4. Il-Liturġija Ewkaristika

Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.

il-liturgija-ewkaristika.jpg

IL-LITURĠIJA EWKARISTIKA

L-ikla tal-aħħar ta’ Kristu, li fiha huwa waqqaf it-tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu, issir dejjem preżenti fil-Knisja, billi s-Saċerdot li jirrappreżenta ‘l Kristu l-Mulej, jagħmel l-istess ħaġa li Kristu Sidna għamel u taha lid-dixxipli tiegħu biex jagħmluha b’tifkira tiegħu, meta hu waqqaf is-Sagrifiċċju tal-ikla tal-Għid.

Kristu ħa l-Ħobż u l-Kalċi, radd il-ħajr, qasam u ta lid-dixxipli tiegħu u qal: “Ħudu, kulu, ixorbu; dan huwa Ġismi; dan huwa l-Kalċi ta’ Demmi. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Kien għalhekk li l-Knisja nisġet iċ-ċelebrazzjoni kollha tal-Liturġija Ewkaristika f’taqsimiet li jwieġbu għal dawn il-kelmiet u l-azzjonijiet ta’ Kristu. U tassew:

  • Fit-tħejjija tal-Offerti, fuq l-Altar jitressqu ħobż u nbid bl-ilma, jiġifieri dawk il-ħwejjeġ li Kristu ħa f’idejh.
  • Fit-talba Ewkaristika jintradd ħajr lil Alla għall-opra kollha tas-Salvazzjoni u l-Offerti jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.
  • Bil-qsim ta’ ħobża waħda jintwera li l-fidili huma magħqudin ħaġa waħda u bit-Tqarbin, huma jieħdu Ġisem u Demm il-Mulej, bl-istess mod kif għamlu l-Appostli minn idejn Kristu nnifsu. (O.G.M.R. – 48).

Matul il-Liturġija tal-Ewkaristija, l-attenzjoni tagħna għandha tinġabar fuq it-tliet atti importanti li minnhom hu magħmul il-Misteru Ewkaristiku.

Fl-Offetorju jew tħejjija tal-oblati, nersqu lejn Alla bl-Offerti tagħna, meta nippreżentawlu l-ħobż u l-inbid għas-Sagrifiċċju; fil-Konsagrazzjoni, Kristu jiġi fostna bil-preżenza Ewkaristika tiegħu fuq l-Altar biex iġedded is-Sagrifiċċju li wettaq darba għal dejjem fuq il-Kalvarju; fit-Tqarbin, Kristu jiġi għandna biex iqaddisna bil-grazzja tiegħu u jmantnina spiritwalment bil-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu.

Fit-tħejjija tal-oblati, għalhekk, flimkien mas-Saċerdot, l-insara għandhom “joffru lilhom infushom u minn jum għall-ieħor, permezz ta’ Kristu Medjatur, jitqaddsu fl-għaqda m’Alla u bejnhom infushom biex Alla jsir tabilħaqq kollox f’kulħadd.” (Sacrosanctum Concilium – 48). Il-ħajja tagħna kollha għandna tiġi ppreżentata lil Alla bil-ferħ u bin-niket tagħha, bit-tbatija u l-ħidma ta’ kull ġurnata. Huwa l-ħin li nressqu quddiem it-tron tal-Mulej, il-problemi personali tagħna, tal-familja u tal-Knisja kollha. Żgur li ħajjitna jkollha tifsira wisq isbaħ jekk nitgħallmu noffruha ta’ kuljum lill-Missier tagħna tas-sema.

Fil-ħin tal-Konsagrazzjoni, imbagħad, filwaqt li b’miraklu sublimi l-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, għandna nitolbuh il-grazzja li neqirdu minna dak kollu li mhux skont il-qalb t’Alla u li nittrasformaw ruħna fi Kristu, sabiex ħajjitna tkun dejjem iżjed magħquda ma’ Tiegħu.

Fl-aħħarnett, fil-ħin tat-Tqarbin, għandna niftakru li l-Quddiesa hija l-laqgħa ta-Familja t’Alla, madwar il-mejda mħejjija mill-Missier. Jeħtieġ li nkunu persważi li ma nistgħux ngħixu għat-tul fil-grazzja t’Alla u fil-ħbiberija miegħu, jekk ma nersqux ta’ spiss lejn il-Mejda Ewkaristika.

Il-Processjoni bl-OffertiIl-PROĊESSJONI BL-OFFERTI

Fil-bidu tal-Liturġija Ewakristika, jitħejja l-Altar billi fuqu jitqiegħdu l-Korporal, il-Purifikatur, il-Kalċi u l-Missal. Imbagħad jitressqu l-Offerti tal-ħobż u l-inbid li iktar tard bil-Konsagrazzjoni tagħhom isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Sas-seklu ħdax, fil-Knisja kien hemm id-drawwa li l-insara kienu jġibu magħhom minn darhom l-offerti tagħhom u f’dan il-ħin tal-Quddiesa, jifformaw proċessjoni u jersqu lejn l-Altar biex inewlu liċ-ċelebrant il-ħobż u l-inbid għas-Sagrifiċċju, flimkien ma’ ħwejjeġ oħra għall-fqar.

Fiċ-ċelebrazzjoni Liturġika kif issir illum, ikun jaqbel ħafna jekk il-fidili bħala sinjal tas-sehem tagħhom fil-Quddiesa, itellgħu l-Offerti tal-ħobż u l-inbid għall-Ewkaristija jew offerti oħra li jservu għall-ħtiġijiet tal-Knisja jew tal-foqra.

Is-Saċerdot, bil-għajnuna tal-Ministri, jirċievu l-Offerti, il-ħobż u l-inbid għall-Ewkaristija jitqiegħdu fuq l-Altar, u l-Offerti l-oħra jitpoġġew f’post adatt. (O.G.M.R. – 101).

Jekk waqt iċ-ċelebrazzjoni, issir xi ġabra għall-Knisja jew għal opra tajba, jixraq li din tibda wara t-talba tal-fidili u tintemm qabel ma jibda l-prefazju.

L-Offerta ta’ kull wieħed hija parti mill-azzjoni Liturġika. Min jagħti l-Offerta tiegħu, b’mod simboliku juri li qed jieħu sehem fis-Sagrifiċċju ta’ Kristu. Barra minn hekk, din hija prova li huwa jinteressa ruħu mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu li tiegħu huwa membru. Fl-ewwel ittra lill-Korintin (16,2) San Pawl iħeġġeġ lill-insara biex ikunu ġenerużi u jagħtu milli jistgħu.

Waqt il-proċessjoni bl-Offerti, isir il-kant għall-Offertorju, għall-inqas sa mal-Offerti jitqiegħdu fuq l-Altar. (O.G.M.R. – 50).

L-offerta tal-hobzL-OFFERTA TAL-ĦOBŻ

Is-Saċerdot fuq l-Altar jieħu l-Patena bil-ħobż u waqt li b’idejh it-tnejn iżommha kemm kemm merfugħa ‘l fuq.

Huwa ċert li l-Appostli u s-Saċerdoti tal-ewwel żminijiet tal-Kristjaniżmu, ma kienux jużaw formuli jew talbiet determinati waqt l-oblazzjoni ċioe’ fl-Offerta tal-ħobż u tal-inbid. Għal ħafna sekli fil-Knisja ma kien hemm xejn preskritt rigward din il-ħaġa, kif jidher mis-Sagramentarji antiki.

Skont l-aħħar riformi Liturġiċi, is-Saċerdot waqt li joffri l-ħobż igħid: “Imbierek int, Mulej, Alla tal-ħolqien kollu għax fi tjubitek tajtna l-ħobż li qegħdin noffrulek, frott tal-art u xogħol il-bniedem li minnu jsir għalina l-ħobż tal-ħajja” u l-insara jwieġbu: “Imbierek Alla għal dejjem.”

Il-Mulej fl-Aħħar Ċena, ikkonsagra l-ħobż ażżmu, għaliex fi żmien l-Għid meta Kristu, kif naqraw fl-Evanġelju, għamel l-Aħħar Ċena u waqqaf l-Ewkaristija, il-Lhud ma kienux jieklu ħobż bil-ħmira.

Il-ħobż huwa magħmul minn qamħ mitħun u magħġun bl-ilma. Fid-Didache’ jew id-Duttirna tal-Appostli (kap 9) waħda mill-kitbiet l-iktar antiki fil-Knisja, insibu din it-talba: “Kif dan il-ħobż kien imxerred fuq l-għoljiet u mbagħad sar ħaġa waħda, hekk ukoll il-Knisja tiegħek tinġabar mit-truf kollha tal-art fis-Saltna tiegħek.” L-Ostja mela tissimboleġġja l-għaqda mistika tal-insara kollha fi Kristu. Peress li l-qamħ biex isir dqiq abjad jeħtieġ li jiġi mitħun, hekk ukoll ir-rieda tal-bniedem, jeħtieġ li tgħaddi mill-magħsar tal-umilta’ u taċ-ċaħda, biex tikseb is-safa li biha togħġob lil Alla.

Meta s-Saċerdot, f’isimna joffri l-ħobż u l-inbid, li huma l-frott ordinarju tal-art, għandna niftakru li fuq kollox lil Alla, għandna noffrulu r-rieda tagħna. Noffrulu wkoll, it-talb tagħna, xogħolna, in-nieket u l-ferħ li jkollna u ħajjitna kollha, filwaqt li nagħrfu li f’kollox niddependu minn Alla, għaliex Huwa ħalaqna u hu s-Sid tagħna.

100912-M-2275H-196L-OFFERTA TAL-INBID

Qabel ma jagħmel din l-offerta, is-Saċerdot jixħet l-inbid fil-Kalċi, u mbagħad iżid ftit qatriet tal-ilma, waqt li b’leħen baxx, igħid il-formula: “Bil-misteru ta’ dan l-ilma u inbid, ikollna sehem fin-natura divina ta’ Kristu, kif hu jissieħeb magħna fin-natura tagħna l-bnedmin.” Imbagħad jieħu l-Kalċi f’idejh it-tnejn u jżommu kemm kemm merfugħ ‘l fuq f’nofs l-Altar, waqt li jgħid il-formula: “Imbierek int, Mulej, Alla tal-ħolqien kollu għax fi tjubitek tajtna l-inbid li qegħdin noffrulek frott tad-dielja u xogħol il-bniedem li minnu jsir għalina x-xorb tar-ruħ.” Il-poplu jwieġeb “Imbierek Alla għal dejjem.”

Wara li jqiegħed il-Kalċi fuq il-Korporal, is-Saċerdot jitbaxxa u jgħid fis-skiet: “Ilqagħna, Mulej, Alla tagħna, umli u niedma quddiemek u agħmel li jkun jogħġbok dan is-Sagrifiċċju li sejrin noffrulek.” (O.G.M.R. – 103 -104).

Id-drawwa li mal-inbid jintefgħu xi qatriet tal-ilma hija antika ħafna fil-Knisja u dwarha jitkellmu kemm San Ġustinu kif ukoll San Ċiprijanu.

It-tifsira ta’ din it-taħlita tal-ilma mal-inbid, jagħtihielna l-Konċilju ta’ Trentu (sessjoni XIII). Wisq probabbli li anke Kristu fl-Aħħar Ċena żied xi qatriet tal-ilma mal-inbid, kif kienu jużaw mhux biss l-Iżraeliti, iżda wkoll il-Greċi u r-Rumani ta’ dak iż-żmien. Din it-taħlita tfakkarna wkoll li mill-kustat minfud ta’ Kristu, ħarġu qatriet ta’ demm u ilma.

Tifsira oħra simbolika, jagħtiha San Ċiprijanu, (Apol 17,1,15): L-inbid ifisser Kristu u l-qatriet tal-ilma l-insara. Kif l-inbid u l-ilma jsiru ħaġa waħda, hekk l-insara għandhom ikunu magħqudin ma’ Kristu ir-Ras tagħhom.

It-talba li tingħad mis-Saċerdot, waqt it-tfiegħ tal-ilma, “Bil-misteru” turina tifsira oħra, jiġifieri l-għaqda tan-natura umana man-natura Divina, fil-persuna ta’ Kristu, Iben t’Alla, li sar bniedem għall-fidwa tagħna.

It-talba li jgħid fl-aħħar is-Saċerdot b’leħen baxx “Ilqagħna Mulej…” hija meħuda mill-kelmiet tat-tlett itfal ta’ Babilonja, li kienu ġew ikkundannati biex jiġu mitfugħa fil-forn tan-nar, u li nsibuhom fil-ktieb tal-profeta Daniel (3, 39-40). Fiha wkoll l-istess ħsieb tas-Salm penitenzjali “Miserere” (Salm 51. 19). “Is-Sagrifiċċju tiegħi, o Alla hu l-qalb niedma, qalb maqsuma u sobgħiena, ma twarrabhiex o Alla.”

Is-Sagrifiċċju estern huwa simbolu tas-Sagrifiċċju intern, kif igħallimna Sant’ Wistin (De Civitate Dei, 10, 16). Is-Sagrifiċċju li noffru b’mod li jidher, ifisser is-Sagrifiċċju spiritwali, li bih ir-ruħ toffri lilha nfisha ‘l Alla. Għalhekk l-offerta tad-doni materjali u li jidhru, ċioe’ tal-ħobż u l-inbid, għandha tkun imsieħba mas-Sagrifiċċju intern tas-Saċerdot u tal-insara, jiġfieri s-Sagrifiċċju tal-qalb umli u niedma.

Propju biex ifisser dan is-sentiment ta’ ndiema, is-Saċerdot, ibaxxi rasu quddiem l-Altar, waqt li jlissen dik it-talba.

Il-Hasil tal-idejnIL-ĦASIL TAL-IDEJN

Imbagħad is-Saċerdot imur fil-ġenb tal-Altar, il-Ministru jsawwablu l-ilma u hu jaħsel idejh u jixxottahom, waqt li jgħid il-formula preskritta: “Naddafni Mulej minn ħżuniti u d-dnub tiegħi aħfirli.” (O.G.M.R. – 106).

Dan hu r-rit li bih hija mfissra x-xewqa ta’ safa tal-qalb. (O.G.M.R. – 52).

Id-Duttur tal-Knisja San Tumas (S Theol III q.83 a 2) jagħti żewġ raġunijiet għaliex is-Saċerdot fil-Quddiesa jaħsel subgħajh. “Peress li meta mmissu xi ħwejjeġ prezzjużi, dan nagħmluh b’idejna maħsulin, ma jidhirx li huwa xieraq li wieħed jersaq lejn dan is-Sagrament hekk kbir, jekk idejh ma jkunux nodfa, anke materjalment… Il-ħasil ta’ tarf is-swaba, kif jgħallem Dionisju, ifisser it-tisfija anke mid-dnubiet iż-żgħar, kif insibu f’San Ġwann (13. 10). “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu.” Fi kliem ieħor, dan ir-rit għandu tifsira simbolika jiġifieri min irid iwettaq is-Sagrifiċċju Mqaddes, jeħtieġ li jkun safi u ħieles mill-ħtijiet.

Waqt li jwettaq dan ir-rit, is-Saċerdot, jirreċita talba qasira li tfakkarna fil-kliem tas-salmista: “Minħabba l-isem tiegħek, Mulej, aħfirli ħżuniti.” (Salm 25).

It-talba fuq l-offertiIT-TALBA FUQ L-OFFERTI

Is-Saċerdot f’nofs l-Altar u wieqaf b’wiċċu lejn il-poplu, jiftaħ u jagħlaq idejh filwaqt li jistieden ‘l-insara għat-talb billi jgħid: “Itolbu ħuti biex is-sagrifiċċju tiegħi u tagħkom ikun jogħġob lil Alla l-Missier li jista’ kollox.” Il-poplu jwieġeb: “Jilqa’ l-Mulej minn idejk is-Sagrifiċċju għat-tifħir u l-glorja ta’ ismu għall-ħtiġijiet tagħna u tal-Knisja Mqaddsa kollha tiegħu.” Imbagħad is-Saċerdot jiftaħ mill-ġdid idejh u jgħid it-talba fuq l-offerti, li għaliha l-poplu jwieġeb: “Ammen.” (O.G.M.R. – 107).

Dan ir-rit kellu l-bidu tiegħu fil-Liturġija Gallikana. Għall-ewwel iċ-ċelebrant kien jagħmel din l-istedina lis-Saċerdoti li kien ikollu madwaru biss. Iktar tard, din l-istedina bdiet issir lill-insara kollha miġburin fil-Knisja. L-istedina għat-talb li s-Saċerdot jagħmel lill-ġemgħa tal-insara għandha tħejji l-attenzjoni tagħhom u tħeġġiġhom għat-talba fuq l-Offerti. Fit-tweġiba tagħhom, l-insara jiftakru li s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa jiswa ta’ ġid mhux biss għal dawk li jkunu preżenti waqt iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, iżda għall-Knisja kollha li hija miftuħa għall-bnedmin kollha, għax għalihom Kristu xerred demmu bħala prezz tal-fidwa.

It-talba fuq l-Offerti, “Super oblata” hija msemmija fis-Sagramentarju Ġelasjan tas-seklu VIII u fis-Sagramentarji Gregorjani. Aktarx li f’din it-talba jissemmew l-Offerti jew is-Sagrifċċju Ewkaristiku u s-Saċerdot jitlob li dan jiswa għas-saħħa spiritwali, biex ifiequ mill-vizzji tagħhom, jiksbu l-maħfra ta’ dnubiethom u jiġbdu fuqhom il-barkiet tal-ħniena t’Alla. Is-Saċerdot f’isem kulħadd, jitlob ‘l Alla biex ibierek u jilqa’ l-offerta tal-insara.

Hija talba importanti, li sservi bħala egħluq tar-rit tat-tħejjija tal-Offerti u twassal għat-talba Ewkaristika. Il-poplu jismagħha bilwieqfa u għaliha jwieġeb: “Ammen.”

It-talba Ewkaristika (Preci)IT-TALBA EWKARISTIKA (PREĊI)

It-talba Ewkaristika hija ċ-ċentru u l-quċċata taċ-ċelebrazzjoni kollha: hija t-talba ta’ radd il-ħajr u tal-Konsagrazzjoni. Permezz tagħha, il-ġemgħa tal-insara tissieħeb ma’ Kristu sabiex ixxandar l-għemejjel kbar t’Alla u biex toffri s-Sagrifiċċju. L-insara joffru l-Vittma Divina minn idejn is-Saċerdot, iżda wkoll flimkien mas-Saċerdot jitgħallmu joffru lilhom infushom lil Alla.

F’din il-parti taċ-ċelebrazzjoni Liturġika, jitwettaq il-Misteru mqaddes tal-Ewkaristija, is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa. Dwaru, il-Konċilju Vatikan II, igħidilna: “Is-Salvatur tagħna fl-Aħħar Ċena, fil-lejl li fih kien ittradut, waqqaf is-Sagrifiċċju Ewkaristiku tal-Ġisem u d-Demm tiegħu li bih is-Sagrifiċċju tas-Salib jibqa’ jiġġedded tul iż-żminijiet, sal-miġja tiegħu, u b’hekk iħalli lill-Knisja, l-għarusa maħbuba tiegħu, it-tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt.” (Sacrosanctum Concilium n. 47)

It-talba Ewkaristika hija att tal-Ministru Saċerdotali. Igħidha s-Saċerdot għaliex hu jippresiedi l-ġemgħa f’isem Kristu. Huwa l-interpretu kemm tal-leħen t’Alla li jkellem lill-poplu tiegħu, kif ukoll tal-leħen tal-poplu li jitlob lil Alla. Għal din ir-raġuni, it-Talba Ewkaristika jgħidha s-Saċerdot waħdu, filwaqt li l-insara miġburin għaċ-ċelebrazzjoni Liturġika jisimgħu fis-skiet u jieħdu sehem fl-akklamazzjonijiet. (Qaddis, Qaddis, Qaddis… Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej… eċċ).

Barra mit-tliet talbiet Ewkaristiċi, għall-Quddiesa tat-tfal, li kienu ġew approvati fl-1976, il-Missal Ruman fih Erba’ Talbiet Ewkaristiċi għall-Quddies tal-Ħdud u l-ġranet l-oħra (Ara Żieda ‘A’). Minnhom is-Saċerdot jagħżel waħda li tkun taqbel kemm għaċ-ċirkustanzi li fihom tkun qiegħda ssir iċ-ċelebrazzjoni Liturġika, kif ukoll għall-mentalita’ ta’ dawk li jieħdu sehem fiha.

Kull waħda mit-talbiet Ewkaristiċi fiha dawn l-elementi li ġejjin:

  1. Ir-Radd il-Ħajr, imfisser l-aktar fil-Prefazju.
  2. L-akklamazzjoni (Qaddis, Qaddis, Qaddis).
  3. L-Epiklesi (talba biex Alla jqaddes l-Offerti).
  4. Ir-Rakkont tat-twaqqif tas-Sagrifiċċju u l-Konsagrazzjoni.
  5. L-Anamnesi, ċioe’ t-tifkira tal-Passjoni u l-Qawmien ta’ Kristu.
  6. L-Offerta tal-Vittma u tagħna nnfusna.
  7. L-interċessjonijiet għall-membri tal-Knisja ħajjin u mejtin.
  8. Id-Dossoloġija jew tifħir lil Alla.

il-prefazju.jpgIL-PREFAZJU

Is-Saċerdot jibda t-Talba Ewkaristika b’idejh miftuħa biex juri li huwa qiegħed ikellem jew jiddjaloga mal-poplu u jgħid: “Il-Mulej magħkom.”Imbagħad is-Saċerdot ikompli jgħid: “Nerfgħu qlubna ‘l fuq” b’idejh merfugħa li huwa ġest li jfakkarna f’Alla u fil-ħwejjeġ tas-sema. Fl-aħħar iżid “Niżżuħajr lill-Mulej Alla tagħna” b’idejh miftuħa. Il-poplu jwieġeb: “Hekk sewwa u xieraq” u s-Saċerdot igħid il-prefazju. Fit-tmiem tiegħu, is-Saċerdot igħaqqad idejh ma’ xulxin u flimkien mal-Ministri u l-poplu kollu, ikanta jew igħid b’leħen ċar: “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” (O.G.M.R. – 108).

Kristu fl-Aħħar Ċena waqqaf l-Ewkaristija, wara li radd il-ħajr. Is-Saċerdot fil-Prefazju, bħal Kristu jrodd ħajr lil Alla. Skont it-tagħlim tal-fidi, il-ħajja tagħna nisranija għandha tkun fuq kollox ħajja ta’ tifħir u radd il-ħajr lil Alla. F’isem il-poplu qaddis, is-Saċerdot isebbaħ lil Alla l-Missier u jiżżiħajr għall-opra tas-Salvazzjoni kollha kemm hi jew għal xi aspett partikulari tagħha, skont il-ħsieb tal-Liturġija tal-ġurnata jew tal-festa jew taż-żmien li jaħbat. (O.G.M.R. – 55a).

Din it-talba ta’ qabel is-Sanctus, tissejjaħ “Prefazju” għaliex hija bħal daħla jew il-parti tal-bidu tat-Talba Ewkaristika. Skont l-użu tal-Liturġija antika, Prefazju jfisser ukoll talba solenni magħmula lil Alla , quddiem ġemgħa ta’ nies.

Sa mill-ewwel sekli tal-istorja tal-Knisja nsibu ħjiel tal-Prefazju. Difatti San Ċiprijanu (De Orat. Dom. C.31) ħalla miktub: “Ħuti għeżież, meta nqumu għall-orazzjoni, għandna noqogħdu attenti u nitħeġġu għat-talb b’qalbna kollha… Difatti s-Saċerdot qabel it-talb tal-Prefazju, li huwa bħal daħla, iħejji r-ruħ tal-aħwa billi jgħid ‘Nerfgħu qlubna ‘l fuq u meta l-poplu jwieġeb ‘Nerfgħuhom lejn il-Mulej’, huwa mwissi li ma għandux jaħseb f’xejn iżjed ħlief fil-Mulej.”

L-AkklamazzjoniL-AKKLAMAZZJONI

Wara l-Prefazju li jingħad mis-Saċerdot, il-ġemgħa kollha tingħaqad mal-qtajja’ tas-sema u tfaħħar ‘l Alla. “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” Din l-akklamazzjoni li hi parti mill-istess Talba Ewkaristika, igħidha jew ikantaha l-poplu kollu flimkien mas-Saċerdot. (O.G.M.R. – 55b).

Din l-akklmazzjoni mill-Griegi tissejjaħ Epinicio, bħala quċċata u tmiem glorjuż tal-Prefazju; mil-Latini xi drabi tissejjaħ “trisaġju anġeliku” jiġifieri t-tifħir tal-anġli, ripetut għal tliet darbiet, u iktar spiss tissejjaħ “Sanctus”, mill-ewwel kelma “Qaddis.”

Is-Sanctus ġie mdaħħal fil-Liturġija tal-Quddiesa fil-belt ta’ Alessandria, f’nofs ir-raba’ seklu u jinsab fit-talba Ewkaristika ta’ Sarapion ta’ madwar is-sena 350. Aktarx li f’Ruma ġie mdaħħal fil-kanoni bejn is-snin 417 u 432. Il-Liber Pontificalis igħidilna li s-Sanctus huwa l-għajn tal-poplu, it-tweġiba tal-insara wara li jkunu semgħu dwar l-għemejjel kbar t’Alla f’opra tal-fidwa, li jkunu ġew imxandra fil-Prefazju.

L-ewwel kelmiet tas-Sanctus huma meħudin mill-ktieb tal-Profeta Iżaija (6,3); il-kelmiet l-oħra “Imbierek min ġej, f’isem il-Mulej” huma l-għanja tal-poplu li laqa’ bil-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ lil Kristu, riekeb fuq felu, fid-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm, kif insibu fl-Evanġelju. (Mattew 21,9; Mark 11,10)

L-EpiklesiL-EPIKLESI

Il-Knisja b’talba speċjali ssejjaħ il-qawwa divina sabiex l-Offerti mogħtija mill-bnedmin jiġu Kkonsagrati, billi jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u sabiex ukoll il-Vittma bla tebgħa, li tingħata lilna fit-Tqarbin, twassal għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jitqarbnu.

Il-kelma “epiklesi” li biha tissejjaħ din it-talba ġejja mill-grieg u tfisser it-talba jew karba ħerqana ta’ xi ħadd li jkun f’xi ħtieġa kbira u jitlob l-għajnuna ta’ xi ħadd ieħor iktar setgħani minnu. Fil-Quddiesa, is-Saċerdot jinvoka l-Ispirtu s-Santu biex bil-qawwa tiegħu l-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, li huwa s-Saċerdot ewlieni u l-Vittma ta’ dan is-Sagrifiċċju tal-Altar.

F’xi ħin, waqt din it-talba, is-Saċerdot iżomm idejh miftuħa fuq il-Kalċi u l-Ostja. Dan il-ġest beda jitwettaq fil-Knisja universali, mir-riforma Liturġika tal-Papa San Piju Ħamsa, filwaqt li awturi antiki jsemmu li s-Saċerdot f’dan il-mument tal-Quddiesa kien jagħmel inkin profond, jiġifieri jbaxxi rasu lejn l-Altar. Din iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-idejn tixbah lil dik Mose’ f’isem Alla kien ordna li jagħmlu s-Saċerdoti li jkunu ser joffru l-vittmi tas-sagrifiċċju. “Iqiegħed idu fuq ras id-debha, u tkunu milqugħa b’maħfra għalih.” (Levitku 1,4).

It-tqegħid tal-idejn huwa meqjus ukoll bħala rit ta’ benedizzjoni jew tberik u jfisser li aħna għandna sehem f’dik il-barka. Dan il-ġest iħabbar li l-Konsagrazzjoni Ewkaristika hija fil-qrib.

4 thoughts on “4. Il-Liturġija Ewkaristika

  1. Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  2. Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  3. Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

  4. Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s