Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.
IR-RITI TAL-BIDU
Dawn ir-riti jinkludu t-tislima tas-Saċerdot, l-Att Penitenzjali, il-‘Kyrie eleison’ (Mulej Ħniena), il-Glorja – f’dawk il-ġranet li fihom tingħad – u l-Kolletta. L-assemblea, bilwieqfa twieġeb għat-tislima tas-Saċerdot, tieħu sehem fl-Att Penitenzjali u fil-kant jew fir-reċita tal-Kyrie u tal-Glorja u twieġeb “AMMEN” fi tmiem il-Kolletta. Imbagħad toqgħod bilqiegħda għall-ewwel qari.
Il-ħsieb ta’ dawn ir-riti hu li l-insara miġmugħin flimkien, jingħaqdu bejniethom fit-talb u jħejju ruħhom tajjeb biex jisimgħu l-Kelma t’Alla u biex jiċċelebraw kif jixraq l-Ewkaristija, (O.M.G.R. – 24). Din it-taqsima tal-quddiesa hija maħsuba biex tkun bħala bidu, dħul jew tħejjija kemm tal-Liturġija tal-Kelma kif ukoll tal-Liturġija Ewkaristika.
Dawn ir-riti tal-bidu għandhom igħinuna biex nifhmu li mhux biss il-qassis u l-ġemgħa li jkollu madwaru li qegħdin joffru l-att ta’ qima lil Alla, iżda hija l-Knisja kollha. Flimkien ma’ Kristu, ir-Ras tagħha, il-Knisja fuq l-art tingħaqad mal-Knisja tal-Ġenna biex tfaħħar, trodd ħajr u ssebbaħ lil Alla l-Missier. “Is-smewwiet ixandru l-glorja t’Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.” (Salm 19, (18). L-insara fil-Quddiesa jinterpretaw dan l-innu ta’ tifħir li l-univers jinseġ lill-Ħallieq tiegħu u f’isem il-ħlejjaq kollha jaduraw il-Mulej.
Is-sehem tal-insara fiċ-ċelebrazzjoni Liturġika u l-fatt li joqogħdu bilwieqfa, juru l-Quddiesa sa mill-bidu tagħha hija:
- L-assemblea jew ġemgħa ta’ bnedmin ikkonsagrati bil-Magħmudija, (Ecclesia) li jinġabru flimkien biex jagħtu l-qima tagħhom ‘l Alla u joffrulu s-sagrifiċċju perfett.
- Skola tad-dixxipli ta’ Kristu.
- Laqgħa tal-familja t’Alla li tinġabar madwar il-mejda mħejjija mill-Missier.
- Waqfa żgħira fil-mixja twila li mill-art twassal lejn is-sema.
IL-PURĊISSJONI TAL-BIDU
Fil-Liturġija ta’ wara l-Konċilju Vatikan II, il-Quddiesa tibda bi proċessjoni, li fiha s-Saċerdot flimkien mal-ministri, jimxi mis-sagristija sa ħdejn l-Altar, mixja li tkun imsieħba mill-kant tal-bidu.
“Meta jinġema’ l-poplu, waqt li jkun dieħel is-Saċerdot mal-Ministri, jibda l-kant ta’ l-introjtu. Il-ħsieb ta’ dan il-kant hu li jiftaħ iċ-ċelebrazzjoni, igħin il-għaqda tal-ġemgħa, jerfagħlhom ħsibijiethom fil-misteru taż-żmien Liturġiku jew tal-festa li tkun u jsieħeb il-proċessjoni tas-Saċerdot u tal-Ministri.” (O.M.G.R. – 25).
Kif josserva l-Kardinal Lercaro, fil-ktieb “A Messa, figlioli” paġna 128, “Il-Quddiesa mhix assemblea statika: hemm tliet proċessjonijiet li jimmarkaw tliet mumenti tal-Quddiesa: il-proċessjoni tal-introjtu tas-Saċerdot u l-Ministri li mis-sagristija jimxu lejn l-Altar; il-proċessjoni tal-offertorju tal-insara u tar-rappreżentanti tagħhom li jressqu sal-Altar l-offerti u r-rigali tal-ġemgħa, u l-proċessjoni tat-Tqarbin li fiha wlied Alla jersqu lejn il-mejda biex jieħu l-ikel li Huwa ħejjielhom. Dan it-tliet proċessjonijiet jagħtu lill-ġemgħa tal-Poplu t’Alla, sens ta’ moviment jew mixja lejn għan superjuri li huwa l-qofol tan-natura tal-Knisja u tal-ħajja nisranija. Huwa s-sens eskatoloġiku.” Fi kliem ieħor dawn it-tliet proċessjonijiet ifissru li l-Poplu t’Alla, huwa f’mixja minn din l-art lejn id-dar tal-Missier li hemm fis-sema, għaddej minn din il-ħajja għal ħajja oħra li tibqa’ għal dejjem.
Fil-liturġija tar-Rabta l-Qadima, il-pellegrinaġġ għat-tempju ta’ Ġerusalemm, kellu mportanza partikulari. Diversi salmi nkitbu sabiex jitkantaw matul dan il-pelleġrinaġġ. Għalhekk is-salmi 120 – 134 jissejħu Salmi gradwali jew għanjiet tat-telgħat.
Fil-Liturġija tal-Knisja, din il-proċessjoni għandha tfakkarna fi kliem l-Appostlu Missierna, li dment li ngħixu fl-art, qegħdin fi vjaġġ lejn Alla. “Sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ‘l bogħod mill-Mulej: aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni… Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.” (2 Kor 5, 6-8).
Huwa u dieħel is-Saċerdot biex jibda l-Quddiesa, kulħadd għandu jqum bilwieqfa b’sinjal ta’ rispett lejn il-Ministru t’Alla li f’isem Kristu jkun ser jagħti bidu għall-azzjoni Liturġika.
TISLIMA LILL-ALTAR
“Is-Saċerdot u l-Ministri, meta jaslu fuq il-presbiterju, isellmu lill-Altar. Bħala sinjal ta’ qima s-Saċerdot u l-Ministri sagri jbusu l-Altar u s-Saċerdot, skont iċ-ċirkostanzi jinċensah.” (O.M.G.R. – 27).
L-Altar huwa l-għolja mqaddsa, il-mejda li fuqha titħejja l-ikla mistika ta’ wlied Alla, il-Maqdes għall-uniku sagrifiċċju li jogħġob tabilħaqq lill-Ħallieq tad-dinja. It-tempju huwa mibni biex jagħti kenn lill-Altar u l-Altar ġie mwaqqaf biex fuqu ssir l-Ewkaristija.
Ladarba l-Altar huwa ċ-ċentru tal-azzjoni Liturġika, hija ħaġa naturali li l-ewwel att li jagħmel is-Saċerdot fil-Quddiesa huwa dak li jsellemlu u jbusu b’sinjal ta’ qima u f’ċerti okkażjonijiet solenni jinċensah ukoll.
L-Altar jirrappreżenta lil Kristu li huwa l-ġebla tas-sies li fuqu hija mibnija l-Knisja.
L-Altar jirrappreżenta wkoll il-Knisja, mhux biss għaliex huwa magħmul minn ħaġriet diversi magħqudin u mibnijin flimkien kif il-Knisja hija magħmula minn ħafna membri, iżda wkoll għaliex ħafna drabi l-Altar ikollu magħluqin fih xi relikwji tal-Qaddisin.
Meta s-Saċerdot ibaxxi rasu quddiem l-Altar u jbusu, ikun jagħmel sinjal ta’ qima lejn Kristu u lejn il-Knisja, il-Ġisem Mistiku tiegħu. Din il-bewsa ta’ tislima, għalhekk, tfisser kemm il-għaqda tal-qassis ma’ Kristu l-Feddej, kif ukoll il-għaqda tal-Knisja rrappreżentata fis-Saċerdot, ma’ Kristu r-Ras tagħha. Din il-bewsa mogħtija lill-Altar għandha tfakkar lill-insara li huma magħqudin bl-imħabba ta’ Kristu, li minnu tiġi kull grazzja u kull qdusija.
IS-SINJAL TAS-SALIB
X’ħin is-Saċerdot jieħu postu fuq is-Sedja taċ-ċelebrant jew imur quddiem l-Ambone, huwa jrodd is-Salib u flimkien miegħu, troddu l-ġemgħa tal-insara fil-Knisja, Bir-raġun kollu li l-Liturġija tal-Kelma tibda bir-Radd tas-Salib, għaliex huwa s-sintesi tal-Kredu u stqarrija fil-qosor tal-fidi tagħna.
Bis-Sinjal tas-Salib, nistqarru t-twemmin tagħna fit-Tliet Persuni tat-Trinita’ Qaddisa, f’Alla wieħed, kif ukoll fil-misteru tal-Inkarnazzjoni u tar-Redenzjoni mwettqa mill-Iben t’Alla magħmul bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu.
Il-Quddiesa hija ċ-ċentru tal-Liturġija tal-Knisja u l-ikbar att ta’ qima lit-Trinita’ Qaddisa, kif ukoll, tifkira ħajja tal-fidwa tagħna.
Il-ġesti tagħna, waqt li nroddu s-Salib, għandhom tifkira simbolika qawwija. L-id il-leminija tinżel mill-ġbin għal fuq is-sider, li timxi minn fuq għal isfel u tfakkarna li Ġesu’ mis-sema niżel fid-dinja. Imbagħad l-istess id timxi mix-xellug għal-lemin, biex tindika li aħna permezz ta’ Kristu, għaddejna mid-dlam għad-dawl, mid-dnub għall-ħajja tal-grazzja. Il-ġest isir f’għamla ta’ Salib u jfakkarna fit-tbatija u l-mewt li Kristu ġarrab fuq il-Kalvarju għall-fidwa tagħna.
IT-TISLIMA TAS-SAĊERDOT LILL-POPLU
“Wara l-kant tal-introjtu, is-Saċerdot u l-ġemgħa kollha jroddu s-Salib. Imbagħad is-Saċerdot jagħti lill-ġemgħa t-tislima tiegħu bħala sinjal tal-preżenza tal-Mulej. Permezz ta’ din it-tislima u tat-tweġiba tal-poplu jintwera l-misteru tal-Knisja miġmugħa.” (O.M.G.R. – 28).
Wara li jmur fuq is-Sedja, minn fejn titmexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tal-Kelma, is-Saċerdot jiftaħ idejh u jsellem lill-ġemgħa bil-kelmiet “Il-Mulej magħkom” li għalihom l-insara jwieġbu “U miegħek ukoll.”
Hija tislima l-iktar sabiħa li minn xi kittieba antiki (bħalma hu l-awtur tal-ktieb “Ecclesiastica Hierarchia”) ġiet imsejħa “it-Tislima Divina.” Hija tislima wżata ħafna fil-Kotba Mqaddsa. Hekk Bogħaż sellem lill-ħassada (Rut 2,4) il-profeta Ażarija lis-Sultan Asa u lill-eżerċtu tiegħu (II Paralipp 15, 1-2). Bi kliem simili, sellem l-Anġlu lil Gideon (Imħallfin 4, 12) u l-Arkanġlu Gabrijiel lill-Imqaddsa Verġni Marija. (Luqa 1,28). Il-kelmiet tat-tweġiba “U miegħek ukoll” huma ispirati mill-għeluq ta’ xi ittri ta’ San Pawl.
Meta ċ-ċelebrant ikun Isqof, isellem bil-kelmiet “Il-Paċi magħkom”. Din it-tislima hija antika ħafna fil-Knisja. Kif insibu fit-Testment il-Ġdid (Lq 27,36; Ġw 20,19) Kristu kien isellem lid-dixxipli tiegħu bil-kelmiet “Il-Paċi magħkom.” Kienet ukoll id-drawwa tal-ewlenin insara li jagħtu lil xulxin din it-tislima.
It-tislima tas-Saċerdot u t-tweġiba tal-ġemgħa jfissru x-xewqa li l-insara kollha jinġabru flimkien u jkunu “ qalb waħda u ruħ waħda” fit-talb kollu li jagħmlu lil Alla.
B’din it-tislima, is-Saċerdot ifakkar lill-Komunita’ li magħhom hemm preżenti l-Mulej, għaliex Ġesu’ qal “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18,20). Bit-tweġiba tagħhom “U miegħek ukoll” l-insara jistqarru li huma jemmnu f’din il-preżenza ta’ Kristu. Bir-raġun għalhekk, li fl-Ordni tal-Quddiesa jingħad li t-tislima tas-Saċerdot u t-tweġiba tal-poplu “juru l-misteru tal-Knisja miġbura flimkien.” (O.M.G.R. – 28).
Din it-tislima hija ripetuta diversi drabi matul il-Quddiesa. Bejn is-Saċerdot u l-Komunita’ tinħoloq b’dan il-mod, għamla ta’ djalogu, li jagħmel attwali l-laqgħa tal-Komunita’ ma’ Kristu Rxoxt. (Lq 24,35).
IR-RIT PENITENZJALI
Wara t-tislima lill-poplu, “is-Saċerdot jistieden għall-azzjoni penitenzjali li ssir mill-ġemgħa kollha bl-istqarrija ġenerali u tagħlaq bl-assoluzzjoni tas-Saċerdot.” (O.M.G.R. – 29).
Sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-insara minn rajhom kienu jħossu l-ħtieġa li fil-bidu tal-Quddiesa jitolbu l-maħfra ta’ dnubiethom. Jista’ jkun ukoll li kien hemm xi rit penitenzjali bħal ma huwa l-ħasil tar-riġlejn kif għamel Kristu lill-Appostli fl-aħħar Ċena. (Ġw 13, 4-11). Matul il-medda taż-żmien daħlet id-drawwa li tingħamel stqarrija formali tal-ħtijiet u ssir talba għall-maħfra. Għad li fi żminijietna, din it-talba għandha aktar minn għamla waħda u tista’ ssir ukoll b’mod spontanju minn dawk li jieħdu sehem fil-Quddiesa, iżda l-għamla l-iktar komuni u l-iktar antika hija dik tal-“Confiteor”.
Il-“Confiteor” huwa stqarrija solenni tal-ħtijiet li aktarx kellha bidu fis-seklu XIII jew XIV. Bih, l-insara jistqarru quddiem Alla u quddiem il-Knisja li huma ħatja “bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u bit-tħollija tad-dmirijiet.”
Bħal David, wara li għaraf l-iżball tiegħu, is-Saċerdot u l-poplu jistqarru ħtijiethom u jitolbu maħfra lil Alla: “Dnibt bil-kbir b’li għamilt, issa neħħi, nitolbok, dan il-ħażen tal-qaddej tiegħek.” (1 Kron 21, 8).
Bħall-pubblikan tal-parabbola, (Lq 18,13) is-Saċerdot u l-poplu waqt li jgħidu l-kelmiet “ħtija tiegħi” iħabbtu fuq sidirhom biex juru l-indiema tagħhom.
Aħna midinbin, iżda Kristu li hu l-Qaddis tal-qaddisin irid ikun il-mistieden tagħna, kif kien il-mistieden fid-dar ta’ Żakkew (Lq 19,6). Biex nagħmlulu laqgħa xierqa, kull wieħed minna li nieħdu sehem fil-Quddiesa għandna nħossu l-ħtieġa li nindmu minn dnubietna, nissaffew minnhom u niġġeddu bil-qdusija, qabel nilqgħu lil Kristu.
IL-KYRIE ELEISON
Il-kelmiet “Kyrie Eleison” ġejjin mill-Grieg u jfissru “Mulej, ħenn għalina!” B’din it-talba forma ta’ litanija, aħna nitolbu lil Alla jagħder id-dgħjufija tagħna u juri magħna l-ħniena tiegħu. Hija l-konklużjoni xierqa tal-istqarrija tal-ħtijiet tagħna, li nagħmlu fil-Confitoer, u xi drabi tingħad bħala biċċa waħda minn dik l-istqarrija.
Meta jkun hemm Quddiesa kantata u l-partijiet li ma jitbiddlux jitkantaw bil-Latin, din it-talba tingħad bil-grieg kif kien isir sa mill-qedem. Dan ifisser li għad li l-lingwa hija differenti, iżda hemm għaqda fil-fidi u fil-qima bejn il-Knisja tar-rit Latin u dik tar-rit Grieg, li rejalment huma Knisja waħda, li toqgħod għat-tmexxija tal-Papa. L-użu tal-lingwa griega jista’ jfisser ukoll li l-Bxara t-Tajba tas-Salvazzjoni ġie mil-Lvant u għaddiet għall-Punent.
Fl-ewwel sekli din l-invokazzjoni kienet tifforma parti minn litanija twila u kienet tiġi ripetuta ħafna drabi. Fil-Liturġija tallum, jingħadu biss sitta jew disgħa invokazzjonijiet, imqassmin fi tliet gruppi ta’ tnejn tnejn jew tlieta tlieta. Skont San Tumas, dawn l-invokazzjonijiet huma mqassmin fi tliet gruppi, għaliex aħna nitolbu lil Alla jeħlisna minn tliet għamliet ta’ miżerja spiritwali; jiġifieri, mill-injoranza, mid-dnubiet u mill-kastig tad-dnub.
It-tqassim fi tliet gruppi jfakkarna wkoll fi tliet persuni, f’Alla wieħed. Nitolbu din lil-ħniena u l-maħfra, mingħand il-Missier, mingħand l-Iben, Sidna Ġesu’ Kristu u mingħand l-Ispirtu s-Santu li huma Alla wieħed.
Din it-talba għandha tqanqal fina l-fidi fil-qawwa omnipotenti t’Alla li waħdu jista’ jaħfer id-dnubiet tal-bnedmin, kif ukoll it-tama sħiħa li Huwa, fl-imħabba infinita tiegħu ta’ Missier, iħenn għalina, ulied tiegħu u jħollna minn dnubietna.
IL-GLORJA
Fil-Quddiesa tal-Ħdud u tal-festi, wara l-Kyrie, jitkanta jew jingħad l-innu tal-Glorja. Din it-talba ta’ tifħir lil Alla hija antika ħafna; sa mit-tieni seklu kienet teżisti fil-Liturġija griega u ġiet imdaħħla fil-Missal Ruman fis-sitt seklu. (530).
Il- “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet” isejħulha “id-dossoloġija l-kbira” jew l-innu t-twil ta’ tifħir, sabiex jagħżluha mid-dossoloġija ż-żgħira li hija l- “Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.”
Isejħulha wkoll “l-innu anġeliku” għaliex l-ewwel kelmiet tagħha huma dawk li għannew l-Anġli fuq il-għar ta’ Betleħem, fit-twelid ta’ Kristu, kif insibuhom fil-Vanġelu ta’ San Luqa (2.14); “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” Kull Quddiesa, f’ċertu sens, hija t-tiġdid tal-Milied, bil-ferħ qaddis li jġib miegħu, għaliex fil-Quddiesa, Kristu jiġi fostna, kif ġie l-ewwel darba meta twieled għalina fil-għar ta’ Betleħem.
L-innu għandu tliet taqsimiet: fl-ewwel taqsima. Infaħħru lil Alla l-Missier ta’ kull setgħa; fit-tieni nagħtu ġieħ lil Kristu, Ħaruf t’Alla, Bin il-Missier u nitolbuh ħniena; fit-tielet inqimu lil Kristu li huwa waħdu, Qaddis, waħdu l-Mulej, waħdu l-għoli, flimkien mal-Ispirtu s-Santu fil-glorja (sebħ) tal-Missier. Fil-Glorja, mhux biss infaħħru lil Alla wieħed fi tliet persuni, iżda niftakru wkoll li aħna midinbin u nitolbu maħfra ta’ ħtijietna.
Hija ħaġa sabiħa li l-Glorja titkanta għaliex il-kant jagħti ħajja liċ-ċerimonja Liturġika u jħeġġeġ lill-insara biex jitolbu aktar bil-qalb. Sant’ Wistin igħidilna li l-kant huwa l-espressjoni ta’ dawk li jħobbu.
IL-KOLLETTA
“Is-Saċerdot jistieden lill-poplu għat-talb billi jgħidilhom: “Nitolbu” u kulħadd jinġabar ftit fis-skiet, f’għaqda waħda mis-Saċerdot, biex ilkoll iħossu li jinsabu quddiem Alla u fis-skiet ta’ qalbhom juruh ix-xewqat tagħhom. Wara dan, is-Saċerdot igħid it-talba li soltu tissejjaħ “Kolletta”. Il-Kolletta, minnha nfisha tiġbor fil-qosor il-ħsieb taċ-ċelebrazzjoni: permezz tagħha, il-Knisja tinqeda bil-kliem tas-Saċerdot biex titlob lil Alla l-Missier, bi Kristu, fl-Ispirtu s-Santu.
Il-poplu jingħaqad qalb waħda fl-ispirtu tat-talba u jwieġeb “Ammen” biex juri li jkun qiegħed jaċċetta din it-talba u jagħmilha tiegħu.” (O.M.G.R. -32).
Filwaqt li jagħmel din l-istedina għat-talb, is-Saċerdot jiftaħ idejh lejn il-poplu, iżommhom mgħollija ‘l fuq, imbagħad jerġa’ jgħaqqadhom flimkien waqt il-ħin tas-skiet. Imbagħad is-Saċerdot jibqa’ b’idejh miftuħa waqt it-talba tal-Kolletta u jerġa’ jagħlaqhom qrib it-tmiem tagħha.
Kif il-qassis igħolli jdejh, hekk kull nisrani għandu d-dmir li jżomm ‘il fuq il-qalb tiegħu; is-Saċerdot huwa bħal Mose’ fuq l-għolja mqaddsa, li bit-talb jidħol quddiem Alla għall-poplu nisrani fit-tiġrib kollu tiegħu.
Il-ġest tas-Saċerdot li jiftaħ idejh bħal ma għamel Kristu fuq is-Salib, għandu jfakkar lill-ġemgħa li din it-talba tal-Kolletta, mhix talba personali tas-Saċerdot biss. Hija t-talba tan-nies miġbura għall-Quddiesa, anzi talba tal-Knisja kollha kemm hija.
Madwar ir-raba’ seklu, f’Ruma kien hemm id-drawwa li fi żmien ir-Randan u f’xi żminijiet oħra, l-insara kollha jinġabru fi Knisja waħda, u minn hemm imorru f’proċessjoni lejn xi Santwarju jew Knisja oħra, magħrufa bħala Knisja stazzjonali, fejn kienet issir iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, kull ġurnata fi Knisja differenti. Din kienet it-talba tal- “plebs collecta” cioe’ tal-poplu miġbur flimkien.
Għad li qasira u magħmula minn kliem meqjus, il-Kolletta trid tħaddan fiha l-ħtiġijiet ta’ kulħadd. It-talba ssir lill-Missier, iżda permezz ta’ Kristu, Iben tiegħu u tal-Ispirtu s-Santu. L-għeluq tal-Kolletta jfakkarna għal darb’oħra fil-misteru tat-Trinita’ Qaddisa li għall-ġieħ tagħha jsir is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju