10. Il-Miraklu ta’ Sjena, Italja

Verżjoni Vidjo: Il-Miraklu ta’ Sjena, Italja

377ca914c64e3bb3b85d41760caf97a9.jpgIL-MIRAKLU TA’ SJENA, ITALJA
1330

Fl-1330 saċerdot minn Sjena kellu taħt idejh il-kura tal-fidili ġo villaġġ fit-trufijiet il-belt. Bidwi minn dan il-villaġġ marad serjament u bagħat għal saċerdot. B’għaġla kbira s-saċerdot qabad Ostja Kkonsagrata mit-tabernaklu, u flok poġġiha ġo teka poġġiha qalb il-paġni tal-brevjar. Poġġa l-ktieb taħt għabtu u erħiela jgħaġġel lejn is-sodda tal-marid.

Wara li qal it-talb is-saċerdot fetaħ il-brevjar biex jagħti l-Ostja lill-marid, imma b’għaġeb kbir tiegħu sab illi l-Ostja kienet imċappsa bid-demm u li kienet kważi nħallet. Mingħajr ma qal lil ħadd dwar dan, hu għalaq il-ktieb u mar lura lejn Sjena. Jingħad illi la l-bidwi u lanqas ħadd minn ġod-dar ma ndunaw bil-Miraklu dak il-ħin.

Fi stat ta’ rimors kif kien, is-saċerdot telaq lejn il-Monasteru ta’ Sant’Wistin u hemm irrakkonta d-dettalji tal-Miraklu lill-Patri Xmun Fidati, bniedem ta’ spiritwalita’ kbira u li kien ukoll oratur ċelebri. (Wara li miet Patri Xmun dan ġie ibbeatifikat mill-Papa Girgor XVI li approva wkoll uffiċċju u quddiesa ad unur tiegħu).

Is-saċerdot wera ż-żewġ paġni mċappsa bid-demm tal-Ostja lil Patri Xmun, u ħalla f’idejh il-brevjar. Wara li rċieva l-assuluzzjoni għall-imġiba ħażina ta’ kif ġarr l-Ostja Kkonsagrata dan is-saċerdot ma jisemmiex iżjed fl-istorja tal-Miraklu, u issa din l-istorja tkompli b’Patri Xmun.

Simon+of+Cascia

Wara xi żmien Patri Xmun qala’ waħda minn dawn il-paġni mċappsa bid-demm u rregalaha li sħabu l-patrijiet Agostinjani f’Perugia. Sfortunatament dan ir-rigal intilef fl-1866 waqt l-oppressjoni tal-ordnijiet reliġjużi.

It-tieni paġna ġiet magħluqa ġo vażett tal-fidda, u żmien ieħor ta’ oppressjoni lejn l-ordnijiet reliġjużi din ittieħdet f’Cascia l-belt ta’ Patri Xmun, u hawn din qanqlet devozzjoni kbira fost is-saċerdoti, il-fidili u awtoritajiet ċivili. Fir-Reġistru tal-Belt tal-1387 li jinsab fis-sala tal-belt ta’ Cascia nsibu fih dettalji tal-festa ta’ darba fis-sena ta’ Corpus Domini. Għal din iċ-ċelebrazzjoni s-Sindku u l-membri tal-Kunsill flimkien mal-poplu kollu kienu jinġabru fil-knisja biex jonoraw lil din ir-relikwja venerabbli permezz ta’ purċissjoni u quddiesa sollenni. Għal din l-osservanza l-belt kienet tiġbor spejjeż tagħha xemgħa ta’ għaxar libri.

Basilica-of-Saint-Rita-of-Cascia-07Il-Miraklu kien onorat ukoll mill-Papa Bonafaċju IX li approva uffiċjalment il-qima mogħtija lil din ir-relikwja permezz ta’ bolla li ġġib id-data 10 ta’ Jannar, 1401. Il-Qdusija Tiegħu ġenerożament ikkonċieda l-Indulġenza ta’ Portiuncula lil kull min jinvista l-knisja ta’ Sant’Wistin nhar il-festa ta’ Corpus Domini.

Nhar is-7 ta’ Ġunju 1408 il-Papa Girgor XII approva din id-devozzjoni lejn ir-relikwja li baqgħet tiżdied, u żied indulġenzi oħra għal dawk li jinvistaw il-knisja fejn ir-relikwja kienet miżmuma. Ir-relikwja ġiet onorata wkoll mill-Papiet Sistu IV, Innoċenzu XIII, Klement XII u Piju VII.

Fl-1962 sar eżami komplet tar-relikwja. Il-qisien tal-paġna mċappsa bid-demm kienu 52-44 millimetru; id-dijametru tat-tebgħa tad-Demm kienet 40 millimetru. Il-kulur tat-tebgħa ġie ddeskrivit bħala kannella ċar, imma xħin tarah minn ġo lenti jidher aktar aħmar waqt li partikoli ta’ demm magħqud kienu jidhru ċari. Il-kundizzjoni tal-paġna għadha l-istess.

31b930b3466e91ff438913e03b4dc49b--prayer-book-eucharistFenomenu ieħor li nsibuh f’din it-tebgħa tad-demm, huwa illi jekk tħares lejha minn lenti inqas qawwi tinnota l-profil ta’ raġel li jidher qalbu sewda. Wieħed jista’ jara l-istess immaġni fir-ritratti meħuda lit-tebgħa.

Fl-1930 sar Kungress Ewkaristiku f’Cascia li ħabat ukoll mal-festi tas-sitt ċentinarju tal-Miraklu. F’din l-okkażjoni ġie mbierek ostensorju ġdid għar-relikwja.

Għalhekk is-Santwarju Bażilika ta’ Santa Rita ġewwa Cascia jħaddan ġol-bini mqaddes tiegħu tlett relikwji mqaddsa: il-ġisem bla mittifes ta’ Santa Rita, l-għadam tal-Qaddis Xmun Fidati u r-relikwja tal-Miraklu Ewkaristiku tal-1330 illi ilu pperservat għal iktar minn 650 sena.

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/english_pdf/Cascia.pdf

Alternative Reading: https://www.timesofmalta.com/articles/view/20050529/religion/eucharistic-miracle-venerated-at-cascia.88824

https://gloria.tv/video/gcmsBR8TnQAg1awVnZpJveU3t

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s