SAWM EWKARISTIKU
Waħda mill-ħafna fenomeni Mirakulużi li nsibu fil-ħajja ta’ ħafna qaddisin hi s-sawma Ewkaristika, fejn naraw li l-Ewkaristija kienet l-ikel prinċipali, jekk mhux l-uniku ikel għal ħafna snin:
San Gerasimus eremita tal-Palestina (miet fis-sena 475) ma kien jiekol xejn matul l-erbgħin ġurnata tar-Randan ħlief l-Ostja Kkonsagrata.
Il-qaddisa Alpais (mietet fl-1211) ta’ Cudot fi Franza għaddiet snin twal ma titrejjaq b’xejn ħlief l-Ostja fit-Tqarbin.
Santa Rita ta’ Cascia (mietet fl-1456) kienet tosserva 3 Randanijiet fis-sena, u matulhom kienet tieħu ftit ikel ħafif li kien ikun imħallat bl-għeruq ta’ pjanta morra. Kienet tgħid li l-ikel li kien isostnija kien l-Ewkaristija.
Santa Katarina ta’ Siena (mietet fl-1380) kellha viżjoni fejn rat lil Ġesu’, u wara dan qatt ma kellha bżonn ta’ ikel, anzi kull meta kienet tkun sfurzata biex tiekol xi ħaġa kienet tbati ħafna biex tirremmetija għaliex l-istonku tagħha ma kienx iniżżlu. Għexet snin twal bl-Ewkaristija biss, u dan nafuh mill-konfessur tagħha, s-serv t’Alla, Raymond ta’ Capua li kiteb il-bijografija tagħha.
Santa Katarina Fieschi ta’ Genoa (mietet fl-1510) kienet tosserva sawm strett kull sena fl-Avvent u fir-Randan. Ma kienet tieħu xejn ikel ħlief “il-Manna tas-Sema” waqt il-quddiesa. Damet sejra hekk għal 23 sena. Meta ssikkawha biex titrejjaq l-istonku kien jitfa’ l-ikel ‘l barra.
Sant’Ita (mietet fis-sena 569) qaddisa Irlandiża li kienet il-fundatriċi ta’ komunita’ ta’ sorijiet f’Hy Conaill għaddiet snin twal tgħix biss billi tirċievi l-Ewkaristija kuljum.
San Nikola ta’ Flüe fl-Isvizzera (miet fl-1487) wara 25 miżżewweġ u kellu għaxart itfal ħalla l-familja bil-kunsens ta’ martu u għex bħala eremita f’wied fil-qrib għal 20 sena. Matul dawn is-snin kien jitqarben darba fix-xahar u qatt ma kiel jew xorob xejn. Dan jixhdu l-kurat ta’ Kerns, Oswald Isner.
Santa Lidwina ta’ Schiedam fl-Olanda (mietet fl-1433) kellha aċċident li kkaġunalha uġigħ tremend għal ħajjitha kollha. Kellha wkoll l-istigmati tal-Pjagi ta’ Ġesu’. Għal 19 -il sena għexet biss bl-Ewkaristija. Meta għal xi raġuni kienet iddum ma tirċievi s-Sagrament saħħitha kienet iċċedi iżda terġa’ tirpilja fost ħafna konsolazzjonijiet meta tirċievi lil Ġesu’. Joannes Brugmann u Thomas a’ Kempis kitbu dwar it-tbatijiet u l-favuri mistiċi tagħha.
Naqraw li San Ġużepp ta’ Copertino (miet fl-1663) kien isum għal 7 Randanijiet ta’ 40 ġurnata l-wieħed kull sena, jiekol biss ftit ikel nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ħadd. Għex 5 snin bla ma jiekol u għal 15 -il sena bla ma jixrob. Matul dawn is-sawmiet twal kien imsostni biss billi jirċievi l-Ewkaristija. Kienu jinnotaw illi qabel ma jitqarben kien ikun musfar, għajjien u bla ħeġġa, iżda hekk kif jitqarben kien jimtela ħeġġa u ħajja.
Il-Venerabbli Ursula Benincasa (mietet fl-1580) kienet membru tal-Ordni Immakulata Kunċizzjoni ta’ Napli. Għalkemm waslet li l-istonku tagħha ma kien kapaċi jżomm xejn, iżda ma kellha l-ebda diffikulta’ biex titqarben. Għalkemm San Filippu Neri poġġiha taħt prova u ċaħdilha li titqarben, hi obdiet. Iżda wara xi żmien it-tabib induna li kienet sejra lura u li ma kinitx sejra tgħix fit-tul. Talbu lil San Filippu biex jerġa’ jippermettilha titqarben bħala mezz ta’ fejqan. U hekk kif reġgħet bdiet tirċievi l-Ewkaristija ħadet saħħitha mill-ġdid.
Angela ta’ Foligno (mietet fl-1309) kienet mara miżżewġa u omm ta’ ħafna wlied. Kienet xalatura u anke mara tad-dnub. Iżda wara konverżjoni spontanja bħal dik ta’ San Pawl daħlet Franġiskana tat-Tielet Ordni. Wara l-mewt ta’ żewġha u uliedha kollha biegħet kull ma kellha u għaqqdet familja kbira ta’ Terzjarji Franġiskani. Il-konfessur tagħha stqarr illi ħafna mill-viżjonijiet u grazzji speċjali li kien ikollha ġraw waqt il-quddiesa jew wara li kienet tirċievi l-Ewkaristija. Għexet bl-Ewkaristija u ikel xejn għal 12 -il sena.
Santa Columbia ta’ Rieti (mietet fl-1501) kienet tipprattika penitenzi kbar sa minn ċkunitha. Ta’ 20 sena kienet tgħix kompletament bl-Ewkaristija biss, u meta kienet tkun imċaħħda mit-Tqarbin kienet taqa’ f’debulizzi kbar.
Santa Marija Franġiska tal-Ħames Pjagi (mietet fl-1791) Terzjarja Franġiskana kienet iġġib l-istigmati, nhar ta’ Ġimgħa speċjalment dawk ta’ matul ir-Randan kienet tħoss it-tbatijiet tal-Passjoni ta’ Kristu. Għexet għal żmien twil bl-Ewkaristija biss.
Santa Juliana ta’ Cornillon (mietet fl-1260) daħlet fl-Ordni Ċisterjana ta’ 14 -il sena. Malajr ipprofondiet f’imħabba kbira lejn l-Ewkaristija. Beda jkollha viżjonijiet ta’ 16 -il sena u hawn bdiet sawm fit-tul. Kif kienet tgħid hi l-ikel kienet tħossu bla tomgħa u l-Ewkaristija kienet l-uniku ferħ għal ruħha.
Santa Maria de Parades (mietet fl-1645) kienet ruħ ta’ penitenza sa minn ċkunitha. Qatt ma daħlet f’ordni reliġjuża iżda ħadet il-voti tal-faqar, kastita’ ubbidjenza. Kienet tiekol biss uqija ħobż niexfa kull tmienja jew għaxart ijiem. L-ikel li kien isostniha Mirakulużament kienet l-Ewkaristija li kienet tirċievi kuljum. Għamlet ħafna Mirakli fosthom irxuxtat persuna mejta. Ġiet ibbeatifikata fl-1853 u kanonizzata fl-1950.
Santa Rosa ta’ Lima (mietet fl-1617) kienet tkun spiss għajjiena minħabba fis-sawm u fil-penitenzi li kienet tagħmel. Tant hu hekk li kien ikollha tistrieħ hi u sejra lejn il-knisja. Iżda wara li tirċievi l-Ewkaristija kienet tiġiha saħħa speċjali. Meta Rosa kienu jippermettulha li tirċievi l-Ewkaristija din kienet tkun kapaċi tgħix bla ikel ieħor ordinarju.
Fost tant erwieħ li ma humiex ikkanonizzati nsibu lil Ġermaniża Anna Katarina Emmerich (mietet fl-1824) li għexet biss bl-ilma u l-Ewkaristija għall-aħħar 12 -il sena ta’ ħajjitha.
Fis-seklu 20 insibu lill-Beata Alessandrina Maria da Costa tal-Portugall (mietet fl-1955) li kienet ma tiekol xejn ħlief l-Ewkaristija. Samet għal 3 snin. Nhar ta’ Ġimgħa kienet issofri t-tbatijiet tal-Passjoni ta’ Kristu.
Therese Neumann tal-Ġermanja (mietet fl-1962) kellha l-istigmati tal-Passjoni ta’ Kristu. Din la kienet tiekol u lanqas tixrob ħlief li tirċievi l-Ewkaristija sa mill-1926 sa meta mietet fl-1962. Għaddej il-każ tal-beatifikazzjoni tagħha.