14. Via Sagra għas-Saċerdoti u għall-Vokazzjonijiet Saċerdotali

Dokument PDF jew WORD ta’ din il-Via Sagra.

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti.

via-sagra-1-728.jpg

Talba tal-bidu
Ġesu’ Ħanin, Inti għoġbok tgħaddi mit-toroq ta’ Ġerusalemm imgħobbi bit-toqol tas-Salib għall-imħabba tagħna l-bnedmin. Aħna wkoll nixtiequ nagħmlu Miegħek l-istess vjaġġ; għalhekk nitolbuk li tnissel f’qalbna dawk is-sentimenti li kellek Inti fit-Triq tal-Kalvarju.
Ġagħalna nagħarfu kemm hija ħaġa li togħġbok li napplikaw il-frott ta’ din il-Via Sagra. Nitolbuk toffri lill-Missier Etern Tiegħek dak id-demm prezzjuż li xerridt għas-salvazzjoni u għall-qdusija tal-bnedmin kollha. U Inti, Marija Addolorata li sseħibt ma’ Ġesu’ Ibnek f’dak il-vjaġġ ta’ Tbatija, agħmel li qalbna tkun mimlija Imħabba lejn Ibnek Ġesu’, agħmel li t-tifkira tat-tbatijiet tagħkom ma twarrab qatt minn quddiem għajnejn is-Saċerdoti tagħna biex, imsaħħin minn din it-tifkira, jirnexxilhom jaqdu l-ministeru tagħhom fl-ikbar qdusija, Hekk ikun.

L-EWWEL STAZZJON
Ġesu’ ikkundannat għall-mewt bla ħtija.
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw fl-ewwel stazzjon meta lil Sidna Ġesu’ ikkundannawh għall-mewt bla ebda ħtija.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti tal-umilta’ Tiegħek li biha aċċettajt is-sentenza tal-mewt, agħmel li s-Saċerdoti Tiegħek għeżież jaċċettaw l-umiljazzjonijiet u s-sofferenzi li ħafna drabi ħuthom il-bnedmin iġagħluhom inġustament isofru.

O Marija, Int ħarisna,
mill-kundanna Int eħlisna
tal-Ġustizzja t’Alla.

Glorja lil Missier….

Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IT-TIENI STAZZJON
Ġesu’ mġiegħel jerfa’ s-Salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw fit-tieni stazzjon meta Sidna Ġesu’ aċċetta bil-ferħ din ir-refgħa tas-Salib għall-imħabba li Huwa ġabilna.
Nitolbuk Ġesu’, li tagħti l-grazzja lis-Saċerdoti għeżież Tiegħek li jilqgħu bil-ferħa il-kontrarjetajiet, id-dieqa u n-niket li huma, bla dubju, marbutin mas-Saċerdozju Divin tagħhom.

Verġni Mbierka, l’Int Omm tagħna,
jekk fil-hemm Inti tkun magħna
is-salib inħaddnu.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IT-TIELET STAZZJON
Ġesu’ jaqa’ l-Ewwel darba taħt is-Salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-istazzjon meta Sidna Ġesu’, waqt li kien tiela’ l-Kalvarju waqa’ għall-Ewwel darba taħt is-Salib.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon li tpoġġi fuq fomm is-Saċerdoti Tiegħek l-aħjar kliem ta’ ħlewwa u mogħdrija li bihom ikunu jistgħu jerfgħu l-midinbin li bihom ikunu jistgħu jerfgħu l-midinbin li jkunu waqgħu għall-ewwel darba f’ħajja ħażina.

F’ġieħ dil-waqgħa li Ibnek ġarrab
minna l-għadu dejjem ħarrab
hekk kif jersaq lejna.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IR-RABA’ STAZZJON
Ġesu’ jiltaqa’ m’Ommu Marija Santissma
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw lil Sidna Ġesu’ li fit-triq tal-Kalvarju ltaqa’ m’Ommu Marija u ġew mifrudin minn xulxin mil-Lhud b’kefrija kbira.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon, li Ommok Marija Santissma żżomm taħt il-ħarsa ħanina tagħha lis-Saċerdoti wliedha meta dawn isibu rwieħhom ittantati li jinfirdu mill-ħajja tal-grazzja.

Agħmel Int lir-ruħ tithenna,
flimkien magħkom ġewwa l-ġenna
f’ġieħ dil-laqgħa m’Ibnek.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IL-ĦAMES STAZZJON
Ġesu’ megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew jerfa’ s-Salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw lil Sidna Ġesu’ li fit-triq tas-Salib kien megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew biex iħaffiflu t-toqol tas-Salib.
Nitolbuk, Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon, agħmel li s-Saċerdoti maħbubin Tiegħek bil-ħajja tagħhom ta’ ċaħda u dedikazzjoni iħaffu t-toqol u l-miżerja ta’ dawk il-midinbin li jersqu lejhom għall-maħfra ta’ dnubiethom.

Għinna nerfgħu piż il-ħajja,
biex minn ruħna jgħibu t-tbajja’
li ħallew ħtijietna.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IS-SITT STAZZJON
Ġesu’ jiltaqa’ mal-Veronika li xxuttatlu Wiċċu
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-istazzjon lill-Veronika li xxuttatlu l-Wiċċ Imqaddes Tiegħu, u Ġesu’ bl-akbar gratitudni stampa x-Xbieha Tiegħu fil-velu tagħha.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti tat-tbatijiet Tiegħek nissel fis-Saċerdoti Tiegħek l-akbar devozzjoni lejn il-Passjoni Mqaddsa Tiegħek biex hekk ikunu kapaċi jnisslu fil-penitenti tagħhom sens ta’ vera ndiema ta’ dnubiethom li kienu l-kawża tal-Passjoni Tiegħek.

O Marija, isma’ talbna,
nitolbuk tistampa f’qalbna
il-Passjoni t’Ibnek.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IS-SEBA’ STAZZJON
Ġesu’ jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw lil Sidna Ġesu’ jaqa’ għat-tieni darba wiċċu fl-art taħt is-Salib.
Nitolbuk, Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon li tagħti l-għajnuna u s-sabar lis-Saċerdoti Tiegħek biex huma jagħmlu l-kuraġġ lill-midinbin li jaqgħu u jerġgħu jaqgħu fl-istess ħtijiet biex dawn jagħmlu l-qalb u jsaħħu r-rieda tagħhom kontra d-drawwiet li fihom ikunu mjassra.

F’ġieħ din il-waqgħa erfa’ għas-sewwa,
lil min dineb… kollok ħlewwa
uri l’Inti Ommna.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IT-TMIEN STAZZJON
Ġesu’ jikkonsla lin-nisa ta’ Ġerusalemm
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw lil Sidna Ġesu’ li fit-triq tal-Kalvarju qal lin-nisa ta’ Ġersualemm biex ma jibkux lilu, iżda jibku lilhom infushom u lil uliedhom.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon li bil-għajnuna tiegħek is-Saċerdoti konfessuri Tiegħek inisslu fil-penitenti tagħhom sens ta’ vera ndiema u dispjaċir ta’ dnubiethom b’mod li l-qrara li jagħmlu tkun il-bidu ta’ ħajja verament qaddisa li togħġob tant lill-Qalb Imqaddsa Tiegħek.

O Marija, kollok Ħniena,
nissel f’qalbna sens ta’ ndiema
u imħabba għal Kristu.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu, Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

ID-DISA’ STAZZJON
Ġesu’ jaqa’ għat-tielet darba taħt is-Salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-istazzjon meta Sidna Ġesu’ jaqa’għat-tielet darba taħt it-toqol tas-Salib.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon li tagħti lis-Saċerdoti Tiegħek l-għajnuna u l-għerf qaddis biex mid-dgħjufija tagħhom igħaddu mit-triq tal-konverżjoni għat-triq tal-Perfezzjoni nisranija, “biex huma jkunu perfetti bħalma l-Missier Tiegħek fis-Sema hu Perfett.”

Tħalli qatt li naqgħtu qalbna,
Omm qalbiena, ilqa’ talbna
tina d-don tal-Qawwa.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

L-GĦAXAR STAZZJON
Ġesu’ ġie mċarrat minn ħwejġu
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-istazzjon lil Sidna Ġesu’ li meta wasal fuq il-Kalvarju il-Lhud qabdu fiH u ċarrtuH minn ħwejġu.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon li tbiegħed lis-Saċerdoti Tiegħek mill-frugħat tad-dinja u minn dak kollu li jnikket lill-Qalb Adorabbli Tiegħek filwaqt li tħeġġeġ fihom imħabba u devozzjoni sinċiera lejn il-Qalb bla Tebgħa tal-Omm Tiegħek, Marija Immakulata.

F’ġieħ in-niket, O Marija,
tal- Qalb t’Ibnek u l-mistħija
nissel fina s-safa.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IL-ĦDAX -IL STAZZJON
Ġesu’ mimdud u msammar mas-Salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-istazzjon meta lil Ġesu’ ikkmandawh jimtedd fuq is-Salib u Ġesu’ obda sakemm sammruh bl-imsiemer għal dnubietna.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti ta’ dan l-istazzjon li s-Saċerdoti għeżież Tiegħek, u aħna magħhom, inkunu dejjem ubbidjenti għal dak li Inti titlob minna, akkost li dan ikun ta’ sagrifiċċju kbir, biex b’hekk huma u aħna inkunu qegħdin nissieħbu tabilħaqq mas-Sagrifiċċju tas-Salib.

F’ġieħ kliem Kristu kollu mħabba,
tħalli qatt lir-ruħ titabba’
bis-sinjal tal-ħtija.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

lent-2IT-TNAX -IL STAZZJON
Ġesu’ arbulat u mejjet fuq is-salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-istazzjon meta lil Sidna Ġesu’ sallbuh bejn żewġ ħallelin u wara tliet sigħat t’agunija miet.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti tal-agunija u l-mewt Tiegħek agħti l-grazzja lis-Saċerdoti kollha, tant għeżież għal Qalbek, li jkollhom fi tmiem ta’ ħajjithom il-protezzjoni speċjali tal-Omm Imqaddsa Tiegħek u b’hekk joħorġu rebbiħin mill-assalti tal-għadu, u wara ħajja ta’ sagrifiċċju u ċaħda jkun jistħoqqilhom, flimkien ma’ Marija li jgawdu l-Viżjoni Beatifika Tiegħek.

U fis-siegħa tal-mewt tagħna,
tħalliniex ‘ma ibqa’ magħna
sa mar-ruħ tithenna.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

IT-TLETTAX -IL STAZZJON
Ġesu’ mniżżel minn fuq is-salib
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-istazzjon lil Sidna Ġesu’ mniżżel mis-Salib u mqiegħed fi ħdan Ommu Marija Addolorata. Marija Santissma Addolorata, għall-merti tad-Duluri tiegħek, agħti lis-Saċerdoti ulied Tiegħek il-grazzja tal-vera sobgħa u ndiema perfetta u l-grazzja tal-Perseveranza Finali, li tagħha Int imsejħa l-Omm… u titlaqhomx sakemm tarahom eternament salvati fis-Sema.

Ġewwa ħdanek Int ilqagħna,
u lil Kristu ppreżentana
fl-aħħar nifs tal-ħajja.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

L-ERBATAX -IL STAZZJON
Ġesu’ ġie midfun f’qabar ġdid
Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Nikkunsidraw f’dan l-aħħar stazzjon lil Sidna Ġesu’ meħud minn ħdan Ommu Marija Santissima Addolorata u midfun f’qabar ġdid.
Nitolbuk Ġesu’, għall-merti tal-Mewt u d-Difna Tiegħek, agħmel li kull Saċerdot għażiż Tiegħek, li joffri kuljum is-Sagrifiċċju tal-Kalvarju, jikber ta’ kuljum fl-imħabba Tiegħek u tal-proxxmu, u b’hekk ħajtu u mewtu, mill-bidu sal-aħħar ikunu mera tal-ħajja tiegħek Divina fuq din l-art, Inti li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem, Hekk ikun.

F’ġieħ il-mewt u d-Difna Tiegħu,
ħudna ngawdu l-ġenna Miegħu
Int it-tama tagħna.

Glorja lill-Missier….
Imbierka l-Passjoni u l-Mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

TALBA TAL-AĦĦAR
O Ġesu’, li ridt tmut biex aħna niksbu l-ħajja ta’ dejjem, sejjaħ ħafna vokazzjonijiet għas-Saċerdozju. Inti taf kemm ġid jista’ jagħmel fl-erwieħ anke Saċerdot wieħed biss qaddis… Marija, Sultana tal-Appostli u Omm maħbuba tas-Saċerdoti wliedek, agħmel li bil-qawwa tat-talb tiegħek lil Ġesu’ Ibnek, Saċerdot Etern u l-Ewwel Saċerdot, ikun jistħoqqilna li jkollna ħafna Saċerdoti qaddisa, Hekk ikun.

 

One thought on “14. Via Sagra għas-Saċerdoti u għall-Vokazzjonijiet Saċerdotali

  1. Pingback: Talb għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s