Il-Knisja minn dejjem kienet imżejna b’assoċjazzjonijiet qaddisa u għaqdiet reliġjużi li ħadmu biex tikber l-Adorazzjoni lejn l-Ewkaristija. Hekk li matul is-sekli s-Santissmu Sagrament ġie unurat b’devozzjonijiet bħal Benedizzjoni, l-Adorazzjoni Perpetwa, il-Liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka, il- ‘Quarant Ore’ u l-festa ta’ Corpus Christi.
Iżda l-iktar att sublimi ta’ qima hi l-quddiesa, li l-valur tagħha ma aħniex kapaċi nassesjawh f’din id-dinja. Aħna ma stajnix inkunu fuq il-Kalvarju, fil-quddiesa ningħataw il-privileġġ li nassistu għas-sagrifiċċju (bla tixrid ta’ demm) ta’ Ġesu’ fuq l-altar. Bħalma Marija kienet preżenti waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa.
San Bernard igħidilna illi aħna nkunu mdawra bl-anġli waqt li jkollna l-Ispeċi qaddisa ġo fina. Meta nirċievu l-Ostja aħna mhux biss inkunu nagħtu qima lil Alla iżda niġbdu fuqna ħafna grazzji u barkiet fosthom it-tnaqqis tal-ħtija temporali ta’ dnubietna u merti fil-ġenna. Il-quddies li nkunu smajna jkunu konsolazzjoni kbira għalina fil-pont tal-mewt, u l-erwieħ tal-Purgatorju li nkunu ssufragajna bihom jidħlu għalina.
Il-qaddisin spiss irrakkomandaw l-attendenza għall-quddiesa. San Giuseppe Cottolengo kien iħeġġeġ li quddiesa kuljum għandu jattendi għaliha kulħadd, u kien igħid illi dawk li ma jsibux ħin għaliha ma jafux iqassmu l-ħin. San Bernard igħid hekk: “Wieħed jimmerita iżjed billi jassisti bid-devozzjoni għall-quddiesa milli kieku kellu jqassam ġidu kollu lil fqar u jivvjaġġa f’pellegrinaġġ mad-dinja.” Ġesu’ darba qal hekk lil Santa Gertrude: “Ibqa’ żgur illi lil dawk li jassistu bid-devozzjoni għall-quddiesa jien nibgħatilhom daqstant qaddisin biex jikkonslawhom u jipproteġuhom fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.”
San Anselmu, Duttur tal-Knisja jgħidilna hekk: “…Quddiesa waħda mismugħha għalik innifsek f’ħajtek tista’ tkun ta’ valur ikbar min elf waħda wara mewtek.” Ma’ din jaqblu wkoll San Leonardu ta’ Portu Maurizio u wkoll Papa Benedittu XV. Iżda jekk il-quddiesa hix offrutha qabel jew wara l-mewt jibqa’ l-fatt illi l-benefiċċji tal-quddiesa huma inestimibbli.
Il-qaddisin dejjem onoraw l-Ewkaristija u ssuġġerew li għandha tkun imfaħħra u milqugħha. San Franġisk ta’ Sales kiteb hekk: “Jekk in-nies tad-dinja jistaqsuk għaliex titqarben daqshekk spiss għidilhom biex titgħallem tħobb lil Alla, biex teħles mill-imperfezzjonijiet, biex tnaqqas il-miżerji, biex tikkonsla waqt it-tbatija u biex tgħin ruħek fid-debolizzi. Għidilhom illi hemm żewġ kwalitajiet ta’ nies li għandhom jitqarbnu spiss: il-perfetti għax ikun għajb kbir għalihom jekk jitwarrbu minn sors hekk qawwi ta’ perfezzjoni, u l-imperfetti biex ikunu kapaċi jaslu għall-perfezzjoni – il-qawwija biex ma tonqosilhomx il-qawwa u l-batuti biex isiru qawwija, il-morda biex ifiequ u min hu b’saħħtu biex ma jimradx, għalhekk int jekk inti mperfett, batut u marid għandek bżonn tirċievi spiss lil Dak li hu l-perfezzjoni, is-saħħa u t-tabib tiegħek.”
San Thomas Moore, meta kien kanċillier tal-Ingilterra, ġieli ċanfruh ħbiebu għax kien jitqarben spiss. Kienu jgħidulu illi qiegħed jitlef ħafna mill-ħin li suppost jingħata għad-doveri u responsabbiltajiet li għandu. Il-qaddis irrisponda: “Ir-raġunijiet għaliex ma tridunix nitqarben huma eżatt dawk għalxiex iġagħluni nersaq spiss. Id-distrazzjonijiet tiegħi huma kbar, iżda hu fit-Tqarbin illi jiena ninġabar. Jien inkun ittentat ħafna drabi mal-ġurnata. Bit-Tqarbina kuljum jien nikseb l-għajnuna biex nirbaħhom. Għandi ħafna xogħol delikat f’idejja u għalhekk għandi bżonn ta’ ħafna dawl u għaqal. Hu preċiżament għal dawn ir-raġunijiet għaliex nersaq ta’ kuljum għat-Tqarbin biex nikkonsulta lil Ġesu’ dwarhom.”
San Bonaventura jgħidilna illi l-midinbin ma għandhomx jitwarrbu mill-Ewkaristija għax dinbu, le “… iktar ma tħossok marid iktar għandek bżonn ta’ tabib.”
Nafu wkoll illi s-Santissmu Sagrament jagħti fejqan u nutriment lir-ruħ hekk kif l-ikel materjali jagħti lill-ġisem.
Il-fatt li l-qaddisin jirrakkomandaw li l-midneb għandu jersaq għat-Tqarbin ma jfissirx li għandu jagħmlu meta hu fl-istat tad-dnub il-mejjet. L-Ewkaristija nistgħu nirċevuha biss meta aħna fil-grazzja t’Alla. Li tersaq għat-Tqarbin meta int fid-dnub il-mejjet, tkun qiegħed tagħmel dnub mejjet ieħor li jissejjaħ sagrileġġ (1 Kor 11,29).
Wara li rajna x’qalu San Franġisk ta’ Sales u San Thomas Moore dwar il-grazzji li nirċievu meta nirċievu kif jixraq l-Ewkaristija naraw issa x’wegħdna Ġesu’ nnifsu. Fis-6 Kapitlu tal-Vanġelu skont San Ġwann wara li Ġesu’ tema’ Mirakulużament lil 5,000 ruħ Ġesu’ rrefiera għalih innifsu kemm -il darba bħala l- “Ħobż li niżel mis-Sema” u wiegħed il-ħajja eterna fis-Sema lil dawk li jieklu minnu. Ġesu’ jgħidilna:
“Tħabbtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għal ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-Bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu.” (Ġw. 6, 27)
“Għaliex il-Ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-Sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.” (Ġw. 6, 33)
“Dan hu l-Ħobż nieżel mis-Sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-Ħobż il-ħaj li nieżel mis-Sema.” (Ġw 6, 50, 51)
“Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż igħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi, li jingħata għall-ħajja tad-dinja.” (Ġw. 6, 51)
Ġesu’ mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux l-ġisem ta’ Bin il-Bniedem u ma tixorbux demmu ma jkollkomx il-ħajja fikom.” (Ġw 6, 53)
“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.” (Ġw. 6, 56)
“Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.” (Ġw 6, 57)
Dawn il-wegħdiet bibbliċi mhux biss juruna kemm Ġesu’ jixtieq jikkonvinċina (billi jirrepetilna l-istess assigurazzjonijiet) illi hu jinsab preżenti taħt il-ħobż, iżda wkoll jittallab minna li nirċevuh f’dan is-Sagrament tal-imħabba, u bħala inċentiv Hu jwegħdna ħajja eterna ta’ tgawdija fis-Sema. Billi l-kliem ma humiex biżżejjed biex tiddeskrivi din l-imħabba u l-ġenerożita’ li għandu Ġesu’ għalina, għalhekk nimmeditaw fuq dan li ġej. Dwar l-imġiba tagħna wara li nirċievu l-Ewkaristija San Franġisk ta’ Sales igħidilna hekk: “Meta tirċievu l-Ostja agħtu qima u merħba lil dan ir-re tas-salvazzjoni, kellmuh dwar l-iktar affarijiet intimi, ġibu quddiem għajnejkom illi dan ġie biex jagħmilkom kuntenti u fl-aħħar agħtuh l-isbaħ laqgħa possibbli u ġibu ruħkom b’tali mod illi l-imġiba tagħkom turi li hemm Alla ġo fikom.”
Jiddispjaċik tara illi forsi din il-korteżija mhux dejjem urejniha ma’ Ġesu’. Ma hemmx dubju wkoll illi ħafna Tqarbin isir sagrilegu. Darba Ġesu’ lil Santa Briġida f’viżjoni qalilha: “Ma jeżistix fid-dinja kastig kbir biżżejjed li jikkastiga Tqarbina sagrilega”. Li tirċievi l-Ewkaristija bid-dnub il-mejjet hu mxebbaħ mal-bewsa ta’ Ġuda, ma nsult faħxi. (Iżda dan id-dnub jiġi maħfur fis-Sagrament tal-Penitenza).
Għalina li nitħabtu biex nimxu fit-triq tal-virtu’, iżda li ma ġejniex imżejna b’doni sopranturali, viżjonijiet u sentimenti kbar ta’ mħabba, għandna nagħmlu l-kuraġġ b’esperjenza ta’ Santa Katarina ta’ Bologna. Butler jirrakkonta hekk dwarha: “… ix-xitan daħħlilha f’moħħha dubji kbar dwar il-preżenza rejali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija. Dan waqqagħha f’miżerji kbar, sakemm ġurnata waħda Ġesu’ fissirilha kollox u d-dubji ħallewha għal kollox. Hu assiguraha illi jekk il-kuxjenza tagħha hi pura l-effetti tas-Sagrament ma jiddependux minn dak li nħossu… u lanqas id-dubji ma jnaqqsu l-effetti sakemm ma naqblux magħhom. Jerġa’ dawk li jistabru fi provi bħal dawn jiggwadanjaw iżjed bit-Tqarbin tagħhom minn dawk li jħossu konsolazzjoni spiritwali.”
Prattika oħra rrakkomandata mill-qaddisin barra dik tas-smigħ tal-quddiesa u l-parteċipazzjoni tal-Ewkaristija hi dik tal-visti ta’ spiss bħala Adorazzjoni lil Ġesu’ fl-Ewkaristija. San Alfons jinkoraġġixxi lill-erwieħ devoti biex igħaddu kwarta jew nofs siegħa f’Adorazzjoni meta jgħid: “Għandkom tkunu tafu illi fil-kwarta talb li tgħaddu fil-preżenza ta’ Ġesu’ Sagramentat intom tistgħu takkwistaw iktar mill-opri kollha ta’ matul il-ġurnata.” Il-qaddis ikompli: “Iħossu ħniena u devozzjoni kbira dawk li jmorru Ġerusalemm u jinvistaw l-għar fejn twieled Ġesu’, is-sala ta’ fejn ifflaġellawh, l-għolja tal-Kalvarju fejn miet u s-sepulkru fejn ġie midfun, iżda kemm iżjed għandna nħossu aħna meta ninvistaw l-altar li fuqu hemm Ġesu’ stess fis-Sagrament tal-Ewkaristija!”
Santa Tereża t’Avila tgħidilna illi hu mpossibli li s-sudditi kollha jkellmu lir-re tagħhom, u għalhekk ikollhom jikkuntentaw irwieħhom billi jkellmuh permezz tat-terza persuna. “Iżda biex inkellem Lilek, O Re tas-Sema, ma hemmx bżonn ta’ terza persuna, għax kull min irid jista’ jsibeK fis-Santissmu Sagrament.
Il-Knisja wkoll inkoraġġiet il-visti lis-Santissmu Sagrament, sew espost kif ukoll fit-Tabernaklu, u anke kkonċediet indulġenza plenarja lil dawk li jagħmlu vista ta’ nofs siegħa Adorazzjoni quddiem Ġesu’, dejjem bil-kundizzjonijiet meħtieġa li huma qrara fi żmien ġimgħatejn mill-vista, titqarben u titlob skont l-intenzjonijiet tal-Papa, u trid tkun maħlul mir-rabta tad-dnub anke venjal. Dawn il-kundizzjonijiet ma huma xejn meta tikkonsidra illi indulġenza plenarja taħfirlek il-pwieni temporali kollha u tista’ wkoll toffriha għal ruħ fil-purgatorju.
Jekk il-quddiesa, it-Tqarbin u l-Adorazzjoni Ewkaristika għandhom valur spiritwali li ma jistax jitqies, hemm metodu ieħor kif dawn il-grazzji nistgħu nżiduhom għal drabi bla għadd matul il-ġurnata, u dan hu t-Tqarbin spiritwali. Tqarbina spiritwali hija xewqa qawwija li tirċievi l-Ewkaristija meta ma tistax titqarben Sagramentalment. Tista’ tagħmilha billi tesprimi ruħek fi kliemek u tgħid xi waħda mit-talb approvati biex jingħadu.
Fl-24 ta’ Novembru 1922 is-Sagra Kongregazzjoni tal-Indulġenzi approvat din it-talba għal Tqarbina spiritwali: “O Ġesu’, ndur lejn it-Tabernaklu qaddis fejn Inti tgħix moħbi għax tħobbni. Inħobbok, O Alla tiegħi. Ma nistax nirċevik fit-Tqarbin Imqaddes. Ejja xorta waħda u żurni bil-grazzja Tiegħek. Ejja spiritwalment fil-qalb tiegħi. Naddafha. Qaddisha. Agħmilha tixbaħ lil Tiegħek. Ammen.”
San Alfons Maria de Ligouri Duttur tal-Knisja u fundatur tal-Kongregazzjoni tar-Redentur Qaddis, kiteb ktieb jismu “L-Ewkaristija Qaddisa”, li fih insibu żewġ talbiet li jingħadu bħala Tqarbina spiritwali: “Ġesu’, tiegħi, jiena nemmen li inti tinsab rejalment fis-Santissmu Sagrament. Inħobbok fuq kollox, nixtieq li nilqgħek ġewwa qalbi. La darba ma nistax nirċevik issa Sagramentalment, ejja għandi almenu spiritwalment. Jien nilqgħek qisek inti ġa ġewwa fija u ningħaqad kollni kemm jien Miegħek, u tħallini qatt ninfired Minnek.
“Jiena nemmen illi Int O Ġesu’ tinsab fis-Santissmu Sagrament! Jien inħobboK u nixtieqeK! Ejja ġewwa qalbi. Jiena ngħannqeK miegħi; Oh, tħallini qatt!”
Waħda mill-iktar devoti tat-Tqarbina spiritwali kienet Santa Marija Madalena de Pazzi, li jingħad li kienet tagħmel mill-inqas 50 Tqarbina spiritwali kuljum. Darba kellha viżjoni li fiha rat lil Ġesu’ b’żewġ kalċijiet f’idejh wieħed tal-fidda u l-ieħor tad-deheb. Il-qaddisa fehmet illi ġo tal-fidda kien hemm it-Tqarbin Spiritwali li kienet għamlet waqt illi ġo tad-deheb kien hemm it-Tqarbin Sagramentali tagħha. Jingħad illi kienet tagħmel ukoll 33 vista kuljum lis-Santissmu Sagrament b’tifkira tan-numru tas-snin li Ġesu’ għadda fil-ħajja tiegħu fuq din l-art.