Verżjoni Vidjo: Il-Miraklu ta’ ta’ Olmutz, Ċekoslovakja
IL-MIRAKLU TA’ OLMÜTZ, ĊEKOSLOVAKJA
1242
Matul is-seklu tlettax meta t-Tartari kienu qegħdin jinvadaw ħafna pajjiżi u jagħmlu krudelta’ u ħerba minn kull fejn jgħaddu, Jaroslas ta’ Sternberg kellu f’idejh il-protezzjoni tar-renju ta’ Moravia li kienet fil-periklu ta’ attakk imminenti. Jaroslas ġabar armata ta’ 8,000 raġel mill-Boħemja u 4,000 ċittadni Moravjani u poġġihom fil-belt fortifikata ta’ Olmütz.
It-truppi tal-għadu ma damux ma tfaċċaw u malajr bdew jaħarqu rħula u joqtlu lil kull min kien jiqfilhom. Anke l-monasteru ta’ Gradie ma ħelishiex. Wara li qatgħu ras kull kien hemm ġew, it-Tartari ħarqu għal kollox il-monasteru. Imbagħad bl-irjus tal-patrijiet li kienu qatgħu marbutin ma’ dnub iż-żwiemel, bla mistħija ta’ xejn, l-għadu resaq lejn il-belt u waqqaf il-kampijiet tiegħu ‘l barra mill-bibien ta’ Olmütz.
Imgħaġba b’dak kollu li raw, in-nies ta’ Jaroslas xtaqu jattakkaw malajr, imma l-kmandant tagħhom żammhom għax ħaseb li l-aħjar hu li jistenna ħin aktar favorevoli biex jattakka l-għadu. It-Tartari billi ħasbu illi n-nies ta’ Jaroslas ma attakkawx għax kienu qegħdin jibżgħu, malajr ħafna minnhom telqulha jiġġerrew fil-kampanja u hekk ħadu kollox bil-lajma.
Nhar il-festa ta’ San Ġwann il-Battista Jaroslas għamel stqarrija umli ta’ dnubietu u rċieva l-Ewkaristija Mqaddsa. Il-gwerriera kollha għamlu bħalu u ħadu s-sagramenti bi preparazzjoni għall-battalja li kienet ippjanata għal-lejl ta’ wara.
Xi wħud mis-suldati baqgħu biex jipprotieġu l-belt ta’ Olmütz waqt li l-oħrajn ftit wara nofsillejl inġabru ‘l barra minn bibien il-belt lesti għall-battalja. Għal darb’oħra l-gwerriera mxew fuq l-eżempju tal-kmandant tagħhom li wara li niżel minn fuq iż-żiemel qagħad għarkupptejh fuq it-trab ma’ ġenb iż-żiemel tiegħu. Meta s-suldati kollha kienu għarkupptejhom, Jaroslas għamel talba lil Omm Alla u wiegħed li jibni knisja għad unur tagħha jekk joħorġu rebbieħa. Wara li għollew leħenhom u lissnu l-Ave Maria s-suldati riekbu ż-żiemel tagħhom u ħarġu mill-belt li kienet fortifikata biex jiltaqgħu mal-għadu.
Is-suldati mhux talli issa kienu qegħdin jivvjaġġaw taħt il-protezzjoni ta’ Omm Alla, imma kellhom forza ikbar bil-preżenza rejali tas-Salvatur fl-Ewkaristija. Wara t-tqarbin tas-suldati l-ġurnata ta’ qabel kien fadal ħames Ostji Kkonsagrati. Jaroslas ordna li dawn jitpoġġew f’pissidi li saċerdot riekeb fuq iż-żiemel ġarr magħhom għall-battalja. Jaroslas xebbaħ dan il-fatt ma’ dak tat-Testment il-Qadim meta bi kmand ta’ Alla l-Iżraeliti ħadu magħhom l-Arka tal-Liġi għall-battalja (Ġożwe 6)
Matul illejl il-battalja ħraxet qalb ħafna tixrid ta’ demm u mwiet. Il-kmandant tat-Tartari safa’ maqtul u l-għadu tant sab ruħu mxekkel u mifxul illi jidher ċar illi l-insara kienu rebħu. Imwerwra bin-numru kbir ta’ mwiet li sofrew u qalbhom maqtugħa bit-telfa tal-kmandant tagħhom, it-Tartari ħallew il-Marovia u telqu lejn l-Ungerija, fejn reġgħu ħadu s-saħħa biex ikomplu l-gwerer qerrieda tagħhom.
Il-vittorja tagħhom fuq it-Tartari saret bis-saħħa tal-preżenza tal-Ewakristija fuq il-kamp tal-battalja imma dan kien biss parti mill-miraklu li Olmütz hi tant kburija bih.
Wara l-battalja l-Ostji Kkonsagrati ġew meħuda l-knisja, u s-saċerdot hawn baqa’ mgħaġġeb meta sab li kull Ostja kienet imdawwra b’ċirku roża jleqq. Meta s-saċerdot wera dan il-miraklu lill-kongregazzjoni huma faħħru ‘l Alla Setgħani għall-vittorja tagħhom u għal dan il-prodiġju, li permezz tiegħu setgħu jaraw b’għajnejhom il-kobor u l-glorja ta’ Alla.
Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.