Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.
LITURĠIJA TAL-KELMA
“L-aqwa parti tal-Liturġija tal-Kelma hija magħmula mil-lezzjonijiet meħudin mill-Iskrittura Mqaddsa flimkien mal-kant li jsir bejniethom; l-Omelija, l-Istqarrija tal-fidi u t-Talba universali jew Talba tal-fidili jgħinu biex tiftiehem aħjar il-Liturġija tal-Kelma u jagħlqu ċ-ċelebrazzjonijiet tagħha. Infatti fil-lezzjonijiet, imfissrin fl-Omelija, Alla jkellem lill-poplu tiegħu, jiftaħlu quddiemu l-misteru tal-Fidwa u tas-Salvazzjoni, u joffrilu ikel għal ruħu; u Kristu nnifsu bil-Kelma tiegħu jkun jinħass fost il-fidili. Din il-Kelma t’Alla l-poplu jagħmilha tiegħu permezz tal-kant u jorbot ruħu magħha bl-Istqarrija tal-fidi u mitmugħ minnha, jinfexx fit-talba universali għall-ħtiġijiet tal-Knisja Kattolika u għas-Salvazzjoni tad-dinja kollha.” (O.G.M.R. – 33).
IL-QARI TAL-QUDDIESA
Kienet id-drawwa tal-Lhud fi żmien Sidna Ġesu’ Kristu, li meta jiltaqgħu fis-Sinagogi tagħhom, barra mit-talb, jagħmlu wkoll xi qari mill-Kotba Mqaddsa li dwaru mbagħad kien jingħata t-tifsir lill-poplu. Hekk f’San Luqa (4, 16-17) insibu li meta Ġesu’ kien f’Nazaret, “daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta.”
Il-Knisja, sa mill-bidu tagħha, żammet din id-drawwa u fl-ewwel parti tal-Quddiesa jsir qari mill-Kotba tal-Bibbja. Fl-ewwel sekli, ma kien hemm ebda regola dwar kemm -il silta tinqara mill-Iskrittura Mqaddsa u dwar it-tul tagħha. San Ġustinu Martri li kien jgħix madwar is-sena 150 wara Kristu jgħidilna li l-qarrej kien jibqa’ sejjer bil-qari, skont kemm jippermetti ż-żmien.
Skont ir-riforma li saret wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, nhar ta’ Ħadd u fil-Festi, jinqraw tliet siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa: l-ewwel waħda tkun mill-Kotba tar-Rabta l-Qadima u fi żmien il-Għid mill-Atti tal-Appostli; it-tieni qari jkun mill-ittri tal-Appostli u t-tielet qari jkun meħud mill-kotba tal-Evanġelju Mqaddes. Fil-ġranet ferjali, qabel il-Vanġelu jkun hemm qari wieħed biss.
Is-smiegħ tal-qari tal-Iskrittura u tal-Kelma tal-Ministru t’Alla fl-Omelija għandu jsaħħaħ fl-insara l-fidi tagħhom u jħejjihom aħjar biex jieħdu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku. Fuq kollox, l-Ewkaristija hija misteru u għalhekk għandna nersqu lejha u nieħdu sehem fiha. “B’qima umli u mhux immexxijin minn raġunijiet umani, imma f’rabta sħiħa mar-Rivelazzjoni Divina.” (Enċiklika tal-Qaddis Papa Pawlu VI ‘Mysterium Fidei’ n.16).
Il-Quddiesa mela, hija wkoll skola fejn id-dixxpli ta’ Kristu jitgħallmu l-veritajiet divini rrivelati minnu, jimmeditaw fil-ġabra l-messaġġ li tagħtihom il-Liturġija ta’ dak il-jum, u jissaħħu fit-twemmin u hekk iwettqu l-ewwel kundizzjoni meħtieġa biex jogħġbu lil Alla. (Lhud 11.6)
Din il-Fidi li titqanqal dejjem iżjed u żżomm ħajja bis-smigħ tal-Kelma tal-Mulej, twassalna għall-adorazzjoni, għax huwa dmir tagħna li naduraw il-Verb Divin preżenti fil-kliem tal-Iskrittura, l-Għerf Infinit t’Alla mogħti lilna taħt il-libsa ta’ kelmiet umani, il-Mulej li jimmanifesta ruħu fil-Kotba Mqaddsa b’manjiera hekk singolari u kollha ħniena li għandha tikkommovana. (Card G. Lercaro “L’Eucaristia nelle nostri mani” pag 135).
L-EWWEL U T-TIENI QARI
Wara l-Kolletta, il-lettur imur fuq l-Ambone u jgħid l-ewwel lezzjoni, waqt li kulħadd ikun bilqiegħda jisma’, wara l-lezzjoni, il-lettur jgħid “Il-Kelma tal-Mulej” u kulħadd iwieġeb “Inroddu ħajr lil Alla.” (O.G.M.R. – 89). Jekk ikun hemm lezzjoni oħra qabel l-Evanġelju, tinqara bl-istess mod. (O.G.M.R. – 91).
Dan isir biex jingħata tagħlim lill-insara u għalhekk matul dan il-qari, dawk li jkunu jieħdu sehem fil-Quddiesa, joqogħdu bilqiegħda għaliex f’din il-qagħda jkunu jistgħu b’attenzjoni akbar, jisimgħu l-messaġġ li jingħatalhom u jimmeditawh.
Qabel ma kienu għadhom inkitbu l-Kotba tat-Testment il-Ġdid, fil-laqgħat tal-insara tal-ewwel żminijiet, kien isir qari mill-kotba tar-Rabta l-Qadima. San Pawl, fil-vjaġġi missjunarji tiegħu, kien jieħu sehem f’qari bħal dan (Atti 13,14). Minn dak li jirrikmanda huwa stess, nistgħu nifhmu li aktar tard, fil-laqgħat reliġjużi tal-bnedmin li qegħdin jivvjaġġaw ‘l bogħod minn art twelidhom.
L-iskop Liturġiku tal-epistola huwa dak li jurina li Alla kellimna permezz ta’ dawk il-bnedmin li huwa bagħat fid-dinja bħala ambaxxaturi u ħabbara tas-saltna tiegħu u li kienu ispirati minnu. Dan iħejjina sabiex ftit wara nisimgħu u nilqgħu l-messaġġ dirett tiegħu, li huwa xandrilna permezz t’Ibnu stess fl-Evanġelju Mqaddes.
Fi tmiem il-qari, l-insara jwieġbu “Inroddu ħajr lil Alla”, li jfisser nirringrazzjaw lill-Mulej li wassal id-dawl tat-tagħlim tiegħu lill-Profeti u lill-Appostli u dawn għaddewh lilna biex bih idawlu r-ruħ tagħna.
IL-KANT BEJN IL-LEZZJONIJIET
Wara l-ewwel lezzjoni jiġi s-salm responsorjali jew gradwali huwa parti integrali mil-Liturġija tal-Kelma. Is-salm ordinarjament jittieħed mil-Lezzjonarju għax hemm rabta kbira bejn il-lezzjoni u s-salm magħżul għaliha u għalhekk il-għażla tas-salm hija marbuta mal-lezzjonijiet. (O.G.M.R – 36). Dan is-salm jiġi kantat jew jinqara.
Wara t-tieni lezzjoni tiġi l-Hallelujah jew kant ieħor, bħal ma hu l-versett ta’ qabel l-Evanġelju, skont kif jitlob iż-żmien Liturġiku. Hekk fil-jiem ta’ penitenza l-Hallelujah ma tingħadx, u minflokha jkun hemm silta żgħira li tissejjaħ “tratt”. F’ċerti festi, tingħad ukoll is-sekwenza li hija kompożizzjoni ritmika jew innu.
Meta qabel l-Evanġelju, ikun hemm lezzjoni waħda biss, bħal fil-ġranet ferjali, is-salm responsorjali u l-Hallelujah jingħadu immedjatament wara xulxin.
Sa mis-seklu tnax, dan is-salm jissejjaħ ukoll gradwal għaliex kien jiġi kantat mis-solisti fuq it-taraġ tal-Ambone jew fuq it-taraġ tal-Altar.
Is-salm responsorjali huwa bħala kumment għall-qari li jkun sar qabel u espressjoni tas-sentimenti devoti mqanqlin minn dak il-qari. Dan is-salm u l-kant l-ieħor bejn il-lezzjonijiet għandhom bi skop tagħhom dak li jneħħu l-monotonija tal-qari u ma jħallux lis-semmiegħa jixbgħu jew jiddejqu. Barra minn hekk, jagħtu lok għall-meditazzjoni tal-insara bejn lezzjoni u oħra.
Waqt l-Hallelujah jew il-kant l-ieħor, is-Saċerdot jixħet l-Inċens fiċ-Ċensier, jekk jintuża. Imbagħad is-Saċerdot jew id-Djaknu li jkun ser jaqra l-Evanġelju, iħejji ruħu għal dan il-qari, billi jgħaqqad idejh ma’ xulxin, imur quddiem l-Altar, ibaxxi rasu u minn taħt l-ilsien igħid it-talba “Naddafli qalbi u fommi…” Hija invokazzjoni sabiex Alla jsaffi l-qalb u x-xufftejn tal-Ministru tiegħu, ħalli dan ikun jista’ jħabbar kif jixraq l-Evanġelju, peress li ħadd ma hu safi u qaddis biżżejjed biex iwettaq din l-azzjoni. Dan ifakkarna fil-ġrajja t’Iżaija l-profeta, li Alla bagħatlu Anġlu b’ġamra taqbad, simbolu tal-grazzja, u naddaflu xofftejh.
Wara din it-talba, is-Saċerdot jw id-Djaknu, bil-ktieb tal-Evanġelju f’idejh, imur fuq l-Ambone, bil-Ministri mexjin quddiemu; dawn jistgħu jieħdu magħhom iċ-Ċensier u x-xemgħat mixgħula.
L-EVANĠELJU
Fuq l-Ambone, is-Saċerdot jew id-Djaknu, jiftaħ il-ktieb u jgħid: “Il-Mulej magħkom.” Wara t-tweġiba tal-poplu, ikompli jgħid: “Qari mill-Evanġelju…” waqt li jagħmel is-Sinjal tas-Salib, l-ewwel fuq l-ktieb u mbagħad fuq fommu u fuq sidru; u jinċensa l-ktieb, jekk jintuża l-Inċens. Wara l-akklamazzjoni tal-poplu, ixandar l-Evanġelju. Fl-aħħar jgħid: “Il-Kelma tal-Mulej” u l-poplu jwieġeb, “Tifħir lilek Kristu.” Imbagħad is-Saċerdot ibus il-ktieb u jgħid: “ Bit-tagħlim tal-Evanġelju, nitnaddfu minn dnubietna.”
Il-Liturġija stess turina x’ġieħ kbir jistħoqqlu l-qari tal-Evanġelju. Infatti hi stess troddlu ġieħ aqwa minn dak li tagħti lil-lezzjonijiet l-oħra, ġieħ li hija turih b’dawn il-modi: (a) il-Ministru li jkun se jxandru jħejji ruħu għalih b’barka jew talba speċjali; (b) il-fidili jqumu bilwieqfa biex jisimgħuh u jwieġbu b’xi akklamazzjonijiet biex juru u jistqarru li Kristu jkun preżenti fosthom u qiegħed ikellimhom; u (c) l-istess kliem tal-Evanġelju jingħatawlu sinjali ta’ ġieħ. (O.G.M.R. – 35).
L-Evanġelju huwa l-ktieb tal-verita’, li fih Kristu li stqarr li huwa t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja (Ġw 14,6) jagħtina l-messaġġ tiegħu u b’hekk jurina t-triq li twassal għand il-Missier. L-Evanġelju huwa l-frott l-iktar bnin li jinġabar mis-siġra tal-Bibbja, l-ikel li jagħti s-saħħa lir-ruħ, l-aqwa għerf u xjenza li ssalva lill-bnedmin, id-dawl l-iktar risplendenti li qatt deher fid-dinja.
L-ewlenin insara kienu jġorru fuq sidirhom xi siltiet mill-ktieb tal-Vanġelu, biex juru x-xewqa tagħhom li l-imħabba ta’ Kristu taħkem fil-qalb tagħhom.
Waqt il-qari tal-Evanġelju, in-nies fil-Knisja, joqogħdu bilwieqfa, bħala sinjal ta’ qima lejn it-tagħlim ta’ Kristu u biex juru li huma lesti jimxu warajh.
Qabel ma jaqra l-Evanġelju, il-Ministru jsellem lill-poplu bil-kelmiet: “Il-Mulej magħkom” u dan huwa awgurju li l-insara jkollhom dejjem l-għajnuna t’Alla ħalli jifhmu u jwettqu fil-ħajja tagħhom it-tagħlim ta’ Kristu.
Fil-bidu tal-Evanġelju, il-Ministru u l-insara jagħmlu b’subgħajhom il-kbir, Sinjal tas-Salib fuq fommhom u fuq sidirhom. Dan ifisser li t-tagħlim ta’ Kristu għandna nistqarruh bi kliemna u ngħożżuh f’qalbna bħala teżor prezzjuż.
Fi tmiem il-Vanġelu, il-Ministru jgħid “Bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn dnubietna.” Il-kliem li għoxrin seklu ilu ħareġ minn fomm Kristu, kien ifejjaq il-mard tal-ġisem u tar-ruħ.
Għad li ma nistgħux naraw lil Kristu bil-għajnejn tal-ġisem, iżda l-kelmiet tiegħu, għandhom u jibqagħlhom dejjem dik il-qawwa li tfejjaq ir-ruħ tagħna, jekk aħna nkunu lesti li naċċettawhom u niddawlu bid-dawl tagħhom.
L-OMELIJA
Wara l-qari tal-Evanġelju, is-Saċerdot jew id-Djaknu, jagħmel l-Omelija li fiha jfisser il-messaġġ tal-qari tal-Quddiesa. “L-Omelija hija parti mil-Liturġija, irrakmandata ħafna mill-Knisja, hija tagħti għajnuna meħtieġa lill-ħajja nisranija.” (O.G.M.R. – 41).
Sa minn żminijiet, l-iktar qodma, kif jixhed San Ġustinu (Apol 1, c 67) wara l-Evanġelju, kienet issir il-priedka.
Il-Konċilju ta’ Trentu kien obbliga lis-Saċerdoti li għandhom ir-responsabbilta’ tal-erwieħ, sabiex ta’ spiss u speċjalment fil-Ħdud u fil-festi, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, ifissru lill-insara “xi ħaġa minn dak li jinqara fil-Quddiesa.” (Sessjoni XXII, kap 8 – Denzinger 946)
Il-Konċilju Vatikan II, fil-kostituzzjoni dwar il-Liturġija, “Sacrosantum Concilium” n.52 igħid: “Hija rrikmandata ħafna l-Omelija, li hija parti mil-Liturġija nnfisha, li fiha, matul is-sena Liturġika, mit-test imqaddes, ikunu mgħallma lin-nies il-misteri tat-twemmin u tal-ħajja nisranija; anzi l-Omelija m’għandha qatt titħalla barra fil-Quddiesa tal-Ħdud u l-festi li jitqaddsu għall-poplu, jekk mhux għal xi kawża gravi.”
IL-KREDU
Il-Kredu jew is-simbolu għandu jingħad, mis-Saċerdot flimkien mal-poplu, fil-Ħdud u fis-solennitajiet; jista’ jingħad ukoll f’ċelebrazzjonijiet speċjali aktar solenni. (O.G.M.R. – 44).
Bil-kant jew bir-reċta tal-Kredu, tasal għall-konklużjoni l-iskola tad-dixxipli ta’ Ġesu’, għaliex wara li l-assemblea tkun semgħet it-tagħlim tal-Imgħallem Divin, li jkellimna fl-Evanġelju u bil-leħen tal-Knisja tiegħu fl-Omelija, jixraq li tingħata tweġiba bil-Kredu, hekk li kull nisrani qisu jkun qiegħed igħid, “Nemmen, o Mulej, dak kollu li jogħġbok tirrivelana.”
Il-Kredu huwa l-istqarrija ċara u li qatt ma tinbidel, ta’ dak li għandna nemmnu biex nistgħu nsalvaw. Huwa l-pedament taż-żonqor li fuqu jinbena t-twemmin ta’ wlied il-Knisja Kattolika. Huwa l-ħaġra soda li ebda qawwa tal-bnedmin jew tal-infern, ma tista’ ċċaqlaq. Il-Kredu huwa l-ġabra meraviljuża tal-veritajiet tal-fidi, li l-Knisja Kattolika tistqarr matul is-sekli kollha.
Il-ħtieġa ta’ din il-ġabra jew formularju tal-fidi bdiet tinħass sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja. Sant’Irinew isejħilha “regola tal-fidi li ma tinbiddilx, li kull wieħed jirċievi fil-Magħmudija. “Is-Santi Padri ħallewlna testi differenti ta’ din r-regola, magħmulin bil-għan li jikkumbattu l-ereżiji li kienu jinħolqu ‘l hawn u ‘l hemm.
Il-Kredu kellu post importanti fit-tħejjija tal-katekumeni għall-Magħmudija. Kien qisu t-test tat-tagħlim tagħhom. (Traditio symboli). Ħadd ma kien jiġi aċċettat biex jidħol fil-Komunita’ nisranija, jekk ma kienx ikun jaf il-Kredu bl-amment. (Redditio symboli). Fi żmienna wkoll, is-simbolu jew l-istqarrija tal-fidi jagħmlu parti mir-rit tal-Magħmudija.
Id-drawwa li jingħad il-Kredu fil-Quddiesa, kienet teżisti fil-Liturġija Griega sa mis-seklu sitta (VI), u daħlet fil-Gallja (Franza) fis-seklu disgħa (IX). F’Ruma, il-Kredu beda jingħad fil-Quddiesa fis-seklu ħdax (XI) meta fl-1014, fl-okkażjoni tal-Inkoronazzjoni tas-Sultan Enriku II, din id-drawwa ġiet aċċettata uffiċjalment mill-Papa Benedittu VIII.
IT-TALBA TAL-FIDILI
Wara l-Kredu, issir it-talba universali jew talba tal-fidili, li fiha, il-poplu jieħu s-sehem li jmissu u li titmexxa mis-Saċerdot. (O.G.M.R. – 99).
F’din it-talba, il-poplu jkun qiegħed iħaddem il-funzjoni Saċerdotali tiegħu u jitlob għall-bnedmin kollha. Fiha jsir talb għall-Knisja Mqaddsa, għal dawk li jinsabu f’diversi bżonnijiet u għas-Salvazzjoni tad-dinja kollha. (O.G.M.R. – 45).
L-insara miġburin flimkien għall-Quddiesa huma parti mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu jew tal-Knisja Universali kif ukoll huma parti mill-popolazzjoni tad-dinja. Huma jirrapreżentaw l-umanita’ kollha kemm hi, jiġifieri l-bnedmin kollha. Għalhekk huma għandhom jiftakru mhux biss fil-ħtiġijiet partikolari tagħhom skont iċ-ċirkostanzi li jgħixu fihom, iżda għandhom jiftakru wkoll il-ħtiġijiet ġenerali tal-Knisja u tad-dinja.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju