Dokument sħiħ PDF jew WORD dwar it-Tifsir tar-Riti tal-Quddiesa.
Daħla
Meta jitkellem dwar il-Quddiesa, il-Konċilju Vatikan it-Tieni jgħidilna li “il-Knisja tagħmel kull ma hu meħtieġ biex il-fidili ma jkunux għal dan il-misteru tal-fidi bħallikieku barranin jew iħarsu siekta, iżda, waqt li jifhmuh tajjeb permezz tar-riti u t-talb tiegħu, jieħdu sehem li jifhmuh, sehem qaddis u ħaj fl-azzjoni mqaddsa.” (Sacrosanctum Concilium n. 48).
Bil-ħsieb li jintlaħaq dan il-għan li l-insara ta’ pajjiżna jifhmu aħjar il-kobor u sbuħija tal-Quddiesa u fiha jieħdu sehem kemm jista’ jkun sħiħ u attiv, ġie mħejji dan il-ktieb. Huwa ttamat għalhekk, li jservi għall-inqas bħala kontribut żgħir għall-edukazzjoni liturġika taż-żgħar u tal-kbar.
Permezz ta’ dan il-ktieb, l-insara jistgħu jitgħallmu aħjar x’jfissru r-riti tal-Quddiesa, liema huwa l-kuntest storiku tagħhom, u s-simboliżmu liturġiku ma jkunx għalihom ta’ tfixkil fis-sehem tagħhom fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Dan kollu għandu jwassal lill-insara, sabiex kif kien qal il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika “Redemptor Hominis” n.7, insibu fl-Ewkaristija “l-għajn tal-ħajja u l-qdusija, is-sinjal effikaċi tal-grazzja u tar-Rikonċiljazzjoni ma’ Alla, u r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem.”
Nikol Ġ. Cauchi,
Isqof ta’ Għawdex.
ĦWEJJEĠ MEĦTIEĠA GĦAS-SAGRIFIĊĊJU
L-ALTAR
L-insara li bil-Magħmudija saru wlied Alla u membri fil-Familja tiegħu; jinġabru madwar l-Altar, għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Dan hu l-post li fuqu jsir preżenti s-sagrifiċċju tas-Salib, taħt is-sinjali Sagramentali; huwa wkoll il-mejda tal-Mulej, li għaliha huwa msejjaħ il-poplu t’Alla biex jieħu sehem minnha fil-Quddiesa; l-Altar huwa ċ-ċentru ta’ radd il-ħajr li jsir permezz tal-Ewkaristija. (O.G.M.R. – 259).
Peress li l-Altar huwa simbolu ta’ Kristu, is-saċerdot ibusu b’sinjal ta’ qima fil-bidu u fi tmiem il-Quddiesa u f’ċerti okkażjonijiet jinċensah. Anzi nistgħu ngħidu li Kristu nnifsu huwa l-Altar tas-Sagrifiċċju tar-Rabta l-Ġdida, għaliex il-Qalb Divina tiegħu, hija l-post fejn lil Alla tingħatalu l-aqwa qima u tpattija xierqa għad-dnubiet tal-bnedmin.
L-Altar huwa s-sinjal tal-offerta totali tal-ħajja tiegħu nnifsu li Kristu għamel lill-Missier tiegħu tas-Sema, u għalhekk fuq l-Altar jitqegħdu l-ħobż u l-inbid li jtellgħu l-insara u li mbagħad fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej.
L-Altar huwa wkoll sinjal ta’ għaqda u xirka fi Kristu, il-ħobż Ewkaristiku minn fuqu huwa mogħti b’ikel lill-insara kollha, u b’hekk jingħaqdu ma’ Kristu u jsiru ħaġa waħda bejniethom permezz tal-karita’.
L-għożża kbira li għandha l-Knisja Kattolika, għall-Altar, tidher ċar minn dak li jgħid l-Isqof fit-talba tad-dedikazzjoni tiegħu. Wara li jsemmi s-sagrifiċċji tar-Rabta l-Qadima li offrew lil Alla, Noe, Abraham u Mose’ fuq Altari tal-ġebel li huma waqqfu, kif ukoll l-offerta safja tal-Patt il-ġdid li Kristu, Saċerdot u Vittma temm fuq il-għuda tas-Salib, itemm it-talba b’dawn il-kelmiet: “Ikun dan l-Altar, iċ-ċentru tat-tifħir u r-radd il-ħajr tagħna, sa ma naslu flimkien fis-Saltna ta’ dejjem, fejn noffrulek Sagrifiċċju ta’ tifħir li ma jintemm qatt, ma’ Kristu, il-Qassis il-Kbir, u l-Altar ħaj tagħna li hu Alla, u miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.”
L-Altar huwa wkoll it-tron li fuqu joqgħod is-Sultan tal-glorja, meta jkun magħna fl-Ewkaristija. Jixraq, mela, li niftakru fit-tron tal-majesta’ t’Alla, li jissemma fl-Apokalissi, imdawwar minn erba’ u għoxrin xiħ, lebsin l-abjad, b’kuruni tad-deheb fuq rashom. (Apok. 4,4). Xħin inkunu qrib l-Altar, fil-ħin tal-Quddiesa, jixraq li nilqgħu l-istedina li nsibu fl-ittra lil-Lhud (4,16). “Ħa nersqu mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex nilqgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.”
IT-TIŻJIN TAL-ALTAR
Fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, hemm bżonn li jkun hemm fuq l-Altar jew ħdejh, il-kandlieri bix-xemgħat mixgħula għall-ġieħ tal-Altar u għall-ferħ taċ-ċelebrazzjoni. Dawn ix-xemgħat jitqiegħdu fuq l-Altar jew madwaru, skont il-għamla tal-Altar u tal-Presibterju; hekk li tinżamm armonija f’kollox u l-fidili ma jkollhom ebda xkiel biex jaraw tajjeb dak li jkun qiegħed isir jew jitqiegħed fuq l-Altar. (O.G.M.R. – 269).
Ix-xemgħa li tinħela bil-mod il-mod u tagħti d-dawl u s-sħana, hija simbolu tar-ruħ, imżejna bid-dawl tal-qdusija u mkebbsa bin-nar tal-imħabba li dejjem lesta li taċċetta minn idejn Alla kull sagrifiċċju u li toffrilu ħajjitha kollha bħala vittma għall-ġieħ Tiegħu.
Barra minn hekk, fuq l-Altar jew fil-qrib tiegħu, ikun hemm Salib li jidher sewwa mill-ġemgħa. (O.G.M.R. – 270).
L-Altar jirrappreżenta l-Kalvarju u bħala Kalvarju jew Għolja tas-Sagrifiċċju, ma jistax ikun mingħajr is-Salib, illi quddiemu s-Saċerdot li jkun iqaddes f’xi mumenti jbaxxi rasu u jagħmel sinjali oħra ta’ qima. Mhux biss is-Saċerdot, iżda wkoll dawk li jkunu jieħdu sehem fil-Quddiesa, għandhom iħarsu spiss lejn il-Kurċifiss, biex jitgħallmu l-veru għerf.
Għall-ġieħ lejn iċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira tal-Mulej u lejn il-mejda li fiha jittiekel il-Ġisem u jinxtorob id-Demm tal-Mulej, fuq l-Altar titqiegħed għallinqas tvalja waħda li, għal dik li hi tifsila, daqs u tiżjin, tkun taqbel mal-għamla tal-istess Altar. (O.G.M.R. – 268).
Minn dejjem l-Altar kien ikun mgħotti bi tvalja li kienet titqiegħed fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u titneħħa fit-tmiem tagħha. Mis-seklu tmienja ‘l quddiem, bdew jintużaw iktar minn tvalja waħda, xi drabi anki erba’. It-tvalja tal-wiċċ kienet tkun imżejna, iżda l-użu tal-bordura tal-bizzilla, fit-tvalji tal-Altar, daħal fis-seklu sittax. Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, barra l-Korporal, biżżejjed ikun hemm tvalja waħda fuq l-Altar, skont id-daqs tal-wiċċ tiegħu u lanqas ma hu meħtieġ li tkun tal-għażel, kif kien qabel.
It-tvalji jitqiegħdu fuq l-Altar tant biex is-Sagrifiċċju jitwettaq f’lok nadif, kemm ukoll sabiex jekk qatt jixxerred l-inbid ikkonsagrat, jinxtorob mit-tvalji u ma jaqax fl-art. Il-bjuda tat-tvalji, għandha tfakkar lill-insara mdawrin mal-Altar, fis-safa tar-ruħ li hija meħtieġa sabiex jieħdu sehem kif imiss fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa.
IL-VAŻI SAGRI
Fost il-ħwejjeġ meħtieġa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, jistħoqqilhom ġieħ speċjali l-Vażi Sagri, fosthom il-Kalċi u l-Patena, li fihom jew fuqhom isiru l-offerti u l-Konsagrazzjoni tal-ħobż u tal-inbid, u minnhom isir it-Tqarbin. (O.G.M.R. – 289).
IL-KALĊI
Il-Kalċi huwa għamla ta’ tazza tal-metall bis-sieq u fih jitqiegħed l-inbid għall-Konsagrazzjoni waqt il-Quddiesa.
IL-PATENA
Il-Patena hija bħal plattina tonda fil-għamla, li fuqha titqiegħed l-Ostja kbira għall-Konsagrazzjoni.
IL-PISSIDI
Il-Pissidi jintuża sabiex fih jiġu mqegħdin l-Ostji żgħar ikkonsagrati, imsejħa partikoli, għat-Tqarbin tal-insara.
IL-KORPORAL U L-PALLA
Fuq tvalja f’nofs l-Altar, waqt il-Quddiesa, jiġi mifrux bħal maktur abjad illamtat li jissejjaħ “Korporal” sabiex fuqu titqiegħed il-Patena bl-Ostja li tiġi Kkonsagrata, kif ukoll il-Kalċi u jekk ikun hemm ħtieġa, il-Pissidi bil-partikoli għat-Tqarbin tal-fidili. Xi drabi l-Kalċi jiġi mgħotti bil-Palla li tkun ta’ forma kwadra u ftit ikbar minn xifer il-Kalċi. Dawn hemm bżonn li jkunu ndaf u mingħajr tebgħa u jinżammu b’ċerta qima.
Peress li fuqu kien jitqiegħed il-Ġisem tal-Mulej, fiż-żminijiet tan-nofs, il-Korporal kien meqjum iktar mir-Relikwji tal-Qaddisin, il-Korporal, wara l-Quddiesa kien jiġi mitwi mid-djaknu u mqiegħed fuq il-Kalċi, għax kien ipprojbit li jitħalla fuq l-Altar.
L-ILBIES TAL-QUDDIESA
Fil-Liġi l-Qadima, Alla kien ordna lil Mose’ kif għandu jkun l-ilbies ta’ dawk li jservu fit-tinda tal-Mulej u kif għandhom ikunu lebsin is-Saċerdoti li joffru s-Sagrifiċċju: “Bil-vjola u bl-aħmar dagħmieni u bl-iskarlatt għamlu lbies ix-xogħol biex jaqdu fil-Maqdes u għamlu l-ilbies l-imqaddes lil Arun, kif għamar il-Mulej lil Mose’ (Eżodu 39, 1 eċċ.).
Fil-Liturġija tal-Knisja Kattolika wkoll hemm liġijiet dwar l-ilbies tal-ministri li jwettqu diversi servizzi liturġiċi għax “it-tqassim ta’ dawn is-servizzi liturġiċi jidher minn barra wkoll permezz tal-ilbies imqaddes, maħsub għal kull servizz u li għalhekk għandu jkun is-sinjal tal-uffiċċju proprju ta’ kull ministru. Iżda jeħtieġ ukoll li dan l-istess ilbies ikompli jsebbaħ l-azzjoni qaddisa.” (O.G.M.R. – 297)
L-ilbies tas-Saċerdot waqt il-Quddiesa huma l-Amittu, l-Alba, iċ-Ċinglu, l-Istola, u l-Pjaneta u kull wieħed minn dawn l-abiti Saċerdotali huwa simbolu jew sinjal li għandu marbuta miegħu tifsira kbira.
L-AMITTU
L-Amittu huwa bħal maktur tal-għażel, li wara li jitqiegħed fuq ir-ras, jintlibes fuq l-għonq u l-ispallejn tas-Saċerdot. It-tifsira simbolika tiegħu hija l-qawwa tal-fidi li biha għandu jkun imseddaq is-Saċerdot ta’ Kristu.
L-ALBA
L-Alba jew kamżu hija bħal libsa bajda li tgħatti l-persuna tas-Saċerdot minn għonqu sa tarf riġlejh. Hija ġejja mit-tunika jew libsa wiesgħa li kienet tintuża fi żmien l-Imperaturi Rumani. Il-kulur abjad tagħha juri li hija tfisser is-safa tal-qalb.
IĊ-ĊINGLU
Iċ-Ċinglu huwa bħal kurdun abjad jew ta’ xi lewn ieħor li bih is-Saċerdot jorbot l-Alba minn qaddu. Iċ-Ċinglu huwa l-għelm ta’ ħajja kasta.
L-ISTOLA
L-Istola tal-istess lewn tal-Pjaneta, tintlibes kemm mid-Djakni, kif ukoll mis-Saċerdoti u mill-Isqfijiet, iżda b’mod differenti. Fil-Quddiesa, “is-Saċerdot jilbes l-Istola madwar għonqu u mdendla fuq sidru.” (O.G.M.R. – 302). Hija s-simbolu tal-Immortalita’, jiġifieri tal-ħajja li tibqa’ għal dejjem.
IL-PJANETA
Il-Pjaneta hija l-ilbies liturġiku proprju tas-Saċerdot u tintlibes fuq l-Alba u fuq l-Istola. Ġejja mill-mantell li r-Rumani antiki kienu jilbsu fuq ħwejjiġhom. Ħafna drabi l-Pjaneta jkollha fuqha xi sinjal jew forma ta’ Salib. Hija simbolu tal-virtujiet tal-karita’ u tar-rabta mar-rieda t’Alla, li biha nġorru s-Salib kif ġarru Kristu.
L-ILWIEN LITURĠIĊI
Fl-użu tal-paramenti Sagri, il-Liturġija tal-Knisja Kattolika tinqeda b’diversi lwien, skont il-festa li tkun qiegħda tiġi ċċelebrata u skont iċ-ċirkostanzi u ż-żmien li fihom issir l-azzjoni Liturġika.
Anke qabel ma ġie Kristu fid-dinja, l-Abjad, l-Aħmar, l-Ikħal u l-Vjola kienu l-erba’ kuluri Liturġiċi wżati għall-purtieri tas-Santwarju u għall-ilbies tas-Saċerdot tat-Tempju.
Fil-Kotba tal-Bibbja, l-Abjad huwa sinjal ta’ ferħ (Ekkleż 9,8) tas-safa u l-qdusija (Iżaija 1,18) jew ta’ setgħa u majesta’ sopranaturali (Mat 17,2; Mark 16,5; Apok 3,5; 19,14) L-Aħmar jindika d-demm li kien meqjus bħala simbolu tal-ħajja, id-dnub (Iżaija 1,18) il-gwerra u l-ħerba (Apok 6,4). Il-Vjola u l-porpra kien emblema tas-slaten u tas-setgħa tad-dinja kif ukoll tal-ġid materjali; (Imħallfin 8,26; Ester 8,15; Luqa 16,19) L-Ikħal li huwa l-kulur tas-sema, kien jidher ħafna fil-libsa tas-Saċerdot il-Kbir, li kien meqjus bħala rappreżentant t’Alla fuq l-art. L-Iswed kien sinjal ta’ vistu, u ta’ xi telfa jew diżastru. (Lam 4,8; Żakk 6,2,6; Apok 6,5).
Fl-ewwel sekli tal-Knisja, il-ħwejjeġ Sagri kienu kollha ta’ lewn Abjad, iżda sa mis-seklu tmienja (VIII) bdew jintużaw paramenti ta’ kuluri differenti. Il-Papa Innoċenz III (+ 1216) u t-teologu Durnado (+ 1296) isemmu erba’ kuluri prinċipali tal-ħwejjeġ Sagri (Aħmar, Abjad, Iswed u Aħdar) u tliet kuluri sekondarji (Roża, Vjolaċeju u Aħdar). Iżda ma jidhirx li kien hemm regola fissa qabel is-sena 1539, f’liema festi jintużaw paramenti b’ilwien differenti.
L-ilwien li jintużaw fil-Liturġija ta’ żminijietna huma l-Abjad, l-Aħmar, l-Aħdar, il-Vjola u f’xi postijiet anke l-Iswed. “L-ilwien użati fl-ilbies Liturġiku qegħdin bħala għajnuna oħra esterna biex il-fidili, jifhmu aħjar il-kwalita’ proprja tal-misteri tal-fidi ċċelebrati u s-sens tal-mixja tal-ħajja nisranija matul is-sena Liturġika.” (O.G.M.R. – 307).
Il-lewn Abjad, li huwa simbolu tas-safa u tad-dawl tal-qdusija, jintuża fil-festi tal-Milied u tal-Għid, u f’dawk tal-Madonna, tal-Anġli u tal-Qaddisin li ma kienux martri.
L-Aħmar, simbolu tal-imħabba u taċ-ċarċir tad-demm, jintuża fil-Ġimgħa l-Kbira, f’Għid il-Ħamsin u fil-festi tal-Qaddisin martri.
L-Aħdar, kulur tar-Rebbiegħa, ifisser it-tama fil-wegħdiet t’Alla u fil-ħajja ta’ dejjem u jiġi wżati fil-Ħdud u fil-ferji ta’ matul is-sena barra mill-Avvent, Randan u ġranet ta’ wara l-Għid.
Il-Vjola huwa sinjal ta’ penitenza u ta’ niket. Jintuża fi żmien tal-Avvent u tar-Randan kif ukoll fiċ-ċelebrazzjonijiet penitenzjali. Fil-Quddiesa tal-mejtin, fejn ma jintużax l-Iswed, jintlibsu paramenti ta’ lewn Vjola.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju