9. Adorazzjoni għall-Vokazzjonijiet Sacerdotali u Reliġjużi

Dokument PDF jew WORD ta’ din l-adorazzjoni.

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

2016-1_LT-BeginnersGuideAdoration

Espożizzjoni tas-Sagrament

Kant tal-Bidu: Dan huwa l-Ħaruf Divin

Rit./ Dan huwa l-Ħaruf Divin

Veru Ħobż tal-Anġli;
Hu jgħix magħna ta’ kuljum
Nadurawh flimkien.

O xi kbir Miraklu – għamel dan Ġesu’,
Hawn fit-tabernaklu – jistkenn lejl u nhar.

Rit./ Dan huwa l-Ħaruf Divin…

O x’għaġeb tas-sema – f’dan is-Sagrament,
Ġesu’ Iben t’Alla – jinsab verament.

Rit./ Dan huwa l-Ħaruf Divin…

Nemmen b’fidi ferma – Inti s-Salvatur,
Veru Iben t’Alla – tagħna r-Redentur.

Rit./ Dan huwa l-Ħaruf Divin…

Ninżel għarkupptejja – b’qima nadurah,
B’qima lilu noffri – għalkemm le narah.

Rit./ Dan huwa l-Ħaruf Divin…

Ġismu w Demmu nieħu – ruħi ngħajjex bih,
Sakemm fih fil-Ġenna – għal dejjem nistrieħ.

Rit./ Dan huwa l-Ħaruf Divin…

Viżta lil Ġesu’ Sagramentat

Nadurak, O Ġesu’ tiegħi,
Lejl u nhar maqful għalina.
F’dik id-dwejra ħiemda u ċkejkna,
Sabiex lilek stess tagħtina.
Missierna, Sliema u Glorja

Kemm hi kbira dik l-imħabba,
Li urejt magħna l-bnedmin.
Meta għażilt li tibqa’ fostna,
F’dan is-Sagrament Divin.
Missierna, Sliema u Glorja

Fik isib il-kenn u l-faraġ,
Tant l-imġarrab kemm il-fqir.
U minn lest għalik isofri
Il-mibgħeda u t-tkasbir.
Missierna, Sliema u Glorja

Inti biss it-tama tagħna,
Li ttaffilna kull uġigħ.
U mingħajr il-barka tiegħek
Il-ferħ tagħna qatt m’hu sħiħ.
Missierna, Sliema u Glorja

Jalla tul ħajjitna kollha,
Nibqgħu dejjem inħobbuk.
U mad-dinja kollha frugħa,
Qatt ma nfittxu li nibdluk.
Missierna, Sliema u Glorja

Skont il-fehma tal-Papa. Missierna, Sliema u Glorja

Intenzjoni:
Illum se noffru din l-Adorazzjoni biex iktar żgħażagħ iwieġbu għall-Vokazzjoni Saċerdotali u Reliġjuża, biex aktar lajċi jieħdu sehem fl-Appostolat, u biex kull nisrani jagħraf id-dmir li jgħin fis-salvazzjoni tal-erwieħ… fis-salvazzjoni ta’ ħutu l-bnedmin.

Adorazzjoni:

O Ġesu’, preżenti fis-Sagrament tal-imħabba, aħna nadurawk, u nerfgħu lejk it-talb umli tagħna… Mulej ikollok ħniena mill-poplu tiegħek; anki llum ħafna bnedmin huma mitlufa… bħal nagħaġ mingħajr ragħaj; anke llum il-ħsad huwa kbir imma l-ħassada ftit..

Nitolbuk, Mulej ibgħat ħafna ħaddiema fil-qasam tiegħek… Ibgħat ħafna ħabbara li jxandru l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni u b’hekk ikomplu l-Opra Tiegħek tal-Fidwa… Iżra’ fil-qlub ta’ tant żgħażagħ ix-xewqa li jiddedikaw ħajjithom kollha kemm hi għalik u għas-salvazzjoni ta’ ħuthom il-bnedmin… Dawwal lil moħħhom… biex jagħarfu kemm hi grazzja kbira l-grazzja tas-sejħa li Inti tagħmlilhom… Saħħaħ il-volonta’ tagħhom biex ma jibżgħux quddiem is-sagrifiċċju… u ma jiġux imqarrqa mit-tlellix tad-dinja… Uri lill-ġenituri tagħhom kemm hija grazzja kbira għalihom stess li joffru lilek lil uliedhom… Agħti lill-għalliema taż-żgħażagħ id-dawl meħtieġ sabiex jikkoltivaw fil-qlub taż-żgħażagħ iż-żerriegħa tal-Vokazzjoni Saċerdotali jew Reliġjuża.

vocationsKant: Għidtilna Kelma

Għidtilna Kelma Ġesu’, Bin Alla;
Aħna emminniha, għax għidtha Int;
“Kulu dan ġismi, dan Demmi, ixorbu”,
U l-Anġli stagħġbu kemm iċċekkint.

Rit./ Deh, wettaq Int, Marija,
Il-fehma fit-twemmin;
Għax aħna rridu lil Ġesu’ Ibnek,
Isaltan dejjem fost il-Maltin.

It-tagħlim tiegħek, tagħlim tas-sema,
Le, Ġesu’ ħelu, qatt ma niċħduh.
Aħna nixtiequ li Malta tagħna,
Tkun dejjem tiegħek fil-qalb, fir-ruħ.

Rit./ Deh wettaq…

Kemm hu tas-saħħa dan il-Ħobż tiegħek,
Xi ħlewwa, x’benna minn tas-smewwiet.
Oh kemm hu msejken min ta’ dan l-ikel,
Ma jafx x’inhuma l-għeġubijiet.

Rit./ Deh wettaq…

Id-dinja mqarrqa tfittex il-hena,
Fil-pjaċir żieni, morr, kemm battal.
Fik biss il-barka, Ġesu’ ħabibna,
Id-dar tal-hena hemm fuq l-altar.

Rit./ Deh wettaq…

Qari mill-Atti tal-Appostli (K13, 1-4)
Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għalliema; Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manaħen li kien trabba ma’ Erodi t-Tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom; “Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.” Imbagħad, wara li talbu u samu qiegħdu jdejhom fuqhom u bagħtuhom.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Qari mill-Evanġelu ta’ San Mattew ( K. 28- V16-20)
Il-ħdax id-dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesu’. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesu’ resaq ikellimhom u qalilhom; “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru mela agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.”

Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu

Riflessjoni
Din is-sejħa ta’ Ġesu’ għall-Appostolat u għat-tixrid tal-Vanġelu mhijiex limitata biss għas-Saċerdoti u għar-Reliġjużi. Kull nisrani, kull mgħammed, kull membru tal-Knisja ta’ Kristu huwa fid-dover li jagħti sehmu, kulħadd skont ma jista’ għat-tixrid tas-Saltna t’Alla, għas-salvazzjoni ta’ ħutu l-bnedmin. Ħadd ma jista’ jsalva lilu nnifsu jekk ma jkunx jimpurtah mis-salvazzjoni ta’ ħutu l-oħra. Aħna nkunu veru aħwa meta nagħarfu u jekk nagħarfu li aħna wlied tal-istess Missier. Din li tfisser meta ngħidu Missierna li Inti fis-Smewwiet tiġi saltnatek… Agħmel li s-Saltna tiegħek tinxtered fost ħutna l-bnedmin. Dawk id-doni, dawk il-grazzji li rċevejna fil-Magħmudija obbligati naqsmuhom ma’ ħutna f’pajjiżna u ma’ ħutna fil-kontinenti l-oħra, ma’ ħutna li qatt ma semgħu bl-isem imqaddes ta’ Kristu Sidna, ma’ ħutna li huma neqsin minn kollox, imma l-iżjed mill-kelma tal-Ħajja… mill-kelma ta’ Kristu li tagħti l-vera Ħajja.

Fiż-żminijiet tagħna meta l-umanita’ msejkna qiegħda tfittex l-idejali tagħha fil-pjaċiri sfrenati, fil-vizzji, fid-drogi u l-bnedmin saru qishom merħla nagħaġ mingħajr ragħaj il-Qalb ta’ Ġesu’ hija aktar viċin tal-umanita’… u qatt daqs illum ma nħass il-bżonn li wieħed imidd idejh biex bl-għajnuna t’Alla, bit-talb, u bis-sagrifiċċju jwarrab l-erwieħ mill-perikli li jimminaċċjawhom, milli jieħdu passi foloz, milli jaqbdu t-triq tar-rovina u tat-telfien. Ħadd ma jista’ jibqa’ wieqaf u ma jagħmel xejn meta tant erwieħ mill-ħames kontinenti qegħdin jerfgħu idejhom ‘ il fuq u jittallbu ħniena minn għand dawk li qegħdin jirrappreżentaw lil Kristu fuq l-art, speċjalment is-Saċerdoti u r-Reliġjużi… Imma huwa l-poplu nisrani kollu illi bil-ħajja tiegħu eżemplari fil-familja jipprepara l-art għammiela biex minnha tinbet il-vokazzjoni Saċerdotali… huwa l-poplu nisrani kollu li għandu jżomm l-istima sħiħa lejn s-Saċerdot li jirrapreżenta lil Kristu. Huwa l-poplu nisrani kollu li għandu jitlob lil Alla dak li Alla biss jista’ jagħti… li jibgħat aktar ħaddiema… huwa l-poplu kollu li għandu jitlob dan… imma kif qal il-Papa San Pawlu VI f’jum il-Vokazzjonijiet huma qabel kollox is-Saċerdoti stess, ir-Reliġjużi stess li mill-eżempju u ħeġġa tagħhom u mill-fedelta’ tagħhom jiddpendi l-ġejjieni tal-Knisja ta’ Kristu.

Mument ta’ Skiet

Kant: Quddiemek hawn miġbura

Quddiemek hawn miġbura
Flimkien Ġesu’ nqimuk;
Arana lkoll madwarek;
Int taf kemm inħobbuk.

Ħallina nibqgħu miegħek
Ħa ntuk kull ħajr u ġieħ,
Int l-hena, d-dawl, it-tama
Il-għaxqa u l-mistrieħ. (x2)

Int ridt li tibqa’ magħna
Biex dejjem insibuk
Oh x’ferħ inħossu f’qalbna
Kull meta nirċevuk.

Rit./ Ħallina nibqgħu miegħek…

Iġbidna lejk x’ħin niġu
Quddiemek f’dan is-skiet;
Biex nilqgħu ġo sidirna
Ilkoll ħobż is-smewwiet.

Rit./ Ħallina nibqgħu miegħek…

Salm Responsorjali (Salm 97)

R./ Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
Għax għamel l-għeġubijiet.
Ġibitilu r-rebħa l-leminija tiegħu
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R./

Għarraf il-Mulej is-Salvazzjoni tiegħu,
F’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu,
Ftakar fi tjubitu u fil-fedelta’ tiegħu għal dar Iżrael. R./

Raw it-truf kollha tal-art
Is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha
Infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. R./

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra
Biċ-ċetra b’leħen il-għana;
Bit-trombi u b’leħen it-trumbetti
Għajtu bil-ferħ quddiem is-sultan, il-Mulej. R./

Mument ta’ Skiet

09fe7434debae4c4ad56ea14d65091a7

Invokazzjonijiet

Wara kull invokazzjoni inwieġbu: Mulej qawwi l-qalb tal-Aspiranti għas-Saċerdozju u għall-Ħajja Reliġjuża.

1. Mulej Ġesu’, kebbes il-qalb tal-Aspiranti tiegħek bl-imħabba sabiex huma jfasslu l-ħajja tagħhom fuq l-Ewkaristija. Nitolbu…

2. Mulej Ġesu’, agħmel li l-Aspiranti tiegħek jitħeġġu permezz tal-meditazzjoni u talb fuq il-kelma tiegħek. Nitolbu…

3. Mulej Ġesu’, agħmel li huma jitqaddsu permezz tas-sagrifiċċji u l-mortifikazzjoni fil-ħajja tagħhom. Nitolbu…

4. Mulej Ġesu’, agħmel li huma jħejju ruħhom tajjeb permezz tal-ubbidjenza u r-rispett lejn is-superjuri tagħhom. Nitolbu…

5. Mulej Ġesu’ agħmel li huma ma jfittxux li jkunu moqdija, imma li jaqdu bil-ferħ u bil-ġenerożita’. Nitolbu…

6. Mulej Ġesu’, agħmel li fid-diffikultajiet tal-ħajja jemmnu li Int tkun magħhom kontinwament. Nitolbu…

7. Mulej Ġesu’, għin lill-Aspiranti kollha sabiex ikollhom qalb kbira dejjem lesta li tħenn, tagħder u toffri lilha nnfisha. Nitolbu…

8. Mulej Ġesu’, agħmel li minkejja d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom jibqgħu fidili għar-rieda tiegħek u għax-xewqat tal-Knisja. Nitolbu…

Kant: Qawwi Qlubna

Qawwi qlubna biex l-ilħna minn fommna
Lejk jittajru bil-ħlewwa, ferħana,
Sabiex lilek, sultan tal-qlub tagħna,
L-ogħla qima u foħrija nagħtuk.

F’din is-saltna rebbieħa ta’ mħabba
Żommna miegħek biex nibqgħu nħobbuk.

O Ġesu’ kemm nitħeġġu bl-imħabba
X’ħin niftakru f’dik Qalbek ħanina,
Li wasslitek f’din l-art biex tifdina,
Li ħallietek fuq Għolja mislub.

La tħallix li nitbegħdu minn ħdanek,
Saltan waħdek, Ġesu’, f’dawn il-qlub.

Ibqa’ magħna biex tisma’ t-tnehida
Li minn qlubna, msejknin u għajjiena,
Titla’ ħdejk biex titolbok bil-ħniena
Biex iżżommna f’riġlejk miġburin.

Int ħarisna, Ġesu’ u qawwina
Biex inħallu din l-art rebbiħin.

Talba tal-Aħħar:
Għall-Vokazzjonijiet Saċerdotali u Reliġjużi

O Ġesu’, ragħaj tal-erwieħ li sejjaħt lill-Appostli biex ikunu sajjieda tal-bnedmin, sejjaħ issa żgħażagħ qalbiena u mħeġġa biex jiġu warajk u jkunu ministri tiegħek. Agħtihom il-għatx li kellek Int għall-fidwa tal-bnedmin kollha, li minħabba fihom jiġġedded kuljum is-sagrifiċċju tiegħek fuq l-altar.

Mulej Ġesu’, dejjem ħaj biex tidħol għalina, għallimna naħsbu fid-dinja kollha, fejn ħafna minn ħutna fis-skiet jitolbu għad-dawl tas-sema u għan-nar tal-imħabba, u hekk ħafna żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa tiegħek biex ikomplu l-missjoni tiegħek, jibnu l-Ġisem Mistiku tiegħek, il-Knisja, u jsiru l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.

Sejjaħ ukoll, Mulej, ħafna xebbiet safja, mimlijin ħeġġa u qlubija, biex tikber fihom ix-xewqa tal-perfezzjoni nisranija ħalli jingħataw għall-qadi tal-knisja u ta’ dawk kollha li jeħtieġu l-għajnuna u l-imħabba tagħhom. Ammen.

Tingħata l-Barka Sagramentali

One thought on “9. Adorazzjoni għall-Vokazzjonijiet Sacerdotali u Reliġjużi

  1. Pingback: Talb għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s