12. Innijiet

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

web3-shrine-of-our-lady-of-la-salette-blessed-sacrament-eucharistic-adoration-godong-fr465275a

Ejja fina Ġesu’ Ostja

O Mulejja Int Stedintna
meta mtaqqla, niġu ħdejk,
int wegħidtna li tfarraġna
kif ninxteħtu hawn, f’riġlejk.

Aħna nemmnu fil-Kliem Tiegħek
għaliex Int tal-Ħajja s-Sid
u trid biss lil qalbna msejkna
tkun mimlija Paċi w Ġid.

O Ġesu’ ma kienx biżżejjed
li temm ħajtek fuq Salib,
ridt ukoll li tibqa’ magħna
Moħbi hawn… l-Egħżeż Ħabib.

Ridt tmantnina b’dan il-Ġisem
b’dan id-Demm tiegħek Qaddis,
ridt turina kemm il-bniedem
hu għal Qalbek… hekk għażiż.

O Mulejja, xejn fid-dinja
lil dil-qalb ma jimla sħiħ,
moħħna jiġri wara l-hena…
l-ebda hena ma thennih.

Inti biss, O Ġesu’ Ostja,
fiK il-milja minn tal-ferħ,
il-qalb tagħna biK tithenna
u fiK biss issib is-serħ.

Mix-xejn tagħna, Ġesu’ Ostja,
Nadurawk u inqimuk,
u għax tħobbna fuq li tħobbna
ma rridux ħlief inħobbuk.

Aħna nwiegħdu li npattulek
għall-bnedmin li joffenduk
u bl-imġiba kiefra tagħhom
ma jagħmlux ħlief ikasbruk.

Int il-Ħobż li ġej mis-Sema,
Inti l-Manna tat-tajbin,
Int il-Qawwa tal-mifluġa,
Int s-Serħ tal-imnikktin.

Ejja fina, Ġesu’ Ostja,
Ħa ssaħħaħna kif taf Int…
Kien għalhekk li taħt dix-xbieha
ridt tinħeba u ċċekkint.

Għajn ta’ Barka, Għajn ta’ Grazzja,
Ġid is-Sema jinsab fiK:
X’xorti għandu, Ġesu’ Ostja
min kuljum jitgħajjex biK…

Ejja fina, Ġesu’ Ostja,
Ejja fina, ta’ kuljum,
kemm sabiħ tintemm ħajjitna
jekk nilqgħuk f’dak l-Aħħar Jum.

N.B. Dan l-innu jista’ jitkanta fuq l-Innu “Lil Marija Reġina.”

Ejjew Għandi…

Xejn ma jqaddsek,
Xejn ma jferrħek,
daqs Ġesu’ Ewkaristija…

Xejn ma jħeġġek,
Xejn ma jfarrġek,
daqs Ġesu’, Iben Marija,
Moħbi taħt l-ispeċi t’Ostja.

Jekk tinsab fid-dieq, imtaqqal,
ersaq fis f’riġlejn Ġesu’;
jgħib in-niket, tgħib il-għeja,
terġa’ r-ruħ tikseb virtu’…

Mhux Hu qallek; “Ejja għandi
meta mtaqqal jew għajjien…”
Itlaq kollox, mur ma’ ġenbu,
ma tibqax aktar ħosbien…

Ruħek tgħum ġo baħar dija…
Terġa’ l-paċi ġewwa qalbek,
Jerġa’ l-moħħ isib mistrieħ,
Terġa’ ruħek tieħu l-ħajja
jekk ta’ spiss titgħajjex bih.

Agħti qima ‘l Ġesu’ Ostja
w iżżiħajr ‘l Ommu Marija
għaliex huwa permezz tagħha
li jinsab fl-Ewkaristija.

Għaliex Hi li tagħtu l-ħajja,
Fiha tnissel b’Ġisem, b’Demm…
Kienet l-ewwel Tabernaklu,
u Qalb Kristu ssawret hemm.

Kienet l-ewwel Ostensorju
u ġo fiha aduratu,
bħalma f’Betlem fil-maxtura
l-ewwel qima Hi li tatu.

Meta niżlet mill-Kalvarju
Hi lil Ġwanni ħadet magħha
u flimkien max-Xirka Mqaddsa
adurat lill-Iben Tagħha…

U hemm bdiet il-ħajja ġdida
t’Omm il-Knisja, l-Omm Marija,
u ħarsitha bl-akbar għożża
sew kif Omm taf tgħożż tarbija.

Meta Rxoxta w tela’ s-Sema
baqgħet tgħix ħajja moħbija
f’għaqda sħiħa m’Alla moħbi…
taduraH fl-Ewkaristija.

Xejn ma jqarrbek,
Xejn ma jressqek,
lejn Ġesu’ Ewkaristija
daqskemm tressqek b’imħabbitha
Omm Ġesu’, Sidtna Marija.

Ġesu’ Ħabibna

Ġesu’ ħabibna, Int l-għaxqa tagħna,
Ridt tiġi fostna u bħalna ssir,
Biex lilna tifdi tad-dnub mill-jasar
U b’hekk ħadd minna ma jibqa’ lsir;

Fit-Tabernaklu Mqaddes
Ħalli nqimuk henjin,
Flimkien mal-Anġli deh Int ħallina
Lilek inqimu Ġesu’ Ħanin.

Ġesu’ Ħabibna, Int ridt għalina
Tieħu mewt ħarxa fuq is-Salib,
Sabiex mill-ħtija tad-dnub teħlisna
U lejn dik Qalbek tressaqna qrib;

Flimkien mal-Omm Għażiża
Ħallina nberkuk,
Għax Int fdejtna flimkien ma’ Ommok
Ħallina Magħha iva nħobbuk.

Ġesu’ Ħabibna ma kienx biżżejjed
Li tmut għalina fuq is-Salib
Ridt tibqa’ moħbi f’din l-Ostja Mqaddsa
Biex niġu għandek bħal għand ħabib;

O Ġesu’ Inti l-għaxqa
Ta’ kull min jiġi ħdejk,
U il-qalb tagħna le ma ssibx paċi
Ħlief meta niġu hawnhekk f’riġlejk.

Għax aħna msejknin, Ġesu’ noffrulek,
Biex aħna nuru li nħobbuk
Il-Qalb bla Tebgħa t’Ommok Marija…
Ħaġ’ isbaħ minnha m’għandniex x’nagħtuk.

Int Fiha ssib il-għaxqa,
Il-Hena w il-mistrieħ,
Kif dak Missierek… il-Missier Alla
Il-għaxqa f’Qalbek isibha sħiħ.

N.B. Dan l-Innu jista’ jitkanta fuq l-Innu “Għidtilna Kelma.”

Inwegħduk O Ġesu’ din is-Sena

O Ġesu’ li hawn moħbi quddiemna
nitolbuk li tilqagħna f’riġlejk,
biex minn qalbna ħajr niżżu tal-grazzji
li fi mħabbtek xerridt minn idejk;

“Grazzi”, iva minn qalbna ngħidulek
tal-imħabba li lilna ħabbejt,
għax dik ħarstek Int fuqna żammejtha
u lil ħadd minna fl-hemm ma ħallejt.

Niżżukħajr, O Ġesu’ fl-Ostja Mqaddsa,
ta’ kemm drabi ġejt tgħammar hawnhekk…
ġo din qalbna, hekk fqajr’ hekk imsejkna,
għaliex iva Int tħobbna daqshekk.

U nixtiequ noffrulek l-imħabba
illi biha ħabbitek dik l-Omm,
Dik li ridt li tkun Ommok u Ommna
Sabiex lilna fi mħabbtek iżżomm.

Inwegħduk, O Ġesu’, din is-sena
illi niġu ta’ spiss hawn f’riġlejk…
biex terfgħana mill-faqar ta’ ruħna…
għaliex ruħna tistagħna hawn ħdejk.

Inti biss tkun il-għaxqa ta’ qlubna
għax ħadd ħliefek ma jżommna henjin,
għax fik biss hemm il-milja tal-hena…
Inti biss lilna żżomm ferħanin.

Aħna nwiegħdu, Ġesu’ u naħilfu
li nqimuk, nadurawk f’kull altar
fejn tinsab l-aktar waħdek… imnikket…
jew imżeblaħ bl-offiżi tal-kbar.

Int li dejjem liċ-ċkejkna madwarek
Ridt li jkollok f’dirgħajk imqabbdin
Hawn noffrulek l-imħabba taċ-ċkejkna,
ta’ qlub ħelwa, qlub nodfa… safjin.

N.B. Dan l-Innu jista’ jitkanta fuq l-Innu “Lil Ġesu’ Ostja.”

O Ġesu’ Ostja Għaxqa ta’ Qalbna

O Ġesu’ twajjeb ġejna quddiemek
b’għanja sabiħa, ħierġa mill-qalb;
“Grazzi Mulejja talli ġejt fostna
biex tibqa’ magħna, biex tilqa’ t-talb.

O Ġesu’ Ostja, Għaxqa ta’ qalbna
Int isma’ talbna, Ħanin Ġesu’. Rit./

O Missier Twajjeb aħna wliedek,
ulied imsejkna f’dal-wied tad-dmugħ,
għalhekk Int tajtna dal-Ġisem Tiegħek
u dad-Demm Tiegħek b’ikel tar-ruħ.

O Ġesu’ Ostja… Rit./

Aħna nixtiequ li d-dinja kollha
tħobbok minn qalbha kif ħabbejt’ Int
Meta Kbir Alla, li xejn ma jesgħek,
ġo Ostja ċkejkna hekk iċċekkint.

O Ġesu’ Ostja… Rit./

Għax aħna msejkna m’għandniex x’noffrulek…
Ħu x-xejn tagħna, Twajjeb Ġesu’,
U max-xejn tagħna noffru ‘l Qalb t’Ommok
w’Ommna Marija, Omm kull virtu’.

O Ġesu’ Ostja… Rit./

Verġni Marija naduraw Miegħek
Lil Ġesu’ Ostja f’das-Sagrament;
Int tajtna ‘l Ibnek… Hu tana ‘l Ġismu
Hu tana ‘l Demmu… Eternament.

O Ġesu’ Ostja… Rit./

N.B. Dan l-Innu jista’ jitkanta fuq l-Innu “Ismagħha l-Għanja.”

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s