5. Ir-Rakkont tat-Twaqqif tal-Ewkaristija

Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.

ir-rakkont-tat-twaqqif-tal-ewkaristija.jpgIR-RAKKONT TAT-TWAQQIF TAL-EWKARISTIJA

Permezz tal-kelmiet u l-ġesti ta’ Kristu, tiġi rappreżentata l-Aħħar Ċena li fiha l-Mulej Ġesu’ waqqaf is-Sagrifiċċju u s-Sagrament tal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu, meta taħt ix-xbihat tal-ħobż u tal-inbid ta lill-Appostli Ġismu mogħti b’Sagrifiċċju għall-bnedmin u Demmu li kellu jiġi mxerred għall-maħfra tad-dnubiet, sabiex dan ikun l-ikel u x-xorb tagħhom u ordnalhom li jkomplu jwettqu dan il-Misteru.

Il-kelmiet tal-Missal ma humiex meħudin kelma b’kelma mill-Evanġelju, iżda jiġbru t-test tas-Sinottiċi (Mattew, Mark, Luqa) flimkien ma’ dak tal-Appostlu San Pawl, fl-ewwel ittra lill-Korintin.

Is-Saċerdot dawn il-kelmiet tal-Konsagrazzjoni jgħidhom fil-persuna ta’ Kristu u japplikahom għall-ħobż u l-inbid li jkollu preżenti quddiemu. (S Theol III, 78 a5).

Bil-kelmiet qaddisa: “Dan hu Ġismi”, “Dan hu l-Kalċi ta’ Demmi” il-ħobż u l-inbid fuq l-Altar jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Jibqa’ biss ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid, iżda r-rejalta’ li hemm taħt dawk ix-xbihat tinbidel. Dak li hemm preżenti taħt dawn ix-xbihat, mhux iżjed ħobż u inbid, iżda huwa Kristu bil-ġisem u d-demm tiegħu. Din il-bidla tal-għaġeb, il-Knisja, issejħilha “Transustanzazzjoni.”

Sa mis-seklu XIII (tlettax) ġie mdaħħal fil-Quddiesa, wara l-kelmiet tal-Konsagrazzjoni, ir-rit tal-Elevazzjoni tal-Ostja u tal-Kalċi. Is-Saċerdot, jerfa’ l-Ostja Kkonsagrata, juriha lill-poplu, imbagħad jerġa’ jqiegħedha fuq il-Patena u jinżel għarkupptejh jaduraha. Hekk ukoll, wara l-Konsagrazzjoni tal-inbid, juri l-Kalċi bid-Demm Imqaddes lill-poplu, imbagħad iqiegħdu fuq l-Korporal u jinżel għarkupptejh jadurah.

Fl-aħħarnett, is-Saċerdot jgħid: “Dan hu l-Misteru tal-fidi” u l-poplu jwieġeb b’waħda mill-akklamazzjonijiet bħalma hija “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej…” L-Ewkaristija hija tabilħaqq il-Misteru tal-fidi għaliex tiġbor fiha l-pjan kollu tas-Salvazzjoni, imfassal minn Alla fl-imħabba infinita’ tiegħu għalina l-bnedmin, u mwettaq minn Ibnu, Ġesu’ Kristu Sidna, bil-mewt u l-qawmien tiegħu.

F’dan il-ħin tajjeb li niftakru fit-talba li għamel lil Kristu missier it-tifel imbikkem maħkum mix-xitan: kif insibu fl-Evanġelju: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi! (Mark 9:24) u nirrepetu f’qalbna din it-talba.

L-AnamnesiL-ANAMNESI

Il-Knisja, filwaqt li twettaq il-kmand li taha Kristu permezz tal-Appostli, tiċċelebra t-tifkira tal-Mulej Ġesu’ billi ġġibilna quddiem għajnejna l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jiġifieri l-passjoni, il-mewt, il-qawmien glorjuż tiegħu u t-tlugħ fis-sema.

L-ikla tal-Għid li l-Lhud kienu jiċċelebraw ta’ kull sena b’festa kbira u li Kristu ried jagħmel mal-Appostli tiegħu f’Ħamis ix-Xirka, kienet tifkira ħajja ta’ meta Alla ħeles lill-poplu magħżul tiegħu mill-jasar tal-Eġittu.

Meta ninġabru għall-Quddiesa, aħna nirrepetu b’tifkira dak li għamel Kristu fil-lejl ta’ qabel ma miet, fl-Aħħar ikla mal-maħbubin tiegħu. Ġesu’ newlilhom Ġismu mogħti b’Sagrifiċċju u Demmu li kellu jixxerred għalihom. Ħallielhom ukoll il-kmand jew ordni tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Din iċ-ċelebrazzjoni li nagħmlu aħna, hija marbuta mas-Sagrifiċċju li Kristu wettaq darba għal dejjem fuq il-Kalvarju. Hija t-tifkira u t-tiġdid tal-istess Sagrifiċċju, li l-Knisja tibqa’ ttenni sal-aħħar taż-żminijiet meta Kristu jerġa’ jiġi fil-Glorja tiegħu. Għalhekk San Pawl iwissina: “Kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-Kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.” (1Kor. 11:26).

L-Offerta tas-SagrificcjuL-OFFERTA TAS-SAGRIFIĊĊJU

Il-membri tal-Knisja, speċjalment dawk li jkunu miġburin flimkien għas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, joffru lill-Missier Alla, fl-Ispirtu s-Santu, il-Vittma bla tebgħa li huwa Kristu. Il-Knisja tixtieq li flimkien ma’ din il-Vittma, l-insara jitgħallmu joffru wkoll lilhom infushom u permezz ta’ Kristu jitwettqu dejjem iżjed fil-għaqda m’Alla u bejniethom, sabiex fl-aħħar Alla jkun kollox f’kulħadd.

Il-Quddiesa hija l-istess Sagrifiċċju tal-Kalvarju. Kemm fuq is-Salib u kif ukoll fuq l-Altar, Kristu huwa l-Vittma u s-Saċerdot ewlieni. Iżda meta kien merfugħ fuq is-Salib bejn l-art u s-sema, Kristu kien waħdu u qisu miċħud mill-bnedmin. Fil-Quddiesa, aħna noffru flimkien miegħu s-Sagrifiċċju u nħossuna magħqudin ħaġa waħda mal-Offerta ta’ Kristu, għax aħna membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu li hija l-Knisja.

L-Offerta ta’ Kristu, għalhekk, tiġbor fiha wkoll l-offerta tagħna, żgħira kemm hi żgħira. Hu offra lilu nnifsu, iżda aħna magħqudin miegħu, mhux biss fil-ħsieb u x-xewqa li nagħtu qima lil Alla, b’dan is-Sagrifiċċju, iżda wkoll billi mal-Vittma Divina ngħaqqdu wkoll l-offerta tagħna nfusna. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu biss b’indifferenza kif għamlu s-suldati fuq il-Kalvarju. Bħala membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, aħna noffru s-Sagrifiċċju flimkien miegħu u permezz tiegħu.

L-IntercessjonijietL-INTERĊESSJONIJIET

B’dawn it-talbiet li jagħmel iċ-ċelebrant, jidher ċar li l-Ewkaristija hija ċċelebrata f’xirka mal-Knisja kollha, dik tas-sema u dik tal-art, kif ukoll li s-Sagrifiċċju jiġi offrut għaliha u għall-membri tagħha kollha ħajjin u mejtin, li ġew imsejħa biex ikollhom sehem fil-fidwa li nkisbet bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

F’għaqda mal-qaddisin tal-Ġenna, il-Knisja titlob għall-membri tagħha mxerrdin mad-dinja. Waqt li tneħħi kull limiti ta’ spazju jew żmien, din it-talba tħaddan fiha wkoll lil dawk li diġa’ mietu u ltaqgħu mal-Mulej.

Fl-interċessjonijiet huma mfakkrin ukoll il-Papa, l-Isqof, l-Isqfijiet tad-dinja, dawk li jieħdu sehem fil-ministeru u fl-appostolat għall-ġid tal-Knisja. Inkunu fejn inkunu, meta nieħdu sehem fil-Quddiesa, għandna nħossuna magħqudin f’rabta spiritwali ma’ dawk li mietu qabilna u mal-bnedmin ħajjin kollha, filwaqt li nduqu minn qabel xi ftit mill-hena li jgawdu l-qaddisin fil-Ġenna.

Dan il-ħsieb li jiġbor fih l-umanita’ kollha kienu jehdew bih, anke l-insara tal-ewwel żminijiet kif jidher minn xi bċejjeċ tal-anafora ta’ San Mark tar-raba’ seklu. “Agħti l-paċi lill-erwieħ ta’ dawk li mietu, ftakar f’dawk li qegħdin nagħmlu t-tifkira magħhom illum, ftakar f’dawk li nafu isimijiethom u f’dawk li ma nafuhomx, ħares il-missirijiet fidili tagħna u l-Isqfijiet kullimkien u agħmel li aħna wkoll ikollna sehem mix-xorti tal-Profeti, tal-Appostli u tal-Martri qaddisa tiegħek.”

Id-Dossoloġija finaliID-DOSSOLOĠIJA FINALI

Din tikkonsisti fit-tifħir li jingħata lil Alla wieħed fi tliet Persuni u tintemm bl-akklamazzjoni tal-poplu. Is-Saċerdot jieħu f’idu l-waħda l-Patena bl-Ostja u f’oħra l-Kalċi u waqt li jgħollihom it-tnejn, igħid: “Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, jingħata lilek, Alla Missier li tista’ kollox, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem.” Il-poplu jwieġeb: “Ammen”.

Il-moħħ u l-qalb tagħna huma mistiedna biex jikkontemplaw il-Misteru ta’ Kristu u tat-Trinita’ Qaddisa. Waqt li nieħdu sehem fl-Offerta u fis-Sagrifiċċju ta’ Kristu, naħsbu wkoll fil-Misteru kbir li għarrafna Huwa wkoll u nagħtu ġieħ minn qalbna lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.

L-Elevazzjoni ż-żgħira tal-Ostja u l-Kalċi, jiġifieri l-ġest li bih is-Saċerdot jgħolli l-Patena u l-Kalċi bl-ispeċi Ewkaristiċi, waqt li jgħid “Bi Kristu…” hija tifkira tar-rit antik tal-Adorazzjoni tal-Ewkaristija li kienet issir f’dan il-ħin. Din l-Elevazzjoni hija wisq eqdem mill-ewwel Elevazzjoni, li tissejjaħ ukoll Elevazzjoni kbira, li ssir immedjatament wara l-Konsagrazzjoni u li ġiet imdaħħla fil-Quddiesa fis-seklu XIII bħala risposta u tpattija għal xi eretiċi li ċaħdu l-preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija.

Bil-kelma “Ammen” li jwieġeb il-poplu bħala konferma tat-talbiet kollha li jsiru fiha, tintemm it-Talba Ewkaristika.

Din il-kelma hija Lhudija (ebrajka) u skont il-kotba tar-Rabta l-Qadima, il-poplu t’Alla kien jinqeda biha biex jikkonferma wegħda jew patt, u bħala sinjal t’approvazzjoni fil-Litruġija tiegħu. F’dan il-ħin tal-Quddiesa, l-Ammen tal-poplu, tfisser il-kunsens u l-approvazzjoni tiegħu għas-Sagrifiċċju li jkun qed jiġi offrut lil Alla. Kif jikkummenta San Ġustinu (madwar is-sena 150 W.K) l-insara li jieħdu sehem fil-Quddiesa, permezz tal-Ammen li jgħidu, jikkonfermaw u jagħmlu tagħhom l-azzjoni Ewkaristika li jwettaq is-Saċerdot.

Huwa xieraq li l-insara jgħidu din l-Ammen, b’ferħ kbir u b’entużjażmu. San Ġilormu jwissi li din l-akklamazzjoni tal-poplu għandha tinstema’ tidwi bħal ħoss ta’ ragħda. Il-Papa Piju XII, fl-Enċiklika ‘Mediator Dei” jinsisti li l-insara fl-akklamazzjoni, magħqudin bir-rieda tagħhom mas-Saċerdot il-Kbir u mal-Ministru tiegħu, “m’għandhomx jinsew li flimkien ma’ Kristu Msallab, joffru lilhom infushom, ħsibijiethom, in-niket, id-dwejjaq, il-hemm u l-ħtiġijiet tagħhom.” (56).

4 thoughts on “5. Ir-Rakkont tat-Twaqqif tal-Ewkaristija

  1. Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  2. Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  3. Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  4. Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s