24. Tqarbin Mirakuluż

anjodeportugal

Fis-seklu 4, waqt il-persekuzzjoni tal-impertaur Djoklezjanu, nsibu lil San Klement Isqof ta’ Ancyra maqful il-ħabs fost ħafna torturi. Il-priġunieri sħabu baqgħu mpressjonati bil-qdusija tiegħu u ħafna tgħammdu minn idejh. Kien ikellimhom u jgħallimhom tard matul il-lejl. Darba waqt waħda mill-laqgħat iċ-ċella ddawwlet u deher ġuvni sabiħ bi ħwejjġu jleqqu. Resaq lejn l-isqof u newwillu Kalċi u Ostja. San Klement qassam l-Ostja u l-kontenut tal-Kalċi bejn sħabu, u hekk l-għada sebħu ferħana u msaħħa biex jirċievu l-martirju.

San Paschal Baylon (miet fl-1592) irċieva ħafna Tqarbin li sar b’Miraklu. Kien ajk Franġiskan, iżda bħala tfajjel kien jirgħa l-merħla ta’ missieru, u waqt li kien ikun qalb il-muntanji kien jinżel fuq irkupptejh hekk kif jisma’ d-daqq tal-qanpiena li kienet tindika l-konsagrazzjoni waqt il-quddiesa. U hawn kien jiġi anġlu jqarbnu. Kellu mħabba kbira lejn l-Ewkaristija u meta seta’ kien jgħaddi sigħat għarkupptejh f’estasi quddiem it-Tabernaklu.

Minħabba fl-umilta’ tiegħu San Bonaventura (miet fl-1274) għamel xi żmien ma jersaqx għat-Tqarbin, iżda darba waqt li kien jimmedita fuq il-Passjoni ta’ Kristu fil-quddiesa, Ġesu’ biex jinkuruna l-imħabba u l-umilta’ ta’ din ir-ruħ bagħat anġlu jqarbnu b’parti mill-Ostja Kkonsagrata li kellu f’idu s-saċerdot. Butler jikteb illi minn hawn ‘l quddiem baqa’ jitqarben bla ebda skrupli.

Sebastian ta’ Persousa jikteb illi darba billi Santa Columba ta’ Rieti (mietet fl-1501) ma setgħetx tattendi għall-quddiesa talbet lill-Madonna tgħinha biex tiltaqa’ ma’ Ġesu’. Wara ftit mumenti deher anġlu b’Ostja f’idu u qarbinha.

Is-serva t’Alla Katerina ta’ Ġesu’ (mietet fl-1594) kien ikollha xewqat kbar li tirċievi l-Ewkaristija u hekk narawhom jinqatgħu b’modi straordinarji. Fost ħafna oħrajn narawha tterraq lejn knisja Karmelitana li għalkemm sabitha magħluqa jasal saċerdot u dan fetaħ il-bieb. Meta daħlet tara tliet reliġjużi fuq l-altar jagħmlulha s-sinjal biex titla’ titqarben. Wara it-Tqarbin daħlet f’estasi profonda fejn ġie rrivelat lilha li dawk kienu anġli mibgħuta minn Alla għat-talba tagħha.

Fi żminijiet iktar riċenti fl-1917 naraw lit-tliet it-tfal ta’ Fatima waqt waħda mill-ewwel dehriet li kellhom. Deher anġlu bl-Ostja u l-Kalċi f’idu u wara li talab magħhom biex iberrdu l-korla t’Alla kontra l-ħażen fid-dinja qarbinhom it-tlieta.

Fil-ħajja ta’ San Stanislaus Kostka (miet fl-1568) naqraw illi darba waqt li kien marid serjament u kien alloġġjat għand familja luterana xtaq ħafna li jirċievi l-Ewkaristija. Talab lil Santa Barbara. Din dehert flimkien ma’ anġlu u ġabitlu l-Ewakristija.

Is-serva t’Alla Anna Maria Taigi (mietet fl-1837) minkejja li kienet mart raġel ribelluż u omm ta’ seba’ wlied kuljum sabet ħin għall-quddiesa u t-Tqarbin. Darba waqt il-quddiesa fil-knisja ta’ San Karlu fil-ħin ta’ l-“Agnus Dei” l-Ostja taret minn idejn is-saċerdot u waslet bla ħadd ma jaf kif fuq xofftejn Anna Maria.

Is-serva t’Alla Joanna tas-salib (mietet fl-1673) bdiet ordni reliġjuża ta’ sorijiet tal-klawsura. Fi żmien għaks kbir din kienet tipprovdilhom l-ikel b’mod Mirakuluż. Hi tgħid illi waqt il-quddiesa ferħ kbir kien jidħol f’qalbha tant li ġisimha kollu kien jirtogħod.

Xi qaddisin bħal San Lawrenz ta’ Brindisi (miet fl-1619) li kien Kappuċin, kellhom ix-xorti li jirċievu l-Ewkaristija minn idejn Ġesu’ nnifsu. Kien kappillan tal-armata mperjali ta’ Praga. Wara battalja qalila bejn l-insara u t-Torok li dehret li ntrebħet b’Miraklu. Ġesu’ deher lil San Lawrenz u s-suldati miegħu u amministralhom l-Ewkaristija minn idejh. Spiss kien jidħol f’estasi waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa.

Jingħad illi San Onorju (seklu sitta) vjaġġa sal-katidral ta’ Acheolus biex jieħu sehem fil-quddiesa fil-kappella tal-Verġni Mbierka. Waqt il-quddiesa kien Ġesu’ stess li deherlu u qarbnu.

Santa Katerina ta’ Siena narawha ħafna drabi tirċievi l-Ewkaristija b’mod Mirakuluż. Il-pirjol tal-monasteru tas-sorijiet Dumnikani kien ta’ ordni lis-saċerdoti biex b’ubbidjenza ma jqarbnux lil Katarina; u dan la hi u lanqas sħabha s-sorijiet ma kienu jafu għaliex. Katarina aċċettatha bħala r-rieda t’Alla. Iżda mat-tieni darba li ġara dan l-altar iddawwar b’dawl sabiħ u fuqu dehret it-Trinita’ Qaddisa. Dehret ukoll id tan-nar iżżomm l-Ostja. Din l-Ostja ġiet poġġutha fuq ilsien Katarina li kienet mitlufa f’estasi.

Is-serv t’Alla Raymond ta’ Capua kiteb il-ħajja ta’ din il-qaddisa fejn jgħidilna illi darba waqt li kien iqaddes u s-soru ma kinitx preżenti, hu meta qasam l-Ostja wara l-konsagrazzjoni din inqassmet fi tlieta flok fi tnejn. Il-parti ż-żgħira raha tinżel fuq il-korporal u ma seta’ jsibha mkien. Wara l-quddiesa ħalla l-għassa mal-altar u mar jikkonferma d-dubji tiegħu ma’ Katarina jekk kinitx irċevietha Mirakulużament. Katarina aċċertatu illi l-Għarus Divin kien ġabilha u hi tqarbnet minn idejh.

Santa Maria Madalena de Pazzi (mietet fl-1607) kienet soru Karmelitana. Din irċeviet Tqarbina Mirakuluża għal tliet darbiet. L-ewwel waħda ġrat nhar il-Ħamis ix-Xirka tal-1585 meta kellha 19 -il sena u kienet għadha novizza. Ġa kien ikollha estasi, u f’waħda minn dawn hi rċeviet l-Ewkaristija minn idejn is-Salvatur. Nhar is-7 t’Awwissu tal-istess sena waqt diskussjoni twila mar-Redentur fil-ħin tal-quddiesa qarbinha Ġesu’ stess. L-aħħar Tqarbina ġrat nhar il-Ħamis ix-Xirka tal-1592 waqt li kienet tipparteċipa fil-Passjoni ta’ Kristu.

Santa Maria Franġiska tal-Ħames Pjagi (mietet fl-1791) irċeviet l-Ewkaristija Mirakulużament waqt li Dom Cervellino kien jiċċelebra l-quddiesa. Fil-ħin tal-“Agnus Dei”l-Ostja sparixxiet minn idejh. Wara li nvestiga sab li l-Ostja kienet fuq ilsien Maria. F’okkażjoni oħra meta kienet mitlufa f’estasi, sabitha diffiċli biex tqum u tmur titqarben, u hekk talbet bil-qalb lil Alla biex tirċievi lil Ġesu’. U hekk l-Ostja telqet mill-pissidi u marret f’ħalq Maria.

L-istigmatista Therese Neumann (mietet fl-1962) irċeviet kemm -il darba Tqarbin Mirakulużament. L-Ostja kienet issib ruħha fuq ilsien Therese mingħajr ma kien ikun tahielha s-saċerdot. Spiss fil-ħin tat-Tqarbin Therese kienet tkun f’estasi u Ġesu’ kien iqarbinha hu stess.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s