30. Tqarbina Spiritwali / Tqarbina tax-Xewqa

adu-05-pray-boldly.jpg

Dan l-aħħar waqt konverżazzjoni rreferejt għal fatt li għandna nagħmlu Tqarbin Spiritwali u kont konfrontatha b’din il-verita’: It-tfal tagħna lanqas biss jafu Tqarbina Spiritwali x’inhi! Jekk dan hu l-każ għalkemm nispera illi mhijiex universali allura għandna nħalluha hekk?

Jien żgur illi l-prattika ta’ Tqarbina Spiritwali nibtet mill-profondita’ tal-imħabba li l-fidili kellhom għal Ġesu’ fl-Ewakristija Qaddisa. Dan narawh ukoll mill-ħajjiet tal-qaddisin bħal Santa Tereżina ta’ Lisieux li, bħal San Charbel Makhlouf, għaddiet il-ġurnata tagħha mdawra bl-Ewkaristija li tkun irċeviet: “Tirċievi lil Ġesu’ ‘biex tagħtiH pjaċir’, iżda Tereżina taf illi fl-istess ħin hi tkun sejra tirċievi mingħandU dak kollu li teħtieġ biex tgħix.” Dan hu l-valur li tat it-Tqarbin Imqaddes tul ħajjitha kollha… Matul l-aħħar marda tagħha li ssuperat id-debolizzi kbar li kellha fost tentazzjonijiet u tbatija biex tirċievi l-Ewkaristija: “Ma jidhirlix li nkun qiegħda nbati ħafna jekk dan nagħmlu biex nakkwista Tqarbina”, qalet darba lil soru li ċanfritha dwar l-imġiba tagħha. Meta titqarben tkun qiegħda tirċievi għajnuna Divina.

Ninnutaw fil-ħajja ta’ San Charbel illi l-qofol ta’ qdusitu kien jikkonsisti filli ċċentra ħajtu kollha madwar l-Ewkaristija. Dan is-saċerdot kien jippreferi jqaddes kuljum fil-ħdax ta’ filgħodu biex hekk ikun jista’ jgħaddi l-parti l-kbira tan-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fi preparazzjoni għal dan l-att ta’ qima suprem, waqt li l-bqija tal-ġurnata jgħaddih f’ringrazzjament.

F’talba uffiċjali fin-novena ta’ Santa Rita li ilha tingħad għal sekli naqraw hekk: “J’Alla kull taħbita ta’ qalbi tkun bħal Tqarbina Spiritwali.”

Allura x’inhi fil-fatt Tqarbina Spiritwali? L-Enċiklopedija Kattolika bl-Imprimatur u ppreparat taħt it-tmexxija tal-Kardinal Spellmen tal-1965 tgħid hekk:

“Dawk li jattendu għall-quddiesa u ma jistgħux jirċievu l-Ewkaristija jistgħu jagħmlu dan bl-ispirtu u bix-xewqa. Din tissejjaħ Tqarbina Spiritwali. Biex tkun tista’ titqarben spiritwalment wieħed irid ikollu fidi ħajja u xewqa qawwija li jipparteċipa fis-Sagrament. Dawn ix-xewqat jitolbu warajhom atti sinċiera ta’ fidi, mħabba u ringrazzjament. Il-merti akkwistati fit-Tqarbina Spiritwali għalkemm ma humiex daqskemm meta nirċievu s-Sagrament attwali huma wkoll abbundanti u jagħtu ħafna frott. Iżda dawk li spiss jirċievu s-Sagrament Spiritwalment meta dawn jistgħu jirċevuh sew Spiritwalment kif ukoll Sagramentalment dawn ikunu iċaħħdu lilhom infushom minn grazzji kbar.”

man_in_prayeyrjpg.jpg

X’uħud igħidu illi dan kien igħodd għaż-Żminijiet tan-Nofs meta ma setgħux jirċievu l-Ewkaristija spiss bħal lum. Ikomplu jsaħħu t-teorija tagħhom billi jgħidu illi lil Kristu jsibuh fil-proxxmu tagħhom u fil-ħolqien allura m’hemmx għalfejn ifittxuh barra mill-Ewkaristija li ma jistgħux jirċievu. Dak li qiegħed jiġri fostna llum huwa kollu nuqqas ta’ għarfien u mħabba lejn is-Santissmu Sagrament! Ħasra kbira jekk kollox ġej mil-injoranza tal-fatt illi fl-Ewkaristija Ġesu’ jinsab ħaj u preżenti u rejali. L-Ostja Kkonsagrata hija Ġesu’ ħaj. Fix-xogħol klassiku ta’ Patri Faber “The Blessed Sacrament” naqraw: “Iva! Hekk kollu kemm hu, Alla xtaq li joqgħod fis-Santissmu Sagrament u dan hu l-akbar xogħol tal-imħabba Tiegħu.”

“Il-Palestina ma hi xejn ħdejn dan! Hu jgħix hemm fit-Tabernaklu bħal Missier tagħna fost uliedu, bħala r-Redentur tagħna biex ikompli x-xogħol tiegħu, bħala Santifikatur tagħna biex jissokta jqaddisna, bħala Glorifkatur tagħna jistenniena biex ningħaqdu miegħu fil-glorja, u bħala Kreatur tagħna jipperfezzjonana u jagħtina lilu nnifsu bħala ikel u xorb Divin.” Ikompli jgħid illi dak li ħalaq miljardi ta’ anġli, lil Adam u lil ħolqien kollu jinsab hemm, “Hu kollu kemm Hu, ndiviż u qaddis, qiegħed hemm fit-Tabernaklu lsir tal-imħabba għatxana li għandu għall-erwieħ illi fl-Imħabba Tiegħu ħalaq!”

Santa Katarina ta’ Siena meta titkellem dwar il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tgħidilna hekk: “Dan l-ikel issaħħaħna ftit jew ħafna skont ix-xewqa għaliH ta’ dak li jirċieviH, sew jekk Sagramentalment u sew jekk Virtwalment.”

Santa Tereża t’Avila tinkoraġġixxi lir-Reliġjużi tagħha hekk: “Uliedi meta tersqu għall-quddiesa u ma titqarbnux tistgħu tagħmlu Tqarbina Spiritwali. Din hi prattika li tħalli ħafna frott. Wara nġabru malajr fikom infuskom bħalma għallimtkom tagħmlu meta titqarbnu Sagramentalment, għax kbira hi l-imħabba li Ġesu’ isawwab f’ruħna. Għaliex meta aħna nkunu ppreparati biex nirċevuh Hu qatt ma jonqos li jagħtina lilu nnifsu b’modi li aħna m’aħniex kapaċi nifhmu.”

Fil-ħajja ta’ Maria Scholastica Muratori miktuba minn Patri Gabrielli tal-Oratorju ta’ Bologna naqraw illi hi kienet tipprova tagħmel Tqarbina Spiritwali kull darba li terfa’ għajnejha jew tieħu n-nifs, tant illi kif qalet hi: “Kieku kelli mmut malajr kont immut qisni qegħda niġbed in-nifs ta’ Alla.” Devozzjoni oħra tagħha kienet li tagħmel Tqarbina Spiritwali bi kliem apposta kull meta tara lil xi ħadd jitqarben fil-knisja.

Meta naqraw dan kollu naraw kemm għandna napprezzaw iżjed din il-prattika tat-Tqarbin Spiritwali u nżommuha ħajja billi nitkellmu dwar il-kobor tagħha ma’ dawk li nitkellmu magħhom jew ma’ dawk fdati f’idejna.

Illum il-Knisja tinkoraġġixxi t-Tqarbin Spiritwali u dan narawh mill-fatt illi fl-aħħar lista ta’ ndulġenzi jisimha ‘Enchiridion of Indulgences’ ġiet mogħtija indulġenza parzjali għal din il-prattika li hi ta’ min ifaħħarha. Għalkemm prattika bħal din tista’ ssir taħt forma differenti din it-talba hi rakkomandata għall-fidili:

“Ġesu’ tiegħi, jiena nemmen illi inti tinsab fis-Santissmu Sagrament. Jien inħobbok fuq kollox u nixtieqek ġewwa ruħi. La darba ma nistax nirċevik Sagramentalment, ejja almenu Spiritwalment ġewwa qalbi. Inqisek illi ġa ġejt, jiena ngħannqek u ngħaqqad lili nnifsi kompletament Miegħek, u tippermetti qatt li jien ninfired minneK.”

Fil-ktieb tiegħu “Living the Interior Life” Patri Wendelin Meyer O.F.M. isemmi ftit mill-virtujiet li nirċievu minn din l-għaqda tagħna ta’ spiss mal-Ewkaristija. Dawn huma:

  • ferħ tal-ispirtu,
  • imħabba vera,
  • silenzju,
  • ferħ fit-talb u
  • tixxennaq għal Alla.

Hu jinkoraġġixxi lir-reliġjużi biex “japprezzaw iż-żewġ modi ta’ Tqarbin u jitqarbnu kuljum sew attwalment kif ukoll spiritwalment.” Hu jkompli jenfasizza illi “waħda tikkumplimenta u tkabbar l-oħra.” Hekk ma nistagħġbux li jgħid: “Min jirċievi ta’ spiss it-Tqarbina Sagramentali u Spiritwali fih issib l-ispirtu ta’ kontemplazzjoni.”

Abbe’ Gaston Courtois fil-ktieb tiegħu “Fruitful Activity” jiddedika kapitlu għall-ħajja Ewkaristika u l-appostolat. Jipproponi li għandna ndawru ħsibijietna kontinwament lejn Ġesu’ fl-Ostja Qaddisa. Hu jinnota illi l-intensita’ tad-devozzjoni Ewkaristika li jkollna għandha effett kbir fuq il-fervur tal-erwieħ afdati f’idejna.

Hu preċiżament għax Ġesu’ jinsab ħaj fl-Ostja illi t-Tqarbin Spiritwali tagħna għandu effett hekk kbir fuqna u fuq l-oħrajn! San Pawl ifakkarna: “Hu qiegħed hemm biex jinterċedi għalina.”

Kristu jinsab hemm lest u xewqan li jgħinna meta ma nsibux kliem biex ngħinu lix-xwejjaħ emarġinat, liż-żagħżugħ mogħti d-droga, lill-alkoħoliku, eċċ. Iżda hu jixtieq jisma’ t-talba umli tagħna. Dik il-ħarsa lejh waqt Tqarbina Spiritwali tagħmel differenza kbira. Ipprova din il-linja diretta ta’ komunikazzjoni mal-Qalb ta’ Kristu. Tista’ tkun bi drawwa bħal meta l-arloġġ idoqq is-siegħa. Jew tista’ tkun f’dak il-mument kritiku meta s-salib jagħfas bi sħiħ fuqna jew fuq oħrajn. Dan huwa mod ta’ kif nirrispondu għall-istedina Tiegħu: “Ejjew għandi intom ilkoll li taħdmu u tbatu u jien inserraħkom.”

Oħrajn ippruvawha qabilkom. Kien il-Kurat t’Ars li qal: “Tqarbina Spiritwali taħdem fuq ir-ruħ kif l-infiħ jagħmel lill-ġamar li jkun wasal biex jintefa. Kull meta tħoss li l-imħabba tiegħek lejn Alla qiegħda tibred agħmel malajr Tqarbina Spiritwali.”

Artiklu miktub minn Sour M. Barbara Anne, F.M.S.C. Kien ippublikat fir-rivista “Appostolate of the Little Flower” tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi f’San Antonio Texas, Lulju – Awwissu 1984, Vol 52, Nru. 4 paġ. 24-28. Qiegħed jidher hawn bil-permess tal-awtur u tal-editur tar-rivista Patri Louis V. Scagnelli, O.C.D.).

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s