Id-Dinjita’ tas-Saċerdozju

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

header-3

San Ġwann Kriżostmu, Duttur tal-Knisja, f’waħda mill-isbaħ kitbiet tiegħu li jisimha “Is-Saċerdozju” jgħidlina hekk: “Is-saċerdot jeħtieġ li jkun bniedem ta’ virtu’ kbira. Ruħu għandha tkun iktar safja mir-raġġi tax-xemx. Joffri s-Sagrifiċċju fuq l-altar imdawwar mill-anġli. Jeħtieġ prudenza, għaqal u għerf kbir. Għandu jkun mimli ħeġġa. Dan iġiegħlni nagħraf kemm ma jistħoqqlix is-saċerdozju; m’inix denn tas-saċerdozju; id-dinjita’ tas-saċerdozju tnissel fija biża’ qaddis, kemm minħabba d-dgħjufija tiegħi, kif ukoll meta nġib quddiemi l-Knisja, l-għarusa ta’ Kristu.”

Kemm hija kbira d-Dinjita’ tas-Saċerdozju! Is-saċerdoti huma persuni li Alla tefa’ għajnejh fuqhom u għażilhom (mhux huma għażlu lilu) biex ikomplu sal-aħħar taż-żminijiet dak li hu stess beda fuq l-art… it-tixrid tas-Saltna t’Alla fost il-bnedmin. Għalhekk is-saċerdot huwa Kristu ieħor “alter Christus”. U l-Ispirtu s-Santu jgħidilna “la tmissux il-Kristijiet tiegħi, il-Midlukin tiegħi.” Is-saċerdoti huma l-mimmi t’għajnejn Kristu. Jekk inti tgħid li tħobb lil Kristu u m’għandekx l-ikbar qima lejn is-saċerdot inti giddieb. Tant hija kbira d-dinjita’ tas-saċerdot li wieħed qaddis kbir qal “Jekk inkun fit-triq u niltaqa’ ma’ anġlu u ma’ saċerdot l-ewwel ninżel inbus riġlejn is-saċerdot imbagħad insellem lill-anġlu”… u bir-raġun… għax is-saċerdot għandu setgħat li l-anġlu m’għandux, setgħat li tahomlu Alla stess. L-Anġli jaduraw ‘l Alla bla waqfien, igħidulu “Qaddis, Qaddis, Qaddis” imma s-saċerdoti jġibuh fostna kuljum bis-setgħa lilhom mogħtija minn Kristu. Għalkemm bniedem bħalna, bid-difetti tiegħu bħalna, fis-saċerdot għandna naraw lil Kristu, għax kull ma jagħmel jagħmlu f’isem Kristu. “Jiena ngħammdek… fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu!… u issa naħfirlek dnubietek… fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu… Inwettqek bil-Griżma tas-Saħħa… fl-isem tal-Missier u tal-Iben… u meta s-saċerdot jibdel il-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu dan jagħmlu bl-awtorita’ li tah Kristu stess meta qal lill-appostli “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”

Hemm rabta speċjali bejn is-Saċerdozju u l-Ewakristija… Id-doveri l-oħra kollha tas-saċerdoti u s-Sagramenti l-oħra jwasslu għas-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Kien fl-aħħar Ċena li Ġesu’ istitwixxa s-Saċerdozju u kien ukoll fl-aħħar Ċena li Ġesu’ istitwixxa l-Ewkaristija. U min ma jqimx lis-Saċerdot, ħaġa tal-għaġeb, imma fl-istess ħin ħaġa li tifhimha, min ma jqimx lis-saċerdot fi żmien qasir jitlef ukoll il-Fidi fl-Ewkaristija… u jibqa’ sejjer hekk sa ma jitlef il-valuri ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mar-ruħ. Ġuda titlef ir-rispett lejn il-Persuna ta’ Kristu Saċerdot u ma’ dan tilef il-Fidi u xorob il-kundanna.

Kemm għandna bżonn tas-saċerdoti tul ħajjitna kollha, mill-ewwel jiem ta’ ħajjitna meta s-saċerdot bil-Magħmudija jdaħħalna fi ħbiberija m’Alla, sal-aħħar nifs tal-agunija tagħna, u anki wara mewtna bl-offerta tal-Quddiesa għal ruħna. Il-Patrijarka Ġakobb fil-ħolma ra Sellum li jasal mill-art sas-Sema u ħafna anġli telgħin u oħrajn neżlin minnu. Das-sellum huwa figura tas-Saċerdot li permezz tiegħu t-talb tagħna u l-offerti tagħna jaslulna għand Alla speċjalment fil-Quddiesa… Huwa wkoll is-saċerdot li mis-Sema jniżżlilna l-ħobż tas-Sema u tant grazzji spiritwali.

Għalhekk huwa dover tagħna li nirrispettaw lis-Saċerdot, nibżgħu għalih, ngħinuh fejn u meta nistgħu, materjalment u spiritwalment, bil-kelma tagħna ta’ nkoraġġiment, bit-talb tagħna, bis-sagrifiċċji tagħna, għall-qdusija tiegħu personali l-ewwel u biex ix-xogħol tiegħu jħalli l-frott; nieħdu parti miegħu fix-xogħol tal-Parroċċa, fl-Appostolat, fl-Għaqdiet… u fl-aħħarnett nirrikmandawh u nitolbu għalih lill-Madonna, Omm l-Ewwel Saċerdot, Omm is-Saċerdoti kollha biex iżżommhom taħt il-Protezzjoni Speċjali Tagħha, safja bħalha, qrib t’Alla fit-talb bħalha, b’sens ta’ sagrifiċċju bħalha u bħalha wkoll bil-ħeġġa biex jaħdmu għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

One thought on “Id-Dinjita’ tas-Saċerdozju

  1. Pingback: Talb għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s