16. Il-Miraklu ta’ Faverney, Franza

faverney-27799-17_w600IL-MIRAKLU TA’ FAVERNEY, FRANZA
1608

Il-Miraklu Ewkaristiku li ġara f’Faverney ġewwa Franza ma jinvolvix xi Ostja mibdula f’laħam jew xi Ostja li qattret id-demm iżda jikkonsisti f’immunita’ sopranaturali mill-liġi tal-gravita’.

Il-monasteru, li fil-Knisja tiegħu ġara dan il-Miraklu kien imwaqqaf minn San Ġuda fis-seklu tmienja. Kien imwaqqaf skont ir-regola ta’ San Benedittu u ssemma Notre Dame de la Blanche, il-Madonna tal-Abjad, ad unur ta’ statwa żgħira li llum nsibuha fil-kappella fuq il-lemin tal-kor. Oriġinarjament il-monasteru kien tas-sorijiet iżda daħlu l-patrijiet flok is-sorijiet fl-1132.

Għal bidu tas-seklu 1600 il-ħajja reliġjuża fil-monasteru ma kienet xejn ferventi daqs kemm kien suppost. Il-komunita’ kienet tikkonsisti biss f’sitt patrijiet u żewġ novizzi. Biex isaħħu l-fidi tal-poplu li dak iż-żmien kienet iddgħajfet mill-influwenza protestanta l-patrijiet kienu jżommu ċerti funzjonijiet fis-sena inkluża l-Adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament ad unur ta’ Pentecoste u nhar tat-Tnejn ta’ wara din il-festa. Bħala preparazzjoni għal dawn iċ-ċerimonji ġie mwaqqaf altar u warajh grada dekorattiva ħdejn id-daħla għall-kor.

Fl-1608 numru ta’ nies attendew għall-funzjonijiet ta’ Pentecoste. Filgħaxija meta ngħalqu l-bibien tal-knisja u l-patrijiet kienu qegħdin jaħsbu biex jirtiraw ġew mixgħla żewġ lampi taż-żejt quddiem is-Santissmu Sagrament li tħalla sponut ġo sfera sempliċi fuq l-altar.

L-għada t-Tnejn, 26 ta’ Mejju meta s-sagristan, Don Garnir, fetaħ il-bibien sab il-knisja mimlija dħaħen u ra fjammi telgħin madwar l-altar kollu. Telaq jiġri lejn il-monasteru biex jinforma lill-patrijiet, u dawn malajr għenuh biex isalvaw il-knisja. Waqt li kienu qegħdin jitfu n-nirien, novizz żgħir jismu Hudelot li kellu 15 -il sena nnota li l-isfera kienet miżmuma fl-arja; kemmxejn maqluba lejn il-grada bla ma tmiss mal-grada li kien hemm wara l-altar.

e6e6a39344c3e18ba60136df9b324b90 - Copy

Ix-xniegħa ta’ dan il-prodiġju malajr xterdet u l-knisja ma damitx ma mtliet mill-parruċċani u saċerdoti ta’ dawk l-inħawi. Il-patrijiet Kappuċċini ta’ Vesoul ukoll għaġġlu biex jaraw l-ispettaklu. Ħafna niżlu għarkopptejhom mistagħġba quddiem l-isfera miżmuma fl-arja, waqt li numru kbir ta’ xettiċi resqu biex jeżaminaw għalihom dan il-Miraklu. Matul il-bqija tal-ġurnata u matul il-lejl ma saru l-ebda restrizzjonijiet, u kull min kien kurjuż seta’ jdur kemm irid f’dawk l-akkwati.

Matul is-sigħat bekrin tat-Tlieta 27 ta’ Mejju saċerdoti mill-viċin offrew is-sagrifiċċju tal-quddiesa b’tali mod li kienu jitqaddsu quddiesa wara l-oħra waqt li dan il-prodiġju baqa’ sejjer. Għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu waqt il-Konsagrazzjoni fil-quddiesa ċċelebrata minn Dun Nicholas Aubry, Cure’ ta’ Menoux, il-kongregazzjoni rat l-isfera tbiddel l-angolu tagħha għall-pożizzjoni vertikali u rawha nieżla bil-mod fuq l-altar li kien tpoġġa fil-post ta’ dak li kien inħaraq min-nirien. L-isfera damet 33 siegħa miżmuma fl-arja.

Sa mill-31 ta’ Mejju l-Eċċ. Tiegħu l-Arċisqof Ferdinandu de Rye ordna li ssir inkjesta. 54 rapport ġew miġbura mingħand patrijiet, saċerdoti, kampanjoli u parruċċani. Xahrejn wara, nhar it-30 ta’ Lulju 1608, wara li ġew studjati r-rapporti u l-materjal miġbur għal din l-inkjesta, l-Arċisqof ipproklamah Miraklu.

Ta’ min jistudja xi dettalji dwar l-aspetti tal-Miraklu. L-altar, barra mis-saqajn, spiċċa f’gozz irmied, kif ukoll it-trieħi tal-altar u xi ornamenti. Wieħed miż-żewġ gandilabri li kienu jżejnu l-altar spiċċa maħlul bin-nar iżda minkejja dawn in-nirien l-isfera ma ġralha xejn. Iż-żewġ Ostji f’din l-isfera baqgħu ntatti, sofrew biss ftit tat-tixwit mis-sħana tan-nirien. Erba’ oġġetti miżmuma ġo tubu tal-kristall li kien imwaħħal mal-isfera wkoll ma ġarrbu l-ebda ħsara; dawn kienu relikwja ta’ Sant’Agata, biċċa żgħira tal-ħarir, proklama tal-indulġenzi mill-Papa u ittra episkopali li s-siġill tagħha nħall u ġera fuq il-parċmina mingħajr ma ħassar il-kontenut tal-ittra.

Dwar li l-isfera baqgħet miżmuma fl-arja nsibu 54 xhieda, fosthom ħafna saċerdoti, li xehdu li waqt li l-isfera kienet inklinata lejn il-grada s-salib żgħir fuq in-naħa ta’ fuq ma kienx imiss mal-grada, infatti baqa’ biċċa bogħod sewwa mill-grada. Ix-xhieda affirmaw ukoll illi l-isfera baqgħet miżmuma fl-arja mingħajr ma tistrieħ ma’ mkien għal 33 siegħa.

Dawn ix-xhieda, li ddikjaraw kollox b’ġurament, iffirmaw ukoll dokument li għadu ppreservat fil-knisja. Huma wkoll xehdu illi s-sospensjoni fl-arja tal-isfera ma kienx affetwat mill-vibrazzjoni tan-nies li kienu jduru madwar il-Miraklu, lanqas tan-nies deħlin u ħerġin ġol-knisja, jew ta’ dawk wieqfa jitkellmu madwar l-altar maħruq, jew ta’ dawk li messew il-grada, u lanqas taċ-ċaqlieq min-naħa tal-patrijiet biex naddfu l-fdal tal-ħruq u waqqfu altar temporanju fl-istess post.

Tpoġġiet lapida tal-irħam taħt il-post fejn saret is-sospensjoni tal-Ostja biex tfakkar il-Miraklu. Imnaqqxa fuq il-lapida nsibu l-kelmiet “Lieu Du Miracle” (il-Post tal-Miraklu).

efa69a6cc2043dadd7e8c6129595d915F’Diċembru tas-sena tal-Miraklu, 1608, waħda miż-żewġ Ostji li kienu fl-isfera fil-ħin tal-Miraklu ġiet trasferita sollennement lejn il-Belt ta’ Dole li dik il-ħabta kienet il-kapitali tal-pajjiż.

Matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża sfortunatament l-isfera tal-Miraklu sfat meqruda, imma l-Ostja ġiet ippreservata mill-membri tal-Kunsill Muniċipali ta’ Faverney li żammewha moħbija sakemm għadda l-periklu. Iktar tard l-isfera reġgħet inħadmet fuq il-pittura ta’ qabel ir-Rivoluzzjoni. Ġo din l-isfera l-ġdida tpoġġiet l-istess Ostja li kienet żammet sospiża fl-arja għal 33 siegħa wara li ġarrbet nirien ta’ tant qawwa u sħana li gandlier fil-qrib safa’ maħlul u meqrud.

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/english_pdf/Faverney.pdf

Alternative Reading: https://www.deepertruthcatholics.com/single-post/2017/11/15/The-Guardian-Angel-Eucharistic-Miracle-Faverney-France-1608

or: https://rorate-caeli.blogspot.com/2008/05/fantastic-eucharistic-miracle-faverney.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s