missierna hija bħala purifikazzjoni jew tisfija spiritwali li jagħmlu l-insara, qabel ma jirċievu s-Sagrament Imqaddes, peress li fiha jingħadu l-kelmiet: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”
Wisq probabbli li kien San Girgor il-Kbir li ordna li l-Pater Noster jingħad wara t-Talba Ewkaristika, sabiex biha nfaħħru u nbierku lil Alla, bl-istess ta’ kliem, fil-preżenza tal-Ġisem u d-Demm għażiż tiegħu. (P.L.77, 956).
L-EMBOLIŻMU
Wara l-Missierna, is-Saċerdot jibqa’ b’idejh miftuħa u waħdu jgħid l-Emboliżmu: “Eħlisna nitolbuk, Mulej…” li l-poplu jwieġeb għalih bid-Dossoloġija jew akklamazzjoni: “Għax tiegħek hi s-Saltna..” (O.G.M.R. -111).
L-Emboliżmu hu t-talba li tfisser iktar fit-tul l-aħħar talba tal-Missierna u fiha s-Saċerdot jitlob li l-ġemgħa kollha tal-fidili tkun meħlusa mis-setgħa tal-ħażin. L-istedina għat-talba tal-Missierna, it-talba stess, l-Emboliżmu u d-Dossoloġija tal-għeluq, jistgħu jitkantaw jew jingħadu b’leħen ċar. (O.G.M.R. 56a).
Fiż-żminijiet tan-nofs, wara l-Missierna, kienu jiġu miżjudin xi talbiet għall-għajnuna t’Alla, speċjalment meta l-insara kienu jkunu mhedda minn xi gwaj jew periklu. Fil-Liturġija tallum, bil-kelmiet tal-Emboliżmu ‘Eħlisna nitolbuk Mulej,” is-Saċerdot ikompli jitlob li niġu meħlusin mill-ħażen u mid-dnub u b’hekk nishru u ngħassu filwaqt li nistennew it-tieni miġja tal-Mulej, fil-glorja tiegħu li jagħtina s-sliem għal dejjem.
L-Ewkaristija li fiha nieħdu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, iżżomm ħajja fina t-tama tal-ħajja ta’ dejjem u tfakkarna fl-eternita’. L-Emboliżmu għandu jqanqal lill-insara sabiex jixtiequ u jistennew is-Saltna t’Alla, li tinkiseb fil-milja tagħha fid-dinja l-oħra. Imħeġġin minn din ix-xewqa l-insara jxandru l-qawwa u l-glorja t’Alla fid-Dossoloġija, li hija ġejja minn tradizzjoni antika u għadha tingħad mhux biss fil-Liturġija tagħna, iżda wkoll fil-Litruġiji Orjentali u fis-servizzi Liturġiċi tal-Knejjes tar-riforma.
Fl-Emboliżmu jidher ċar il-kuntrast bejn id-deni u l-ħażen minn naħa l-waħda u l-hena u l-paċi min-naħa l-oħra. Bħala fejqan għall-ħażen ta’ kull għamla, tal-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej, nitolbu li jkollna l-paċi. Iżda qabel xejn, nitolbu li nkunu meħlusa minn kull ħtija għaliex l-paċi esterna u l-ħelsien mill-hemm jiddependu mill-paċi interjuri li hija l-ħlusija mid-dnub u l-ħbiberija m’Alla.
IR-RIT TAL-PAĊI
F’dan ir-rit, nitolbu lil Alla biex jagħti s-sliem u l-għaqda lill-Knisja u lill-familja kollha tal-bnedmin, qabel ma jersqu biex jieħdu sehem flimkien minn ħobża waħda. (O.G.M.R. – 112).
It-talba li jgħid is-Saċerdot tfakkarna li Kristu, awl il-lejl qabel ma miet, fuq kollox talab għall-paċi u għall-għaqda fost dawk li jemmnu fih u għal dan il-għan ukoll ħallielna Ġismu u Demmu. L-ikbar espressjoni tal-għaqda tagħna fi Kristu hija t-Tqarbina minn ħobża waħda u minn Kalċi wieħed, iżda biex nitħejjew kif imiss għal din it-Tqarbina jeħtieġ li nkunu fil-grazzja t’Alla, jiġifieri fil-paċi ma’ Kristu u ma jkollniex mibgħeda għall-oħrajn, ċioe’ nkunu fil-paċi wkoll mal-proxxmu tagħna.
Il-ġesti tal-paċi, ma jfisser xejn jekk l-insara wara li jkunu talbu l-maħfra tal-Missier, ma jkunux lesti li jaħfru huma wkoll lil min għamlilhom id-deni. (Mat. 5.23). Fil-qalba tal-messaġġ tal-morali nisranija hemm l-imħabba tal-proxxmu u l-Ewkaristija hija s-Sagrament li jfisser u jipproduċi din l-imħabba u l-għaqda fost l-insara. Biex il-ġest tal-paċi jkun sinċier jeħtieġ li jkun imsieħeb max-xewqa u mal-impenn li wieħed jaħdem għal ftehim u l-għaqda fost l-insara. Waqt li nagħtu l-paċi lil xulxin, nitolbu lil Alla li jagħmilna strumenti tal-paċi tiegħu biex ikollna sehem mill-beatitudni ta’ Kristu: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.” (Matt 5.9)
Il-paċi u l-għaqda huma rigal li aħna nitolbu minn għand Alla għall-Knisja, u għall-bnedmin; iżda huma wkoll impenn tal-insara kollha, għax kull wieħed minnhom għandu jħabrek sabiex madwaru u fid-dinja kollha ssaltan il-paċi ta’ Kristu.
Permezz ta’ dan ir-rit, l-Ewkaristija tidher wisq tajjeb bħala sinjal tal-għaqda u rabta tal-karita’.
IL-QSIM TAL-ĦOBŻ
Is-Saċerdot, wara li jikxef il-Kalċi, jieħu l-Ostja f’idejh, jaqsamha fuq il-Patena, jixħet fil-Kalċi biċċa żgħira minnha u jgħid taħt l-ilsien: “Il-Ġisem flimkien mad-Demm…” Sadanttant il-kor u l-poplu jkantaw jew jgħidu l-“Ħaruf t’Alla”. (O.G.M.R. – 113).
Ir-rit tal-qsim tal-ħobż huwa ġej minn żmien l-Appostli, fil-Liturġija Ewkaristika. Anzi din kienu jsejħulha “il-Qsim tal-Ħobż”, għaliex Kristu fl-Aħħar Ċena, qasam il-ħobż (Matt 26, 26; Mark 14, 22; Luqa 22, 19) u hekk ukoll għamel meta deher id-dixxipli t’Emmaus (Luqa 24,30).
Fil-Quddiesa, dan ir-rit isir sabiex is-Saċerdot ikun jista’ jitqarben u fl-antik l-insara kienu jitqarbnu bil-biċċiet li jinqatgħu minn Ostja waħda kbira. Iżda fir-rit hemm ukoll simboliżmu ċar.
Fir-Rabta l-Qadima (Ġenesi 15, 9 Ġeremija 34, 18, Eżodu 24, 4) insibu li l-vittmi tas-sagrifiċċju kienu jiġu maqsuma min-nofs. Dan il-qsim tal-Ostja jfisser il-mewt ta’ Kristu, il-vittma tas-Sagrifiċċju tar-Rabta l-Ġdida.
It-tfigħ ta’ biċċa żgħira mill-Ostja Kkonsagrata fid-Demm Imqaddes ġiet interpretata minn xi teoloġi medjevali, fosthom Durandus, bħala simbolu tal-qawmien ta’ Kristu, meta r-ruħ u d-Demm tal-Mulej reġgħu ngħaqdu ma’ Ġismu li kien fil-qabar, li mbagħad reġa’ ħa l-ħajja u qam mill-mewt. (S.Tumas, Summa Theol III, 9. 83a 5 ad 3).
Il-qsim tal-ħobż ifisser ukoll li aħna għalkemm aħna ħafna, insiru ġisem wieħed, meta fit-Tqarbin naqsmu bejnietna l-ħobża waħda tal-ħajja li hu Kristu. San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin (10, 16-17) kiteb: “Il-Ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-Ġisem ta’ Kristu? Għax la ħobża hi waħda, aħna, li aħna ġisem wieħed, ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda.”
IL-ĦARUF T’ALLA
Waqt il-qsim tal-ħobż u l-immissjoni, il-grupp tal-kant jew il-kantur igħidu l-invokazzjoni “Ħaruf t’Alla” u l-poplu jwieġeb. Din l-invokazzjoni titkanta jew tingħad b’leħen għoli u tista’ tibqa’ tirripeti ruħha kemm ikun hemm bżonn, sa ma jispiċċa r-rit tal-qsim tal-ħobż; fl-aħħar tagħlaq bil-kelmiet “agħtina l-paċi.” (O.G.M.R – 56 e).
Skont il-Liber Pontificalis ( 1. 376) kien il-Papa Serġju 1 (6887 -701) ta’ nazzjonalita’ greko-sirijaka, li daħħal l-Agnus Dei fil-Liturġija Rumana. Dan il-kant aktarx li kellu l-bidu tiegħu fil-pajjiżi tal-Lvant. Għall-ewwel, il-kant kien jiġi ripetut ħafna drabi, iżda mis-seklu tnax (XII) sakemm bdiet isseħħ l-aħħar riforma Liturġika, l-Agnus Dei kien jingħad biss tliet darbiet.
Il-kliem tal-Ħaruf t’Alla, li jsieħeb il-qsim tal-ħobż, ifakkarna fil-Ġisem issagrifikat ta’ Kristu u fid-Demm tiegħu mxerred waqt il-Passjoni. Fih ukoll invokazzjoni lil Kristu, il-Ħaruf tal-Għid tal-Patt il-Ġdid, maqtul iżda rebbieħ, kif jgħidilna San Ġwann fl-Apokalissi.
Hekk waqt li l-qsim tal-ħobż jissimboleġġa il-waqt li fih ġie minfud il-Ġisem ta’ Kristu fuq is-Salib għall-fidwa tal-ġens tal-bnedmin, bil-kliem tal-Agnus Dei, insejħu lil din il-Vittma Divina u Innoċenti sabiex tqassmilna l-frott tal-istess Sagrifiċċju billi tagħtina l-maħfra ta’ dnubietna u l-paċi.
Fl-Agnus Dei, għandu jkun ċar il-ħsieb tas-Sagrifiċċju, jiġifieri li Kristu sar Vittma għal dnubietna. L-insara għandhom jiftakru li Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa qiegħed fostna u jitolbu l-ħniena tiegħu.
IT-TĦEJJIJA PRIVATA TAS-SAĊERDOT
Is-Saċerdot iħejji ruħu b’talba waħdu minn taħt l-ilsien li fiha jitlob biex it-Tqarbina tiegħu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tkunlu ta’ ġid. Jagħżel waħda miż-żewġ talbiet: “Mulej Ġesu’ Kristu, Bin Alla ħaj…” jew “Mulej, Ġesu’ Kristu, nitolbok…” Il-fidili jagħmlu bħalu u jitolbu fis-skiet. (O.G.M.R. 56 f, 114).
Huma talbiet ta’ pjeta’ privata u ġew imdaħħla fil-Quddiesa aktarx li mhux qabel is-seklu għaxra. Xi wħud jaħsbu li ġew miktubin minn Alcuino, qassis ingliż għaref minn York, li miet fis-sena 804.
Filwaqt li t-talbiet ta’ qabel huma fil-plural, din it-talba tingħad fis-singular, għaliex tirreferixxi għas-Saċerdot waħdu.
Huwa importanti li min ikun ser jitqarben iħejji ruħu sewwa għall-Ikla Mqaddsa, kif iwissina l-Appostlu Missierna San Pawl fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin (11. 28-29). “Ħa jagħrbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-Kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-Ġisem tal-Mulej ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess.”
Fuq l-eżempju taċ-ċelebrant, anke l-insara li jkunu ser jieħdu sehem fit-Tqarbina tagħhom fis-Sagrifċċju Mqaddes, għandhom iħejju ruħhom kif jixraq b’xi talba li jgħidu f’qalbhom u billi jaħsbu fuq Dak li jkunu ser jirċievu.
STEDINA GĦALL-MEJDA TA’ KRISTU
Wara t-talba privata ta’ tħejjija, is-Saċerdot jagħmel ġenuflessjoni, iqum, jieħu f’idejh l-Ostja, iżommha merfugħa kemm kemm ‘il fuq b’idu l-leminija, bil-Patena taħtha f’idu, l-oħra, u b’wiċċu lejn il-poplu jgħid: “Dan hu l-Ħaruf t’Alla, Dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf.” (O.G.M.R. – 115). Hekk, waqt li juri lill-fidili l-Ħobż Ewkaristiku li bih ikunu ser jitqarbnu, jistedinhom għall-mejda tal-Mulej u flimkien magħhom jagħmel att ta’ fidi u umilta’: “Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.” (O.G.M.R. – 56g).
Il-kliem li jingħad immedjatament qabel it-Tqarbin huwa meħud mill-Kotba Mqaddsa tar-Rabta l-Ġdida. Bl-istess kliem, li jgħid is-Saċerdot, San Ġwann Battista wera lil Kristu, meta kien jitkellem mal-poplu fid-deżert: “Araw il-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.” (Ġwann 1.29). Fil-ktieb tal-Apokalissi (19.9) insibu t-tieni parti tal-istedina għat-Tqarbin. “Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf.” li huwa Kristu. Dan ifakkarna li l-Ewkaristija twassal għall-ikla jew festa kbira fil-hena tas-sema. It-talba li jagħmlu l-insara flimkien mas-Saċerdot hija meħuda mill-kliem li qal iċ-Ċenturjun lil Ġesu’, meta talbu biex ifejjaqlu lill-qaddej tiegħu: “Sinjur ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda int għid kelma waħda biss u l-qaddej tiegħi ifieq.” (Mattew 8.8).
IT-TQARBIN
Is-Saċerdot waħdu, b’wiċċu lejn l-Altar, igħid fis-skiet, “ Il-Ġisem ta’ Kristu jħarisni għall-ħajja ta’ dejjem” u bl-qima kollha jitqarben bil-Ġisem ta’ Kristu. Bl-istess mod jieħu l-Kalċi, u jgħid: “Id-Demm ta’ Kristu jħarisni għall-ħajja ta’ dejjem,” u bil-qima kollha jixrob id-Demm ta’ Kristu. (O.G.M.R. – 116).
Imbagħad jieħu l-Patena jew il-Pissidi, jersaq lejn dawk li jkunu ser jitqarbnu u lil kull wieħed u waħda minnhom jurih l-Ostja, kemm kemm merfugħa quddiemu u jgħidlu: “Il-Ġisem ta’ Kristu”. Min ikun se jitqarben iwieġeb “Ammen”, u jirċievi s-Sagrament. (O.G.M.R. – 117).
Waqt it-Tqarbin tas-Saċerdot u tal-fidili, isir il-kant, jew minn floku tingħad l-antifona tat-Tqarbin li hemm fil-Missal. Iżda jixraq wisq iżjed li jsir il-kant f’dan il-ħin, għaliex b’hekk jidher aħjar li t-Tqarbin huwa rit ta’ festa. Ġesu’ nnifsu flimkien mal-Appostli tiegħu, kantaw fl-aħħar Ċena u din id-drawwa nżammet mill-insara tal-qedem. Dan il-kant tal-fidili waqt it-Tqarbin tagħhom ifisser ukoll li bħalma huma magħquda leħen wieħed flimkien, hekk ukoll ruħ waħda bejniethom u li b’qalbhom ferħana qegħdin iħossu iżjed li huma lkoll aħwa resqin flimkien biex jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu. (O.G.M.R. – 56 i). Barra minn hekk, sabiex l-insara jersqu lejn l-Altar għat-Tqarbin bl-ordni u bil-qima, jeħtieġ li tiġi fformata bħala proċessjoni u kull proċessjoni hija msieħba bil-kant.
Il-Knisja tixtieq ħafna li l-fidili jitqarbnu bl-Ostji Kkonsagrati fl-istess Quddiesa, ħalli jidher aħjar is-sinjal li t-Tqarbina hija sehem mill-istess Sagrifċċju li jkun qed jiġi ċċelebrat. (O.G.M.R. – 56 h). Din ix-xewqa tal-Knisja hija mfissra b’mod ċar mill-Papa Piju XII, fl-Enċiklika “Mediator Dei”: Hu tajjeb li l-poplu jersaq jitqarben, wara li jkun tqarben is-Saċerdot u ta’ min ifaħħar ‘l dawk li meta jkunu għall-Quddiesa jitqarbnu bl-Ostji Kkonsagrati fl-istess Sagrifiċċju; b’dan il-mod iseħħu tabilħaqq il-kelmiet: ‘biex aħna lkoll, li nieħdu sehemna mill-Altar u nitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm Imqaddes t’Ibnek, nimtlew b’kull barka u grazzja tas-sema.”
IT-TALBA TA’ WARA T-TQARBIN
Wara li jitqarben kulħadd, is-Saċerdot, jekk jibqa’ xi frak tal-Ostja, jiġbru, jippurifika l-Patena jew il-Pissidi fuq il-Kalċi, u mbagħad jippurifika l-istess Kalċi u jimsħu bil-Purifikatur. (O.G.M.R. – 120).
Wara l-purifikazzjoni tal-Kalċi, is-Saċerdot jista’ jerġa’ jmur fuq is-siġġu jew jibqa’ bilwieqfa. Jista’ jinżamm ftit ħin tas-skiet fil-ġabra, waqt li kulħadd ikun bilqiegħda, jew inkella joqgħodu bilwieqfa u jingħad xi Salm jew Kantiku ta’ tifħir. (O.G.M.R. – 121).
Meta jintemm ir-radd ta’ ħajr fis-skiet jew bil-kant is-Saċerdot, b’wiċċu lejn il-poplu jgħid “Nitolbu” u b’idejh miftuħa jlissen it-talba ta’ wara t-Tqarbin, li għaliha l-poplu jwieġeb: “Ammen”. (O.G.M.R. – 122).
F’dan il-ħin, is-Saċerdot jitlob lil Alla biex ixerred fuq kulħadd il-ġid tal-Misteru ċċelebrat.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju