25. Vuċijiet u Viżjonijiet

151fe53955bc90559bf7e97183f30e27--catholic-art-roman-catholicĦafna qaddisin kellhom ix-xorti li jisimgħu lil Ġesu’ jkellimhom mill-Ostja Kkonsagrata. Wieħed minn dawn kien San Pawl tas-Salib (miet fl-1775) li kien fundatur tal-Passjonisti. Dan Pawlu kien inkiteb biex imur fi kruċjata kontra t-Torok, iżda vuċi mit-Tabernaklu sejħitlu biex iwaqqaf Ordni Reliġjuża.

Santa Kjara t’Assisi semgħet il-vuċi ta’ Ġesu’ meta s-Saraċini ħabtu għall-monsasteru ta’ San Damiano fi Spoleto. Hi kienet il-fundatriċi ta’ dan il-monasteru. Meta ndunat illi l-għadu kien wara l-bieb, hi bil-għajnuna tas-sorijiet l-oħra, ġarret is-Sagrament ġo kaxxa tal-fidda wara dan l-istess bieb u mixħuta fuq irkopptejha talbitu bil-ħerqa għal dik il-merħla bla għajnuna ta’ ħadd. Vuċi qisha ta’ tifel żgħir instemgħet tgħidilha: “Jien se nibqa’ dejjem nieħu ħsiebkom.” U hekk ġara għax meta s-suldati lemħu l-Ostja qabadhom biża’ kbir u rtiraw b’ħeffa kbira.

Kunvent ieħor tas-sorijiet ta’ Santa Chiara jismu Betlehem safa’ l-mira ta’ attakki minn eretiċi. Is-sorijiet beżgħu ħafna bl-aħbar ħażina iżda nqalgħu xi ħbieb li ħarġu lis-sorijiet f’post ta’ kenn. Meta waslu s-suldati pprofonaw il-kunvent u serquh. Iżda grupp ta’ suldati Irlandiżi flimkien ma’ xi kattoliċi ltaqgħu magħhom fi triqthom lura u qatlu lil dawn il-120 eretiku. Kulħadd qal illi dan sar b’intervent divin.

Is-serva t’Alla Katarina ta’ Ġesu’ (mietet fl-1594) li kienet soru Karmelitana Skalza, semgħet vuċijiet ta’ anġli jkantaw meta lejla waħda kienet titlob u ddispjaċuta li f’ħafna knejjes ma hemmx min jadura lil Ġesu’. Il-melodija tal-anġli fost dwal li jgħammxu kienet tgħid hekk: “Benedizzjoni u glorja u għerf u ringrazzjament, unur u setgħa lil Alla tagħna għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.” Hekk Katarina fehmet illi l-anġli jpattu għat-traskuraġni tal-bnedmin.

San Filippu Neri (miet fl-1595) f’quddiesa ta’ lejliet il-Milied preċis wara l-konsagrazzjoni ra l-Ostja tinbidel fit-Tarbija Ġesu’, li l-ġmiel tal-viżjoni bniedem ma jasalx biex jiddeskrivi. F’okkażjonijiet oħra San Filippu ġie li ra qtajja kbar ta’ anġli u l-glorja tal-ġenna fl-istess Ostja Kkonsagrata.

San Lawrenz Brindisi, Naplitan li kien iħaddan l-Ordni Kappuċċina kien spiss jidħol f’estasi. Darba eżatt wara l-konsagrazzjoni fl-Ostja ra s-Salvatur Divin taħt forma ta’ tifel żgħir u dan deher jikkarezza u jitbissem lil Lawrenz. Patri Adam de Rovigo li kien ħdejh ra wkoll lit-Tarbija Ġesu’. Dan insibuh imniżżel fil-ħajja ta’ San Lawrenz.

Waqt li San Waltheof (miet fl-1159), li kien Patri fl-Ordni Ċisterċina, kien darba waħda jiċċelebra l-quddiesa nhar il-Milied kellu dehra oħra. Eżatt wara l-konsagrazzjoni daħal f’kontemplazzjoni profonda u flok l-Ostja ra f’idejh it-Tarbija Ġesu’. Wara li adurah poġġieh fuq l-altar u wara ma rax ħlief l-Ispeċi. Dan il-Miraklu jirrakkontah il-konfessur tiegħu Everard.

Darba, nhar il-Milied, Santa Katarina ta’ Siena kienet titlob quddiem presepju, u hemm il-Verġni tatha t-Tarbija Ġesu’ f’dirgħajha. Wara li kkarezzatu u kellmitu b’imħabba kbira newlitu lura lil Marija. Wara, waqt il-quddiesa rat lit-Tarbija Divina fl-Ostja. Minn ħdanu kienet ħierġa dielja mimlija għeneb li kienu jiekluhom b’reverenza kbira klieb li kienu suwed u bojod. Katarina nterpretat din il-viżjoni bħala tħabbira ta’ riforma li kellha ssir fil-Knisja bis-saħħa tal-Ordni Dumnikana. Hi stess kienet soru ta’ din l-Ordni li l-ilbies (abitu) tagħhom hu ta’ kulur abjad u iswed.

Santa Tereża t’Avila kellha viżjonijiet ta’ Ġesu’ fl-Ostja Kkonsagrata bħala bniedem f’ħinijiet differenti tal-Passjoni Tiegħu, kif ukoll wara li rxoxta. Dan nafuh mill-kitba dwar il-ħajja tagħha miktuba minnha stess.

Santa Columbia ta’ Rieti (mietet fl-1501) kien spiss ikollha viżjonijiet u estasi, u li jixhdulna għalihom ommha u l-konfessur tagħha. Il-bijografu tagħha Sebastian ta’ Perousa jirrakkonta illi darba waqt l-elevazzjoni tal-Kalċi Columbia rat lil Ġesu’ msallab fuq is-salib, musfar u mejjet. Ġenbu kien minfud bil-lanza u rasu tnixxi d-demm minn taħt il-kuruna tax-xewk. Il-qaddisa talbet lill-konfessur tagħha jitlob biex ma jkollhiex iżjed viżjonijiet oħra bħal din għax ħassitha ser tmut bid-dulur.

San Ġwann ta’ San Facundo li kien Patri Agostinjan (miet fl-1479) kellu x-xorti li jara lil Ġesu’ fl-Ostja Kkonsagrata għal ħafna drabi, u dan għenu jneħħi kull diffikulta’ dwar li jifhem dan il-misteru qaddis.

Is-serva t’Alla Anna Maria Taigi li kienet mara tad-dar, omm u ruħ mistika darba deherilha Ġesu’ fl-Ewkaristija. Rat ġilju sabiħ u miftuħ u f’din il-fjura lemħet lis-Salvatur ta’ ġmiel sopranaturali qisu qiegħed fuq tron. Semgħet ukoll vuċi tgħidilha: “Jiena l-fjura tal-għalqa, l-ġilju tal-wied. Jiena tiegħek biss.”

Santa Marija Margerita Alacoque, li xerrdet id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesu’, kienet darba għarkupptejha f’kontemplazzjoni profonda quddiem is-Santissmu Sagrament meta deherilha Ġesu’ u rregalalha l-privileġġ singulari li tpoġġi rasha fuq qalbu. Ġesu’ hawn urieha l-imħabba kbira li għandu lejn il-bniedem u l-misteri moħbija tal-Qalb Divina Tiegħu.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s