Dokument PDF jew WORD ta’ dan ir-Rużarju.
Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti.
Intenzjoni:
Se noffru dan ir-Rużarju għall-Qdusija tal-Kleru. Il-poplu t’Alla, li fis-Saċerdot jara l-Magħżul t’Alla, ma jistax ma jħossx l-obbligu li jgħin b’kull mezz possibbli biex fostu jkollu Saċerdoti l-aktar qaddisa, imitaturi veri ta’ Kristu, illi bil-ħajja tagħhom juru bħal f’mera, lil Kristu stess, Kristu li bata, Kristu li ċċaħħad, Kristu li ħabb il-ġabra, Kristu li ħabb it-talb, Kristu li ħabb is-sagrifiċċju, Kristu li ħa l-mewt anzi l-mewt tas-salib. Aktar mas-Saċerdot ikun jixbah lil Kristu aktar il-poplu t’Alla se jkollu fuqu l-barka t’Alla. Is-Saċerdot kuljum jitlob għall-poplu t’Alla, u l-poplu t’Alla għandu l-obbligu li jgħin b’kull mezz biex is-Saċerdoti tiegħu jkunu, kemm jista’ jkun qaddisa, ta’ sagrifiċċju u ta’ servizz sħiħ, mimlija bl-imħabba t’Alla u tal-proxxmu.
Imma kemm tfixkil u ostakoli jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum; kemm qtigħ il-qalb; kemm nuqqas ta’ koperazzjoni minn min suppost jikkopera aktar magħhom; u kemm uġigħ ta’ qalb kultant l-istess insara jġagħluhom isofru inġustament.
Nitolbu għas-Saċerdoti kollha u flimkien mat-talb tagħna noffru t-tbatijiet tagħna għall-qdusija tas-Saċerdoti kollha mxerrda mad-dinja.
MISTERI TAL-FERĦ
L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija li kellha tkun Omm Alla.
Meta Marija tat il-kunsens tagħha u aċċettat li ssir Omm l-Iben t’Alla magħmul bniedem Hija telqet ruħha għal kollox f’idejn Alla.
Il-vokazzjoni Saċerdotali tinbet propju f’erwieħ li huma lesti li jirrinunzjaw għall-interessi tagħhom u li jqisu l-ħajja tagħhom bħala don t’Alla għas-servizz ta’ ħuthom il-bnedmin.
Nitolbu lil Marija biex tieqaf mas-Saċerdoti kollha, fil-missjoni li daħlu għaliha, u tfakkarhom ta’ spiss li Hija Omm Ġesu’ Saċerdot… u kienet, għadha u tibqa’ Omm is-Saċerdoti kollha.
Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta.
Marija kienet l-ewwel waħda li ħadet lil Ġesu’ fid-dar ta’ min kellu bżonn l-għajnuna… u l-preżenza ta’ Ġesu’ f’Marija mliet id-dar ta’ Eliżabetta b’ferħ qaddis. Fejn hemm Marija hemm ukoll Ġesu’.
Nitolbu lil Marija li żżomm taħt il-Mant Ċelesti Tagħha lil kull Saċerdot ikkonsagrat lill-Mulej, sabiex bħal Marija ruħu dejjem tfaħħar lill-Mulej, l-ispirtu tiegħu jifraħ dejjem f’Alla u ta’ spiss jiftakar fil-Ħniena t’Alla min-nisel għal nisel ta’ dawk li għandhom il-vera mħabba t’Alla.
Ġesu’ twieled fil-Għar ta’ Betleħem
Marija Verġni tat l-Iben t’Alla lid-dinja.
Hekk, ukoll is-Saċerdoti… bix-xandir tal-Bxara t-Tajba u bis-Sagramenti Mqaddsa jwasslu lil Kristu Salvatur għand ħuthom il-bnedmin.
Nitolbu lil Marija biex tkabbar dejjem iżjed fi qlub is-Saċerdoti ż-żerriegħa tal-qdusija, biex wara li jitqaddsu huma, jkunu jistgħu jqaddsu lill-bnedmin ħuthom… u b’hekk tinxtered il-paċi fl-art u tingħata glorja akbar ‘l Alla fil-għoli tas-Smewwiet.
Marija ppreżentat lil Binha Ġesu’ fit-Tempju
Fil-preżentazzjoni ta’ Ġesu’ fit-Tempju Marija rċeviet l-aħbar li s-sejf tad-dulur kellu jinfed lil qalbha.
Nitolbu lil Marija biex dejjem tieqaf mas-Saċerdoti għeżież tagħha u tippreżenta quddiem Alla l-intenzjonijiet tajba tagħhom u s-sagrifiċċji ta’ ħajjithom… biex meta ħutna s-Saċerdoti jiġu kkalunjati, immalafamati u ppersegwitati jiftakru li fis-Sema għandhom Omm li taf iddewwi l-ġrieħi miftuħa inġustament minn ħuthom il-bnedmin… u b’hekk jagħmlu l-qalb u jissukktaw jaħdmu fl-għalqa tal-Mulej.
Marija tilfet lil Binha Ġesu’ u sabitu fit-Tempju jiddisputa mad-dutturi.
Kemm ferħet Marija… kemm feraħ Ġużeppi meta t-Tfajjel Ġesu’ nstab fit-Tempju. Din hi l-ħidma tas-Saċerdot… li jfittex in-nagħġa l-mitlufa.. li jreġġa’ lura l-iben prodiku lejn dar Missieru… u b’hekk iġib ferħ kbir fis-Sema għal kull midneb li jikkonverti… għax dan kien mitluf u reġa’ nstab… kien mejjet u reġa’ ħa l-ħajja.
Nitolbu lil Marija biex tieqaf mas-Saċerdoti tagħna fit-tfittxija għall-erwieħ u tgħinhom biex ma jaraw xejn bi tqil u jkunu lesti li jagħmlu kull sagrifiċċju ħalli jaħtfu erwieħ mitlufa minn idejn satana u b’hekk tikber tassew is-Saltna t’Alla… kif fis-Sema hekk ukoll fl-art.
MISTERI TAD-DAWL
Sidna Ġesu’ tgħammed fix-xmara Ġordan
Mulej Ġesu’ fil-Magħmudija Tiegħek minn Ġwanni l-Battista fil-Ġordan instama’ Leħen il-Missier li qal: “Dan hu Ibni l-Għażiż; fiH sibt l-Għaxqa Tiegħi.”.
Marija Santissma, Għarusa Divina tal-Ispirtu s-Santu agħmel li s-Saċerdoti kollha, li Inti l-Omm speċjali tagħhom, igħixu fil-preżenza tiegħek biex bħalek ikunu mmexxija mill-Ispirtu s-Santu u b’hekk jitqaddsu huma u jqaddsu l-erwieħ li Alla jafda f’idejhom.
Ġesu’ wera min hu fit-Tieġ ta’ Kana
Fit-tieġ ta’ Kana kont Inti, Marija li ġbidt l-attenzjoni lil Ġesu’ li l-għarajjes naqashom l-inbid… Agħmel fil-ħniena tiegħek ta’ Omm li jekk xi Saċerdoti diżgrazzjatament jonqoshom l-inbid tal-imħabba t’Alla ressaqhom mill-ġdid lejn il-Qalb Immakulata Tiegħek biex bil-Għajnuna Tiegħek u taħt il-ħarsien tiegħek iwettqu r-rieda t’Alla u jagħmlu dak kollu li jgħidilhom Ġesu’.
Sidna Ġesu’ ħabbar is-Saltna t’Alla u sejjaħ għall-Indiema
Marija, Ġesu’ ġie fid-dinja biex iħabbar is-Saltna t’Alla u jsejjaħ għall-Konverżjoni tal-midinbin; Agħmel li l-għeżież Saċerdoti wliedek iħabirku biex ixerrdu l-Messaġġ ta’ Fatima, fejn Inti talbtna nikkonvertu bis-serjeta’ u nagħmlu penitenza bi tpattija lill-Qalb ta’ Ġesu’ u lill-Qalb Immakulata Tiegħek, u jekk nagħmlu dan isseħħ il-wegħda tiegħek meta Inti għidtilna li l-Qalb Immakulata Tiegħek fl-aħħar tirbaħ.
Ġesu’ tbiddel quddiem l-Appostli fuq il-Muntanja Tabor
Marija, Ġesu’ quddiem l-Appostli fuq il-Muntanja Tabor tbiddel fi bjuda tal-għaġeb u l-Appostli raw il-wiċċ glorjuż Tiegħu; agħmel li s-Saċerdoti kollha jwieġbu għas-sejħat tal-Ispirtu s-Santu, jisimgħu lilu u jaċċettaw bis-sabar il-persekuzzjonijiet u t-tmaqdir li l-bnedmin iġegħluhom isofru u jkunu lesti li jaċċettaw kull tbatija fuq l-eżempju tal-Imgħallem Divin.
Sidna Ġesu’ waqqaf l-Ewkaristija, it-tifkira tal-Misteru tal-Għid
Ġesu’ istitwixxa l-Ewkaristija lejliet il-Passjoni Tiegħu bħala rahan tal-Imħabba Tiegħu lejn il-bnedmin. Agħmel, Marija, li kull Saċerdot jitħeġġeġ b’imħabba qawwija lejn Ġesu’ Ewkaristija… li minnha jieħdu l-forza u l-qawwa biex iwettqu l-Appostolat tagħhom akkost ta’ kull sagrifiċċju u jħeġġu lill-insara għall-Qima li tixraq lil dan is-Sagrament tal-Imħabba.
MISTERI TAT-TBATIJA
Ġesu’ jagħmel l-Agunija fil-Ġetsemani u jegħreq għaraq tad-demm
Aktar ma Ġesu’ ħass il-Passjoni qed toqrob lejh aktar ħass il-bżonn li jitlob… u permezz tat-talb aktar għaqqad il-volonta’ tiegħu mal-volonta’ tal-Missier.
Nitolbu għal ħutna s-Saċerdoti, imxerrda mad-dinja kollha, biex meta l-piż tas-Saċerdozju jagħfas fuqhom ma jaqtgħux qalbhom, imma, bħal Ġesu’, isibu l-kenn tagħhom mill-irwiefen tal-ħajja fil-ġabra u fit-talb, u hekk imsaħħin jissukktaw fit-triq iebsa imma nobbli tas-Saċerdozju Mqaddes.
Ġesu’ marbut mal-kolonna u magħha flaġellat
‘Ikun li trid int.” Ġesu’ aċċetta li jkun vittma għal ħutu l-bnedmin u ppermetta li l-ġisem innoċenti Tiegħu jiġi fflaġellat bla ħniena biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja. Is-Saċerdot ukoll aċċetta s-sejħa ta’ Ġesu’ u aċċetta li joffri ħajtu, saħħtu, żmienu u kulma għandu għas-servizz ta’ ħutu fi Kristu.
Nitolbu għas-Saċerdoti kollha biex filwaqt li jiftakru li aċċettaw li jkunu vittmi flimkien ma’ Ġesu’, joffru s-sagrifiċċju ta’ ħajjithom u l-flaġellazzjoni tal-volonta’ tagħhom flimkien mas-sagrifiċċju tal-Vittma Divina f’kull quddiesa li huma jqaddsu.
Ġesu’ nkurunat bil-kuruna tax-xewk
Ġesu’ Saċerdot u Vittma, sofra fis-skiet l-ikbar umiljazzjonijiet, l-ikbar disprezzi u l-ikbar żebliħ minbarra s-sofferenza fiżika tal-inkurunazzjoni bix-xewk. Is-Saċerdot ukoll, ikollu ħafna drabi jsofri umiljazzjonijiet fis-skiet, mingħajr ma jista’ jiddefendi ruħu mill-kalunji u malafami li jsirulu, u dawn ukoll iġibu sofferenza fiżika minbarra s-sofferenza morali.
Nitolbu għal dawn ħutna s-Saċerdoti, biex meta jsibu ruħhom akkużati inġustament jiftakru fis-skiet ta’ Ġesu’ nkurunat bix-xewk, u din it-tifkira tal-manswetudni ta’ Ġesu’ tkunilhom ta’ balzmu li jserraħ il-qalb imweġġħha tagħhom.
Ġesu’ mgħobbi s-salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju
“Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jkunx denn li jissejjaħ dixxiplu Tiegħi”… Jekk dan il-kliem Ġesu’ qalu lil kulħadd, żgur li qalu b’mod speċjali għal dawk li Huwa għażel biex ikunu mera ta’ ħajtu fis-Saċerdozju.
Nitolbu u noffru s-sagrifiċċji ta’ xi sofferenzi tagħna, tal-mard tagħna u ta’ dak kollu li jiġi kontra qalbna għall-bżonnijiet ta’ ħutna s-Saċerdoti, biex taħt il-ħarsien ta’ Marija, Omm is-Saċerdoti kollha, jissukktaw mexjin fit-triq wieqfa u iebsa tas-Saċerdozju, u bil-għajnuna ta’ Marija Ommna jiksbu l-qawwa biex jissukktaw jimxu fil-Via Doloruża tas-Saċerdozju ta’ Kristu.
Ġesu’ mislub fuq is-salib u fuqu miet
Il-kliem ta’ Ġesu’ fuq is-salib huwa kollu kliem ta’ maħfra, mogħdrija u mħabba. Il-missjoni tas-Saċerdoti hija propju din: li f’isem Kristu jagħdru, iħobbu u jaħfru lill-midinbin.
Nitolbu għal ħutna s-Saċerdoti, biex fil-qadi ta’ dmirijiethom, speċjalment fis-Sagrament tal-Qrar, isibu l-aħjar mezz u l-aħjar kliem ta’ mogħdrija u ħniena ma’ l-imsejkna midinbin; b’hekk dawn jaraw fis-Saċerdot ir-Ragħaj it-Tajjeb, il-Missier ħanin ta’ l-Iben il-Ħali… u qalbhom tifraħ għax kienu mitlufa u reġgħu nstabu.. kienu mejta u reġgħu sabu min jagħtihom il-ħajja tal-grazzja u tal-imħabba t’Alla.
MISTERI TAL-GLORJA
Ġesu’ rxoxta mill-mewt għall-ħajja
Mulej Ġesu’, Inti li rbaħt fuq il-mewt u fuq il-koruzzjoni tagħha, agħmel li s-Saċerdoti Tiegħek ma jaqtgħux qalbhom quddiem il-korruzzjoni ta’ dinja mgħaddsa fid-dnubiet, imma waqt li kontinwament jerfgħu ħaristhom lejk li Inti t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja jgħinu li ħuthom midinbin biex jimxu fit-triq tas-Sewwa li twassal għal vera Ħajja.
Ġesu’ tela’ s-Sema
Mulej Ġesu’, Inti li għidt “Meta jiena nkun merfugħ mill-art niġbed li kulħadd warajja” erfa’ dejjem aktar ‘il fuq il-qlub tas-Saċerdoti Tiegħek. Agħmel li huma jaspiraw dejjem iżjed għal stat ta’ qdusija aktar għolja biex b’ħeffa akbar jiġbdu erwieħ lejn is-Sema li għaliha aħna maħluqa.
Ġesu’ bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli skont il-wegħdiet Tiegħu
Mulej Ġesu’, Inti li qabel ma tlajt is-Sema ridt li l-Appostli jibqgħu Ġerusalemm, kif fil-fatt għamlu, miġbura fit-talb flimkien mal-għażiża Ommok, agħmel li s-Saċerdoti kollha jibqgħu dejjem fidili għall-irtir ta’ kull xahar, u għall-meditazzjoni ta’ kuljum u għall-eżami tal-kuxjenza ta’ kuljum, sabiex b’dawn il-mezzi jiksbu frott sħiħ mill-Eżerċizzi Spiritwali li jkunu għamlu.
Marija mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem
Marija, Inti li mtellgħa s-Sema tinsab fil-leminija ta’ Ibnek, is-setgħa fuq il-Qalb ta’ Ġesu’ hija wisq aktar milli kienet fit-tieġ ta’ Kana meta għall-kelma tiegħek Ġesu’ wettaq l-Ewwel Miraklu u biddel l-ilma f’inbid bnin. Agħmel li s-setgħa qawwija tiegħek tiddefendi quddiem Ibnek lis-Saċerdoti tiegħek, u tgħinhom waqt il-missjoni diffiċli tagħhom u fil-qtigħ il-qalb li kultant iġarrbu.
Marija nkurunata Reġina tas-Sema u tal-art mis-Santissima Trinita’
Marija, Reġina tas-Sema u tal-art, Omm tal-Perseveranza, Inti li qed tgawdi l-frott tal-perseveranza tiegħek fis-servizz t’Alla l-Missier, agħti l-Qawwa, id-Dawl, il-Faraġ u t-Tama lis-Saċerdoti kollha biex jissukktaw fit-Triq Imqaddsa tas-Saċerdozju…b’hekk huma jiksbu l-Kuruna tal-Glorja li hija biss imwiegħda lil min jibda tajjeb… imma tingħata biss lil min jippersevera.
Pingback: Talb għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju