21. Mirakli Ewkarisiċi u l-Qaddisin

StAnthonyDonkey.jpg

MIRAKLI EWKARISTIĊI U L-QADDISIN

 

I

L-istorja turina kemm l-ewlenin insara ħadu l-martriju għax kienu sodi fil-fidi u fit-twemmin tagħhom fl-Ewkaristija. L-ewwel Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ San Tarċisju li, għax kien jieħu bil-moħbi is-Sagrament lill-insara fil-ħabs ġie msawwat, imħaġġar u maqtul. Tarċisju kellu fuqu l-Ewakristija, iżda wara li qatluh dawn fittxewlu fuqu u fi ħwejjġu u baqgħu ma sabu l-ebda traċċa tal-Ewkaristija. Dan ġara fis-seklu 3 fi żmien l-Imperatur Valerjanu.

 

II

Fil-ħajja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova (miet fl-1231) naqraw dwar il-Miraklu Ewkaristiku drammatiku. L-eretiku Boniville, li ma kien jemmen b’xejn, kien jiċħad il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ostja Kkonsagrata minkejja t-tagħlim ta’ Sant’Antnin. Darba kkonkludew illi jpoġġu l-bagħal igħinhom dwar dan il-fenomenu. Hekk tħalla fl-istalla għal tlett ijiem bla ikel xejn. Meta ħarġuh ressquh quddiem sidu Boniville li kellu f’idejh ħafur u tiben waqt li kien preżenti wkoll Sant’Antnin b’Ostja Kkonsagrata f’idu. Il-bagħal ma tax kas ta’ sidu iżda niżel għarkopptejh quddiem is-Santissmu Sagrament. Jingħad li Boniville meta ra dan ikkonverta u miegħu numru ta’ eretiċi oħra.

 

III

Miraklu ieħor li seħħ fis-seklu 16 fl-Irlanda jikkonċerna lill-Imħallef Sir Richard Shee li kien bniedem għaref iżda mhux reliġjuż u li x’aktarx kien jieħu sehem f’ċerimonji djaboliċi. Waqt il-quddiesa tal-Ħadd kien joħroġ lill-klieb tal-kaċċa bil-ħsieb illi bl-inbieħ tagħhom itellef lil dawk li kienu jitolbu.

Darba waqt purċissjoni, folla kbira ta’ nies kienet fit-triq tistenna lil Ġesu’ fl-Ewkaristija għaddej. Sir Richard resaq biż-żiemel u l-klieb lejn il-folla u pprova jgħaddi minn ġo nofshom, iżda iż-żiemel flok baqa’ għaddej niżel fuq irkopptejh man-nies u ma qamx qabel ma għadda s-Sagrament. Sir Richard tant stagħġeb illi biddel ħajtu u jgħidu li kien hu li bena Butts Cross biex jimmarka l-post fejn ikkonverta.

 

IV

San Pietru d’Alcantara (miet fl-1662) darba kien mistieden biex iqaddes quddiesa kantata f’Pedrosa fi żmien l-Għid. Issa billi l-knisja kienet żgħira għall-folol li nġabru kellhom iwaqqfu altar barra. Hekk meta kienu waslu fil-kredu qamet maltempata kbira li kienet tidher ser tfarrak dan l-altar. In-nies beżgħu iżda l-qaddis żamm il-kalma u kompla bit-talb. Il-kappillan induna illi l-ispirti ħżiena kienu qegħdin jippruvaw iħarbtu ċ-ċelebrazzjoni, iżda l-qaddis ma ħalliehx jibda t-talb tal-eżorċiżmu. Il-biża’ malajr inbidel fi stgħaġib meta raw illi għalkemm il-kampanja ta’ madwarhom kienet imgħarrqa bl-ilma lanqas qatra ma waqgħet fuq l-altar jew fuq in-nies miġbura u l-ebda xemgħa ma ntfiet. Hekk wara l-quddiesa saret talba ta’ ringrazzjament għal dan il-Miraklu.

 

V

Id-devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija Mqaddsa li kellhom San Feliċ ta’ Cantalice (miet 1587) u Sant’ Isidoru (miet fl-1130) ġiet ikkonfermata b’Mirakli.

San Feliċ kien impjegat jaħdem ir-raba’ ma’ wieħed sinjur. Dan l-imgħallem tiegħu dejjem ippermettielu jisma’ l-quddies kuljum fejn wieħed seta’ jara d-devozzjoni kbira li kellu lejn l-Ewakristija. Waqt li Feliċ kien ikun għall-quddiesa kienu jidhru l-anġli jagħmlu x-xogħol tiegħu fl-għelieqi. Il-quddiem Feliċ daħal bħala ajk fl-Ordni Kappuċin u sar l-ewwel qaddis tal-Ordni.

 

VI

Sant’Isidoru kien ukoll jaħdem fl-għelieqi mal-benestant John de Vergas. Qabel ma kien imur għax-xogħol kien kull filgħodu jmur il-quddies. Min jaf kemm-il darba qasam il-biċċa tal-ħobż fqajra li kien ikollu ma’ sħabu u din kienet timmultipplika ruħha sakemm ikun ħa kulħadd. Ġie rrappurtat li kien jidħol tard għax-xogħol, u l-imgħallem tiegħu biex jiġbor biżżejjed biex ikun jista’ jkeċċieh, darba staħbielu. Sidor tassew kien jidħol tard għax kien igħaddi l-knisja, iżda l-imgħallem induna li waqt li Sidor kien ikun għadu ma wasalx idejn moħbija kienu jsuqu barrin bojod jaħdmu r-raba’ u dawn kienu jagħmlu triplu tax-xogħol li kien jagħmel Sidor. L-imgħallem niżel f’riġlejn Sidor u talbu maħfra talli kien ħaseb ħażin fih. Sidor wieġbu, “Mgħallem, l-ebda ħin ma jintilef għax isir it-talb, għax dawk li jitolbu huma ħaddiema flimkien ma’ Alla.” Hekk naraw li Sidor mhux biss irrispettat minn sħabu iżda wkoll mogħti xogħol ta’ responsabbilta’. Jingħad ukoll li min jaf kemm-il darba kattar il-qamħ.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s