28. L-Istorja tad-Devozzjoni Ewkaristika

3ad03
Sa mill-ibgħad żminijiet il- “Ħobż” u l- “Inbid” tal-Ewkaristija kienu meqjuma bħala l-veru Ġisem u Demm ta’ Ġesu’ Kristu. Prova ta’ dan narawha fl-affreski tal-katakombi mibnija taħt l-belt ta’ Ruma bejn l-1 u t-3 sekli. Hawn naraw ħafna simboli jirrapreżentaw l-Ewkaristija Mqaddsa. Naraw basktijiet ta’ ħobż flimkien ma’ ħut li jfakkru fil-Miraklu ta’ Ġesu’. Fil-katakombi ta’ Callistus naraw pittura ta’ ħuta kbira ħdejn baskett mimli ħobż. Fuq l-faċċata tal-baskett hemm ftuħ (tieqa) u minn ġo fiha tidher tazza mimlija b’inbid aħmar. Ġol-katakombi ta’ Santa Prixxilla l-arkejoloġisti sabu ħobż imnaqqax fil-ħitan b’salib imħaffer fuqhom li hi l-marka tas-salvazzjoni. Dan ifakkarna fi kliem Ġesu’: “

Min jiekol minn dan il-ħobż igħix għal dejjem; u l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” (Ġw. 6,52)

Mill-Aħħar Ċena sal-lum il-Knisja dejjem emmnet illi l-Ewkaristija hija Sagrament permanenti għax l-elementi riservati fit-Tabernaklu jibqgħu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu anke wara li tispiċċa l-quddiesa; u f’dan ifakkarna l-martirju ta’ San Tarċisju. Mal-medda tas-sekli l-Ewkaristija baqgħet tiġi vvenerata b’iktar unuri u adorazzjoni għax il-Maġisteru tal-Knisja dejjem għallmet illi hemm jinsab il-veru Ġisem u Demm ta’ Kristu.

L-Elevazzjoni tal-Ostja waqt il-Quddiesa

L-elevazzjoni tal-Ostja kif nafuha llum issemmiet l-ewwel darba għal ħabta tas-sena 1200 għalkemm dwar żminijiet aktar bikrin tissemma l-elevazzjoni tal-Ostja qabel it-Tqarbin biex hekk il-poplu kien jara l-Ostja Kkonsagrata. L-elevazzjoni tal-Ostja dritt wara li din tiġi Kkonsagrata daħlet bħala difiża kontra t-tagħlim żbaljat ta’ Pietru Comestor u Pietru Chanter li kienu jgħidu illi l-ħobż ikun għadu ma nbidilx fil-Ġisem Divin meta jiġi Kkonsagrat iżda l-bidla tat-tnejn issir mal-kliem tal-Konsagrazzjoni tal-inbid. Biex jintwera li dan kien tagħlim qarrieq bdiet tiġi elevata l-Ostja hekk kif jingħad il-kliem: “Dan huwa Ġismi”.

Il-Knisja malajr indunat kemm hi ħaġa meritorja li tħares lejn il-Ġisem u d-Demm Divin. Skont Thurston, fiż-Żminijiet tan-Nofs kienet meqjusa illi li tħares lejn l-Ostja kienet l-iktar parti vitali tal-attendenza għall-quddiesa. Fit-18 ta’ Mejju, 1907, il-Papa San Piju X ikkonċieda ndulġenza lil dawk li jħarsu lejn l-Ostja bir-riverenza, fidi u mħabba waqt li jitolbu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.”

151fe53955bc90559bf7e97183f30e27--catholic-art-roman-catholic

Il-Festa ta’ Corpus Christi

Din il-festa tmur lura għall-viżjoni li kellha Santa Juliana. Fost ħafna viżjonijiet oħra rat il-qamar sħiħ li d-dija tiegħu kienet imċajpra b’tebgħa waħda skura. Fil-kunvent ma setgħux jinterpretaw din id-dehra. Wara ħafna ġranet ta’ talb Juliana semgħet vuċi tas-Sema tgħidilha “Dak li qiegħed jinkwetak hu li fil-Knisja Militanti jonqos festa oħra li nixtieq li titwaqqaf. Hi l-festa ta’ l-Għola u l-Iktar Imqaddes Sagrament tal-Altar. Fil-preżent iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-misteru hi osservata biss nhar Ħamis ix-Xirka, iżda f’din il-ġurnata jiġu kkunsidrati prinċipalment it-tbatijiet u l-mewt Tiegħi; għalhekk nixtieq li titwaqqaf festa oħra biex tiġi ċċelebrata fost il-Kristjani kollha…

Ingħataw tliet raġunijiet għaliex saret din it-talba:
a) Biex it-twemmin f’dan is-Sagrament ikun ikkonfermat b’din il-festa meta fil-futur jidħlu attakki kontra l-validita’ tiegħu.
b) Biex il-fidili jissaħħu fit-triq tal-virtu’ b’adorazzjoni sinċiera u profonda tas-Santissmu Sagrament.
c) Biex tingħata riparazzjoni għan-nuqqas ta’ qima u mħabba lejn is-Santissmu Sagrament.

Għal 22 sena hi ma qalet xejn lill-qassisin dwar din il-viżjoni, iżda fl-aħħar uriet lil Robert de Thorete Isqof ta’ Liege, lid-Dumnikan Hugh u lil James Pantaleon li kien l-Arċidjaknu ta’ Liege. L-isqof de Thorete sejjaħ sinodu fl-1246. Wara ħafna snin ta’ diskussjoni ġie deċiż illi titwaqqaf festa ta’ ringrazzjament lil Alla għal dan is-Sagrament kbir. Il-Papa Urbanu IV ipprova jxerred din iċ-ċelebrazzjoni mad-dinja kollha. Il-Papa ppublika l-bolla “Transiturus” nhar it-8 ta’ Settembru 1264 fejn ordna illi l-festa ta’ Corpus Christi għandha tiġi ċċelebrata kull sena nhar il-Ħamis wara Ħadd it-Trinita’. Ingħataw ħafna indulġenzi għal dawk il-fidili li jattendu għall-quddiesa u l-uffizzju.

Is-suċċessur tal-Papa Urbanu, jiġifieri Clement IV, kompla ordna li ssir din il-festa. Iżda kien fi żmien il-Papa Ġwanni XXII (1316-1334) illi l-festa bdiet tiġi ċċelebrata bil-purċissjoni tas-Santissmu Sagrament ġewwa Ostensorju. F’ħafna bliet fl-Ewropa l-purċissjoni ssir b’sollennita’ kbira. Tingħata l-Benedizzjoni f’erba’ altari matul il-purċissjoni, jintefgħu fjuri mal-art u t-twieqi jiġu mżejna għall-okkażjoni. Il-qniepen idoqqu kontinwament u ċ-ċelebrazzjoni hija professjoni ta’ fidi u qima lejn is-Santissmu Sagrament.

Il-Benedizzjoni tas-Santissmu Sagrament

Il-Benedizzjoni tikkonsisti fil-kant ta’ ċerti innijiet quddiem is-Santissmu Sagrament espost fuq l-altar f’Ostensorju ta’ metall prezzjuż. L-iktar parti sollenni hi meta s-saċerdot liebes il-kappa bl-Ostensorju f’idejh ibierek bis-sinjal tas-salib lil aduraturi. Benedizzjoni inqas formali hi meta flok bl-Ostensorju l-Barka tingħata bill-pissidi mgħotti b’velu. Jitkanta dejjem it- “Tantum Ergo”.

Espożizzjoni tas-Santissmu Sagrament

Iċ-ċerimonja li fiha s-Santissmu Sagrament joħorġuh mit-Tabernaklu u jitpoġġa f’Ostensorju espost għall-qima tal-fidili ġiet formalment introdotta fis-seklu 14 mal-festa ta’ Corpus Christi.

Fis-seklu 14 fil-Ġermanja u f’Dantzig is-Santissmu Sagrament kien jinżamm f’Ostensorju trasparenti matul il-ġurnata. F’digriet mgħoddi fi Breslau fl-1416 ingħata l-permess biex il-Ġisem ta’ Ġesu’ jkun espost għall-fidili għal xi ġranet fil-ġimgħa. Iżda f’digriet ieħor f’Cologne fl-1452 il-Kardinal Nikola ta’ Cusa pprojbixxa din l-espożizzjoni ħlief biss għall-ottava ta’ Corpus Christi. Matul is-seklu 15 ħafna sinodi ħarġu b’digrieti fejn impedew din l-espożizzjoni għar-raġuni illi tonqos ir-reverenza lejn is-Sagrament.

Fi żmien San Filippu Neri (miet fl-1595) u San Karlu Borromeo (miet fl-1584) bdew jidħlu ħafna varjetajiet ta’ esposiżizzjoni bħal per eżempju dik pubblika u l-oħra privata. F’ċerimonja pubblika l-Ostja titqiegħed f’Ostensorju fuq l-altar jew ġo niċċa ‘l fuq mit-Tabernaklu. F’espożizzjoni privata l-pissidi jitpoġġa ‘l barra mit-Tabernaklu miftuħ. Il-Kanoni 941 igħid illi fejn hemm preżenti s-Sagrament jistgħu jsiru espożizzjonijiet sew privati kif ukoll pubbliċi, iżda dejjem skont in-normi preskritti fil-kotba tal-liturġija. Il-Kanoni 942 jirrakkommanda illi fi Knejjes jew Oratorji bħal dawn darba f’sena ssir espożizzjoni sollenni f’xi ħin matul is-sena, anke jekk ma tkunx kontinwa, biex hekk il-komunita’ lokali tkun tista’ timmedita u tadura dan il-Misteru b’iktar profondita’, iżda din ix-xorta ta’ espożizzjoni tista’ ssir biss fejn ikun hemm numru suffiċjenti ta’ aduraturi u dejjem skont in-normi. Espożizzjoni privata tista’ ssir għal kull kawża tajba u raġjonevoli.

Devozzjoni Ewkaristika ta’ Erbgħin Siegħa

Il- “Quarant Ore” jikkorrispondi mal-erbgħin siegħa li għadda Ġesu’ waħdu fil-qabar. Il-prattika ta’ din il-qima kif nafuha llum bdiet għall-bidu tas-seklu 16 u din id-devozzjoni nfirxet malajr. Is-Sagrament jiġi espost għall-erbgħin siegħa, u din id-devozzjoni tista’ ssir f’kull żmien tas-sena. L-idejali hu li l-espożizzjoni tibqa’ sejra wkoll matul il-lejl, iżda fejn dan ma jistax isir id-devozzjoni tieqaf għal matul il-lejl. Il-Papa Pawlu III ikkonċieda ndulġenzi għal din id-devozzjoni. F’ħafna bliet kbar u stati fl-Ewropa u anke fl-Istati Uniti l-isqfijiet irranġaw biex din id-devozzjoni ma taqta’ qatt matul is-sena fid-djoċesi tagħhom, hekk illi l-“Quarant Ore” waqt li jispiċċaw ġo Knisja jibdew f’oħra.

repar-20-sjwL-Adorazzjoni Perpetwa

L-Adorazzjoni Perpetwa hi l-espożizzjoni tas-Santissmu Sagrament li tibqa’ għaddejja bla ma tieqaf lejl u nhar għal żmien twil, u li matulha erwieħ tajba jieħdu sehem kif imisshom bħala aduraturi.

Probbabilment l-iktar antika u l-itwal każ ta’ adorazzjoni perpetwa kienet dik li saret għal aktar minn tul ta’ 1000 sena fil-Katidral ta’ Lugo fi Spanja bħala tpattija għall-ereżija Prixxillana tar-4 seklu. Din jirreferi għaliha f’ittra uffiċjali miktuba mill-Kardinal Vaughan fl-1895 lill-Kardinal Primat ta’ Spanja.

Fl-4 ta’ Settembru 1226 ir-Re Luiġi VIII ta’ Franza talab biex is-Santissmu Sagrament jiġi espost għall-adorazzjoni fil-kappella tas-Salib Imqaddes bħala ringrazzjament għar-rebħa li kellu reċentament fuq is-setta tal-Albagesi. Tant kien hemm folol ta’ aduraturi illi l-Isqof Pierre de Corbie ħasibha li jkompli l-adorazzjoni bil-lejl u bi nhar. Din l-adorazzjoni damet sejra tul 500 sena meta ġiet imwaqqfa fl-1793, iżda reġgħet bdiet mill-ġdid fl-1829.

L-Adorazzjoni Perpetwa żviluppat wara li twaqqfet id-devozzjoni tal- “Quarant Ore”. Wara li din l-Adorazzjoni Perpetwa kienet osservata f’ħafna Knejjes f’Ruma, bil-mod il-mod infirxet mad-dinja kollha. Din id-devozzjoni hi l-mira speċjali ta’ ħafna għaqdiet devoti u kongregazzjonijiet reliġjużi. Illum bis-saħħa ta’ sforzi diliġenti min-naħa tal-lajċi u l-kleru, l-Adorazzjoni Perpetwa tas-Santissmu Sagrament kull ma jmur qegħda dejjem tintxered speċjalment fl-Istati Uniti.

Kungressi Ewakristiċi

Kungress Ewakristiku hija laqgħa internazzjonali ta’ saċerdoti u lajċi, mmexxiha minn legat tal-Papa, bl-iskop li jiċċelebraw u jagħtu glorja lil Ewkaristija u biex isibu l-aħjar mezzi ta’ kif ikabbru l-għarfien u l-imħabba għal dan is-Sagrament mad-dinja kollha. Dan ikun immexxi minn kumitat permanenti ta’ saċerdoti, reliġjużi u lajċi minn ħafna pajjiżi kif ukoll minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonjiet nazzjonali u internazzjonali. Fil-konklużjoni ta’ kull Kungress il-kumitat jipperpara volum bid-dettalji ta’ kull sar.

Marthe Marie Tamissier, mara twajba mwielda f’Tours Franza fl-1834, kienet hi l-ewwel darba ħarġet bl-ideja ta’ laqgħat li llum insejjħulhom Kungressi Ewkaristiċi. Tant kemm għamlet enfasi l-isqof Gaston de Segur organizza laqgħa fl-Universita’ ta’ Lille nhar l- 21 ta’ Ġunju 1881 u fiha attendew eluf ta’ fidili minn diversi nazzjonijiet. Din il-laqgħa ġiet magħrufa bħala l-Ewwel Kungress Ewkaristiku. It-Tieni Kungress sar f’Avignon fi Franza fl-1882. It-Tielet sar Ruma fl-1905. Hawn il-Papa Piju X qaddes il-quddiesa tal-ftuħ u kien preżenti fil-purċissjoni tal-għeluq.

Mill-ewwel Kungress tal-1881 sas-sena 1985 saru 43 Kungress Ewkaristiku internazzjonali f’pajjiżi differenti fid-dinja.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s