15. Il-Miraklu ta’ Bordeaux, Franza

1Il-MIRAKLU TA’ BORDEAUX, FRANZA
1822

Meta bdiet issaltan il-paċi wara r-Rivoluzzjoni Franċiża (1793-1798) qamet mewġa fi ħdan il-Knisja biex tissewwa l-ħsara li ġrat matul dawk is-snin ta’ konfużjoni u qerda. Għalhekk tfaċċa żmien sabiħ għall-Knisja fi Franza meta twaqqfu ħafna organizazzjonijiet reliġjużi li kienu jieħdu ħsieb ħafna ħidma ta’ karita’.

Il-belt ta’ Bordeaux kellha tlieta minn dawn l-organizazzjonijiet reliġjużi ġodda. Father William Joseph Chaminade waqqaf il-kongregazzjoni tal-Marjanisti; Madre de Laourous waqfet kongregazzjoni li tieħu ħsieb in-nisa li sfaw waħedhom, u Father Peter de Noailles organizza għaqda ta’ nisa msejjħa l-Familja Mqaddsa ta’ Bordeaux, li l-membri tagħha kienu jaqdu l-Knisja f’ħafna manjieri. Din l-aħħar kongregazzjoni ġieli sejħulha “Is-Sinjuri ta’ Loretu” (Ladies of Loreto) u ġiet imwaqqfa fl-1820 sentejn qabel ma ġara l-Miraklu. Il-fundatur tagħha, Father de Noailles, kien dak iż-żmien Kappillan tal-Knisja ta’ San Eulalie. Il-kongregazzjoni tal-Familja Mqaddsa ta’ Bordeaux malajr kibret u kellha ħafna djar sew f’Bordeaux kif ukoll madwar il-belt. Kien f’kappella ta’ waħda minn dawn id-djar li sar il-Miraklu ta’ Bordeaux, preċiżament fid-dar numru 22 – 24 fi Triq Mazarin.

6Inħallu lis-saċerdot li kien imexxi l-funzjoni jirrakkonta l-fatti tal-Miraklu kif kitibhom b’reqqa kbira huwa stess. Dan li ġej huwa parti mid-dokument:

“Nixtieq nistqarr illi jiena saċerdot li fil-preżent noqgħod viċin il-parroċċa ta’ San Eulalie ġewwa Bordeaux. Ma għandi l-ebda intenzjoni ħlief li nikkonferma fil-pubbliku l-Miraklu li nixtieq nikteb dwaru u li ġara ġewwa dar minn tal-kongregazzjoni tas-Sinjuri ta’ Loretu (Ladies of Loreto). Jiena nixhed għal dan il-prodiġju. Nixtieq nikkonferma quddiem is-Salvatur tiegħi u Alla tiegħi dwar il-verita’ tal-fatti msemmija f’din id-dikjarazzjoni.

Is-saċerdot Noailles, superjur tal-Istitut ta’ Loretu ma setax jagħti l-Benedizzjoni lill-Komunita’ ta’ Loretu u talab lili biex nagħmel dan is-servizz. Jien mort fid-dar ta’ dawn is-sorijiet nhar it-tielet ġurnata ta’ dan ix-xahar, il-festa ta’ Septuagesima fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Hekk kif wasalt ippreparajt biex nagħti l-Benedizzjoni. Naturalment esponejt is-Santissmu Sagrament u kont għadni ma spiċċajtx ninċenza s-Sagrament meta ħarist lejn l-ostensorju. Jien naf illi kont poġġejt l-Ispeċi qaddisa fl-ostensorju, imma flokhom kont qiegħed nara s-Salvatur, ras, sider, u dirgħajn ġo nofs iċ-ċirku li kien iservi bħala frejm, bid-differenza li l-pittura kienet tidher ħajja.

Il-figura tiegħu kienet bajda ħafna u kienet tippreżenta raġel żagħżugħ ta’ madwar 30 sena ta’ ġmiel straordinarju. Kellu mantall aħmar skur mitfugħ fuq spallejh u sidru. Rasu kienet miksura waqtiet lejn ix-xellug u waqtiet lejn il-lemin. Miblugħ b’dan il-Miraklu ma ridtx nemmen lil għajnejja u bdejt naħseb illi din kienet xi illużjoni, iżda l-Miraklu baqa’ sejjer. Ma stajtx inkompli f’din l-inċertezza u għamilt sinjal lill-abbati li kellu l-inċensier f’idu biex jersaq ħdejja. Staqsejtu jekk kienx qiegħed jara xi ħaġa straodinarja. Irrispondieni li hu kien ġa nnutah il-Miraklu u li hu kien għadu jarah. Bgħattu jgħid lis-Superjura biex tiġi. Hemm fis-sagristija hi wkoll kienet indunat bil-Miraklu u kienet mitlufa f’sentimenti ta’ mħabba. Jiena ntfajt mal-art u meta erfajt għajnejja ħassejtni umiljat quddiem is-Salvatur tiegħi. Qabżuli demgħat ta’ ferħ quddiem grazzja bħal din. Il-Miraklu ssokta matul il-kant kollu quddiem is-Sagrament, il-kantiku u t-talb. Wara l-kantiku jien ersaqt lejn l-altar, kif ma nafx għax ħassejtni li ma kellix kuraġġ nagħmel dan f’dak il-ħin. Qbadt l-ostensorju f’idejja u tajt il-Benedizzjoni waqt li qagħadt nikkontempla s-Salvatur Divin tagħna li kien viżibbli f’idejja. Amminstrajt il-Benedizzjoni Mirakuluża lis-Sorijiet ta’ Loretu li kienet bla dubju effikaċi ħafna għal din il-komunita’.

4Jien poġġejt l-ostensorju fuq l-altar iżda meta ftaħtu jien ma rajtx l-Ostja li ġo fiha deher is-Salvatur tagħna biex jagħti l-Benedizzjoni. Jien ħriġt mill-kappella mwerwer u bid-dmugħ f’għajnejja.

Hekk kif sibt ruħi barra mill-kappella l-membri kollha tal-komunita’ u lajċi mill-parroċċa staqsewni jekk kontx rajt il-Miraklu. Jien stajt biss ngħid dawn il-kelmiet: “Rajtu s-Salvatur tagħna, u dan huwa favur speċjali li għoġbu jagħtina biex ifakkarna li Hu tassew magħna u biex jitlobna nħobbuh dejjem aktar minn qatt qabel u biex nipprattikaw il-virtujiet, la darba għoġbu jagħtina grazzja hekk kbira.” Jien tlaqt u mort lejn id-dar iżda matul il-lejl ħsibt fil-Miraklu li jiena rajt. L-għada t-Tnejn mort fil-parroċċa ta’ San Eulalie u sibt lis-saċerdot Noailles. Jien għidtlu x’kien ġara, u ġew nies oħra jitkellmu dwar il-Miraklu. Għalkemm kelli l-ħsieb li nitkellem dwar il-Miraklu fit-tul l-abbati kif ukoll xi lajċi kienu ġa rrakkontawlu dak kollu li kienu raw…

Ġara x’ġara jien niddikjara dwar dak li rajt u dak li kważi messejt b’idejja. Ikunu x’ikunu l-konsegwenzi tax-xhieda tiegħi, kont inkun ingrat u l-iżjed bniedem ħati kieku kelli nirrifjuta li nixhed għall-verita’.

Id-dokument ġie ffirmat “Delort, saċerdot”, u jġib id-data 5 ta’ Frar, 1822.

2Flimkien ma’ din it-testimonjanza, l-Madre Superjura, li kienet għarkupptejha fis-sagristija wkoll tat it-testimonjanza tagħha. Fil-bidu ta’ din id-dikjarazzjoni hija stqarret illi għalkemm kienet id-drawwa li wieħed ibaxxi għajnejh quddiem is-Santissmu Sagrament hi imma ħasset li kellha tħares lejn l-Ostja. Hija tkompli hekk: “Jiena nnutajt illi flok l-Ispeċi kien hemm is-Salvatur tagħna Ġesu’ Kristu fost dija kbira. Jien stajt nara rasu u sidru. Kien magħluq fiċ-ċirku tal-ostensorju, iżda deher jiċċaqlaq minn ħin għall-ieħor u wiċċu deher qisu jrid joħroġ miċ-ċirku fuq in-naħa ta’ fejn kont jien. Jien rajt dwal ileħħu minn kull naħa u kull leħħa kienet qisha zokk twil li jispiċċa fi fjura qabel ma jisparixxi. Jiena kont mitlufa f’din id-dehra waqt l-innu tas-Santissmu Sagrament, l-orazzjonijiet u l-kantiku, illi ma kellix saħħa nkanta la darba ġo fija ħassejt fervur kbir.

Jien għidt lili nnifsi nkun kuntenta ħafna kieku Alla tagħna tassew ried juri Lilu nnifsu, u nieħu gost narah la darba jien ħafna drabi kont xtaqt dan il-favur. Jiena bdejt naħseb illi din kienet biss illużjoni imma jien bqajt nara s-Salvatur taħt l-istess forma. Jien kont tant 5okkupata b’din il-preżenza illi ma ntabħtx bl-effett li ġarrbu s-saċerdot u l-oħrajn. Mort lejn id-dar bla ma tkellimt ma’ ħadd, iżda ġew ħafna nies ħdejja jirrakkontawli dak kollu li kienu raw. Jien hekk fhimt li ma kontx fl-iżball, u nirringrazzja lis-Salvatur tal-grazzji li għoġbu jagħti lid-dar tagħna. Jiena nixhed dan kollu fil-preżenza ta’ Ġesu’, Marija u Ġużeppi. Għalkemm aħna mhux dejjem narawh bil-għajnejn tagħna, Hu tani l-grazzja li narah.”

Dan id-dokument ġie ffirmat “Madre Trinite’, Superjura tad-Dar ta’ Loreto, 6 ta’ Frar, 1822.”

Testimonjanzi oħra ġew mogħtija u ffirmati mill-abbati u minn bosta xhieda oħra, u dawn kollha ddikjaraw li raw ir-ras u s-sider tas-Salvatur b’diragħajh jiċċaqalqu waqt li kien jitbissem lejn il-ġemgħa tan-nies. Huma ddikjaraw illi f’ċertu waqtiet idu x-xellugija kienet poġġuta fuq l-mantell aħmar li kellu fuq spallejh waqt li idu l-leminija kienet merfugħa tbierek. Din il-viżjoni baqgħet sejra matul il-Benedizzjoni kollha li ħadet madwar 20 minuta.

7Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti l-Arċisqof ta’ Bordeaux ipproklama l-approvazzjoni tal-Knisja. Il-Papa Ljun XII malajr ikkonferma dan l-avveniment u ffirma digriet fejn waqqaf il-festa tal-Familja Mqaddsa fi ħdan il-Knisja biex ifakkar dan il-prodiġju u jirrikonoxxi l-Ordni li fil-kappella tagħha sar dan il-Miraklu. Il-Papa wkoll irranġa biex il-Ħadd tas-Septwageżima, il-ġurnata li fiha sar l-Miraklu kellha tiġi mħarsa bħala l-Festa tal-Familja Mqaddsa; osservanza doppja li ġiet mogħtija biss f’Bordeaux. Fl-1921 il-Papa Benedittu XV stenda l-quddiesa u l-Uffiċċju Divin ta’ din il-festa lill-Knisja kollha. Tiġi ċċelebrata matul il-festi tal-Milied.

Ta’ kull sena fid-djar tal-kongregazzjoni tal-Familja Mqaddsa jsiru ċelebrazzjonijiet biex jonoraw dan il-Miraklu, iżda dawn isiru biss fost is-sorijiet ladarba huma ftit l-kattoliċi li jafu b’dan il-Miraklu. L-ostensorju sempliċi li kien intuża dak inhar tal-Miraklu huwa ppreservat f’dar tal-Ordni f’Bordeaux.

Father Peter de Noailles, il-fundatur tal-kongregazzjoni tal-Familja Mqaddsa u li kien ukoll il-kappillan ta’ dak iż-żmien li fih ġara l-Miraklu u dalwaqt ser jiġi kkanonizzat.

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/english_pdf/Bordeaux.pdf

Alternative Reading: https://www.guidedchildrensadoration.com/uploads/2/4/8/5/24850691/bordeaux_miracle_story.pdf

or: https://www.deepertruthcatholics.com/single-post/2017/02/06/The-Guardian-Angel-Eucharistic-Miracle-of-Bordeaux-France-1820

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s