13. Il-Miraklu ta’ Seefled, Awstrija

OLYMPUS DIGITAL CAMERAIL-MIRAKLU TA’ SEEFELD, AWSTRIJA
1384

Fid-djoċesi ta’ Innsbruck, qalb il-muntanji fil-provinċja ta’ Tiroll fil-punent tal-Awstrija, insibu l-villaġġ ta’ Seefeld u l-knisja parrokjali ta’ San Oswald u l-knisja li saret popolari minħabba l-Miraklu li sar ġo fiha nhar il-Ħamis ix-Xirka tas-sena 1384.

F’dak iż-żmien il-Kavallier Oswald Milser kien jieħu ħsieb il-Kastell Schlossberg li kien fit-tramuntana ta’ Seefeld. Il-kastell kien jinsab f’post strateġiku u kien jipprovdi protezzjoni lill-mogħdija importanti u jservi wkoll bħala fortizza fuq il-fruntiera. Mid-dehra l-kavallier kien kburi dwar il-pożizzjoni u l-awtorita’ li kien igawdi; u dak li ġara kawża tal-kburija li kellu nsibuh imniżżel fil-“Golden Chronicle” ta’ Hohenschwangau:

Oswald Milser flimkien man-nies tiegħu niżel fil-knisja parrokkjali ta’ Seefeld. Hu talab – u jekk jirrifjutawlu kien ifisser mewt – Ostja kbira; dan deherlu illi l-Ostja żgħira kienet ordinarja ħafna għalih. Hu dawwar bin-nies armati lis-saċerdot imwerwer u lill-kongregazzjoni. Kif spiċċat il-quddiesa, Milser bix-xabla f’idu u bla ma neża’ l-kappell resaq fuq ix-xellug tal-artal u baqa’ hemm wieqaf. Is-saċerdot imbikkem newwilu l-Ostja, u dak il-ħin stess l-art li fuqha kien wieqaf dan l-infami ċediet. Baqa’ nieżel sa rkopptejh. Isfar mewt, hu qabad b’idejh it-tnejn mal-artal, u l-marki ta’ jdejh għadhom jidhru sal-lum.

p1010426Stejjer oħra jaqbdu ma’ din u jgħidu illi l-kavallier imwerwer għamel sinjal bil-ħniena lis-saċerdot biex ineħħilu l-Ostja minn ħalqu. Hekk kif is-saċerdot għamel dan, l-art ta’ taħtu ma baqgħetx nieżla. Malajr Oswald tela’ mill-ħofra, ħareġ mill-knisja u għaġġel lejn il-monasteru ta’ Stams fejn stqarr is-suppervja tiegħu. Hu għamel penitenza u miet mewta qaddisa sentejn wara. Ġie midfun ħdejn id-daħla tal-kappella tas-Santissmu Sagrament kif xtaq hu. Il-mantell tal-bellus li kien liebes dakinhar tal-quddiesa f’Ħamis ix-Xirka għamlu minnu pjaneta li ngħatat lill-monasteru ta’ Stams.

Dokumenti tal-knisja jgħidulna illi l-Ostja li ttieħdet minn ħalq il-kavallier kienet ħamra qisha mgħaddsa fid-demm. Hekk kif ġara dan il-Miraklu l-Kavallier Parseval Von Weineck ta’ Zirl irregala ostensorju tal-fidda ta’ stil Gotiku bħala relikwarju għall-espożizzjoni tal-Ostja Mirakuluża, u li dan għadu jeżisti.

Hekk wara l-Miraklu nbniet lukanda biex takkomda l-folol kbar ta’ pellegrini. In-numru ta’ pellegrini tant għaġġel żdied illi l-knisja issa kienet żgħira wisq. Fl-1423 id-Duka Friedrich irranġa biex titla’ knisja ikbar fuq l-istess post. Tlestiet fl-1472. Madwar seklu wara, l-imperatur Massimiljanu I kien tant impressjonat bil-pellegrini ta’ Seefeld illi wiegħed li jibni monasteru mal-knisja. Inbeda fl-1516 u sal-1807 kien f’idejn il-patrijiet Agostinjani. Sa minn dak iż-żmien il-monasteru serva bħala lukanda li hi ta’ konvenjenza għall-pellegrini.

p1010431_2_1L-Arċiduka Ferdinandu II ta’ Tiroll ukoll wera interess speċjali fil-Miraklu. Fl-1547 hu bena l-Kappella tad-Demm Mqaddes ġewwa l-knisja u f’din il-kappella ġiet miżmuma l-Ostja Mirakuluża għal xi żmien.

Dwar il-post fejn sar il-Miraklu naqraw illi l-ħofra li niżlet bil-kavallier sa rkopptejh għadha teżisti u tintwera lill-viżitaturi. Biex jiġi evitat il-periklu l-ħofra hi normalment mgħottija bi grada li tiġi merfugħha għal dawk li jixtiequ jaraw din il-ħofra. Il-ħofra tinsab f’ġenb tal-artal tal-Miraklu.

Fis-santwarju nsibu l-artal tal-ġebel li madwaru sar il-Miraklu, dan jinsab fil-post tiegħu oriġinali ftit ‘l bogħod mill-artal sabiħ maġġur li nbena wara, meta l-knisja ġiet imkabbra. Preċiżament fuq ir-riħ tal-artal tal-ġebel insibu wiċċ ta’ artal ġdid iserraħ fuq kolonni. Dawn huma rranġati b’tali mod illi hemm ftit pulzieri bejn l-uċuħ taż-żewġ artali biex hekk ikun jista’ jidher sew l-Miraklu fuq l-artal. Il-marki ta’ idejn Oswald imħaffra fil-ġebel tal-artal ta’ dak inhar tal-Miraklu għadhom jidhru. Dawn il-marki jintwerew lill-viżitaturi.

Insibu fis-santwarju flimkien mal-ħofra fl-art u l-artal tal-Miraklu t-tielet fdal tal-Miraklu – l-Ostensorju bl-Ostja Mirakuluża. Din insibuha ġo tabernaklu mal-ħajt ta’ nofs inhar tas-santwarju viċin l-artal maġġur.

p1010411_1Il-knisja hi mżejjna b’ħafna tifkiriet tal-Miraklu. Burdura ta’ pittura tal-1502 iżżejjen il-ħajt ta’ fuq il-kor waqt li t-twieqi bi ħġieġ kkulurit ifakkru fil-Miraklu. Waħda mill-iskulturi fil-prospettiva ta’ fuq id-daħla prinċipali turina l-Miraklu, waqt li l-pittura sabiħa mas-saqaf tal-Kappella tad-Demm Imqaddes turi s-saċerdot u l-kavallier fil-ħin tat-tqarbin; jidhru wkoll anġli bir-relikwarju f’idejhom. Il-knisja hija wkoll imżejjna b’biċċiet imprezzabbli ta’ statwi, skultura u xogħol tal-injam ta’ stil Gotiku.

Il-knisja oriġinali ta’ San Oswald ma nafux meta nbniet, imma tissemma fil-kroniċi tal-1320. Il-knisja preżenti li tlestiet fl-1472 hija l-uniku bini li għadu jeżisti minn dawk kollha li nbnew mis-Soċjeta’ tal-Bennejja ta’ Innsbruck. Hija magħrufa bħala l-isbaħ biċċa xogħol ta’ arkittetura Gotika fit-tramuntana ta’ Tiroll.

Fl-1984 il-knisja ta’ San Oswald iċċelebrat is-600 anniversarju tal-Miraklu li kien sar fis-santwarju priveleġġat tagħha.

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/english_pdf/Seefeld.pdf

Alternative Reading: http://www.sacred-destinations.com/austria/seefeld-eucharistic-miracle

or: http://lynnstimelesstreasures.blogspot.com/2016/02/eucharistic-miracle-seefeld-austria-1384.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s