Verżjoni Vidjo: Il-Miraklu ta’ Middleburg – Louvain, Belġju
IL-MIRAKLU TA’ MIDDLEBURG – LOUVAIN, BELĠJU
1374
Iż-żmien nessa l-isem tas-sinjura nobbli li kienet l-ewwel li ssemmiet fl-istorja ta’ dan il-Miraklu, imma nafu illi kienet għanja u li kienet minn Middleburg (fil-Lbiċ tal-Olanda). Kienet twajba ħafna mas-servi tagħha u tant kienet tħabbrek għall-progress spiritwali tagħhom illi kienet tgħallimhom hi stess u tagħtihom eżempju tajjeb billi tosserva b’żelu kbir it-tagħlim tal-Knisja.
Kien l-ewwel Ħadd tar-Randan Mqaddes tal-1374, u kif kienet soltu tagħmel ħajjret lis-servi tagħha biex jippreparaw għal dan iż-żmien ta’ penitenza bi Qrara u bi Tqarbina. L-ordni tagħha ġiet imma aċċettata bħala dover li kellhom jagħmlu. Wieħed mis-servi li kien jismu Jean ta’ Cologne, ħassu li għandu jkompli ma’ sħabu minħabba l-għajb u resaq jirċievi s-Santissmu Sagrament mingħajr ma pprepara ruħu billi stqarr ħtijietu fis-Sagrament tal-Qrar.
Għarkopptejh ma’ sħabu biex jitqarben huwa stenna lis-saċerdot jersaq lejh. Imma hekk kif l-Ostja tpoġġiet fuq ilsien Jean din saret laħam u hekk ma setax jiblagħha. Imwerwer b’din il-ġrajja li ma kienx jistenniha, pprova jaħbi l-problema tiegħu, imma żbalja xħin gidem din il-biċċa laħam. F’dak il-mument tliet qatriet tad-demm niżlu minn xofftejh u tebbgħu t-terħa tat-tqarbin li kienet mifruxa quddiemu.
Is-saċerdot inħasad għad-dehra ta’ dik il-biċċa laħam f’ħalq Jean u ta’ dak id-demm iqattar minnha, u malajr ħa l-Ostja f’idejh u bil-qima kollha poġġieha ġo pissidi żgħir tad-deheb fuq l-artal.
Jingħad li Jean ġie kkastigat għal din it-tqarbina sagrileġa billi f’daqqa waħda tilef id-dawl ta’ għajnejh. Jean ħass rimors kbir għal dan id-dnub li għamel u hekk niżel għarkupptejh f’riġlejn is-saċerdot u stqarr id-dnub quddiem il-kongregazzjoni kollha. Id-dispjaċir sinċier tiegħu malajr rriżulta li reġa’ ħa lura d-dawl. Jingħad illi minn dakinhar ‘l hawn Jean għex ħajja eżemplari u sa ma miet wera riverenza kbira lejn is-Santissmu Sagrament tal-Artal.
Id-dettalji tal-Miraklu ġrew mal-pajjiż kollu u twasslu lil Federiku III, l-Arċisqof ta’ Cologne. Dak iż-żmien, l-Olanda kienet parti mill-Imperu Ġermaniż u għalhekk Middleburg kienet taqa’ taħt il-ġurdizzjoni Episkopali tal-Arċisqof Federiku. Dan talab biex l-Ostja Mirakuluża tittieħed lejn il-belt Metropolitana ta’ Cologne u hekk tkun meqjuma fil-katidral ta’ hemm.
Il-vjaġġ tal-Ostja minn Middleburg għal Cologne qanqal interess kbir. Kien vjaġġ ta’ 700 mil. Wara l-Ostja tpoġġiet fil-katidral, ostensorju sabiħ ġie maħdum għall-espożizzjoni tagħha. Dan kien forma ta’ salib li t-trufijiet tiegħu kienu mżejna bi ċrieki u bizzilla tad-deheb. Fuq kull ġenb tas-salib tpoġġew l-istatwi tal-Madonna u San Ġużepp, waqt li n-naħa t’isfel ta’ San Pietru u San Pawl. F’nofs is-salib kien hemm ħġieġa ovali li minnha kont tara l-Ostja Mirakuluża. Wara din il-ħġieġa kont tara kalċi żgħir tad-deheb bil-għatu fuqu u fuq l-istess għatu tpoġġiet l-Ostja.
Il-Pirjol Jean Bayrens tal-Ordni Agostinjana f’Cologne naturalment kellu influwenza kbira fuq l-arċisqof la darba ngħata l-permess biex jieħu l-Ostja mill-katidral għall-knisja tal-monasteru tiegħu. Hekk kif l-Ostja għaddiet f’idejn l-Agostinjani din reġgħet ġiet meqjuma b’ċerimonji speċjali.
Fl-1380 l-Pirjol Bayrens ġie trasferit lejn il-monasteru ta’ Louvain fil-Belġju. Bil-ħsieb li jkabbar id-devozzjoni lejn il-Miraklu hu talab permess mingħand l-arċisqof biex ikun jista’ jieħu parti minn din l-Ostja f’Louvain. Sa dan iż-żmien l-Ostja, li kienet għadha intatta, kien u għadhom jidhru fiha l-marki tas-snien li kienu kkaġunaw l-qatriet tad-demm. L-arċisqof ikkonċieda t-talba lill-Pirjol, imma f’għajnejn kulħadd kien jidher illi li taqsam l-Ostja Mirakuluża fi tnejn bi strument kien nuqqas ta’ rispett. Għal tlett ijiem il-patrijiet talbu u samu biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema. It-talb tagħhom instema’ għax sabu l-Ostja maqsuma fi tnejn mingħajr ma ndaħal biex jaqsamha l-ebda bniedem. Parti minnhom flimkien ma’ biċċa mit-terħa mċappsa bid-demm ingħataw lill-Pirjol biex jeħodhom lejn Louvain; il-parti l-oħra tal-Ostja baqgħet f’Cologne fil-knisja parrokkjali ta’ San Albanu.
F’Louvain relikwarju ġdid ġie maħdum minn arġentier tal-belt. Din in-nofs tal-Ostja Mirakuluża ġiet miżmuma bl-istess manjiera kif kienet f’Cologne; l-Ostja tpoġġiet fuq kalċi żgħir (‘l fuq mill-għatu) magħluq wara l-ħġieġ ta’ relikwarju forma ta’ salib magħmul mid-deheb u l-fidda. Kienet miżmuma fil-knisja tal-Agostinjani, San Ġwakkin (St, Jacques), fejn baqgħet fil-paċi għal erba’ sekli.
Ad unur tal-Miraklu, fl-1426 ġiet imwaqqfa l-Konfraternita’ tas-Sagrament tal-Miraklu mill-Provinċjal tal-Agostinjani. Il-membri ta’ din is-soċjeta’ kienu jipparteċipaw mill-opri t-tajba tar-reliġjużi ta’ din il-provinċja. Il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni f’Ruma approva xi konċessjonijiet fl-1429, u l-Papa Ewġenju IV ta indulġenzi fl-1431.
Fl-1665 l-Ostja Mirakuluża tpoġġiet sollennement fuq artal ġdid. Għal din l-okkażjoni l-Papa Alessandru VII ikkonċieda indulġenzi u ta l-barkiet tiegħu. Inħaddmu domni fuq il-mudell tal-Ostja kif kienet miżmuma fir-relikwarju; saru pitturi kbar dwar episodji mill-istorja tal-Miraklu u li xi wħud minn dawn għadhom iżejnu l-knisja ta’ San Ġwakkin.
Matul l-erba’ sekli ta’ paċi l-Ostja Mirakuluża kienet meqjuma minn awtoritajiet ċivili, minn ħafna reliġjużi u minn persuni rjali magħrufa. L-anniversarji u ċ-ċentinarji kienu jiġu ċċelebrati b’pompa kbira u fervur, u kienu wkoll imżejna bil-barkiet u b’indulġenzi tal-Papa Pawlu V u tal-Papa Klement XIV. Għall-okkażjoni tal-festi tar-raba’ ċentinarju relikwarju ġdid tad-deheb u ħaġar prezzjuż ġie maħdum minn arġentier minn Brussel.
Mal-mewt tal-Imperatriċi Marie -Therese fl-1780 u s-suċċessjoni ta’ Joseph II fuq it-tron it-trankwillita’ tal-Knisja ġiet serjament iddisturbata u ġew miżmuma l-festi tal-kattoliċi, ċerimonji reliġjużi, djar tar-reliġjużi kif ukoll sfaw imrażżna s-saċerdoti u r-reliġjużi.
Meta l-monasteru tal-Agostinjani wasal biex jisfa’ magħluq l-Ostja Mirakuluża u t-terħa mċappsa bid-demm ingħataw f’idejn diversi nies twajba biex jieħdu ħsiebhom u dawn spiss kien ikun hemm bżonn li jbiddlulhom il-post tal-moħba. Għal xi żmien ir-relikwji kienu moħbija ġo armarju twil tal-“oak” li għadu jeżisti sal-lum. Għadna nistgħu naraw ukoll il-korporal li ġo fih kienu ġew imgeżwra r-relikwji meta ġew trasferiti għal post ta’ moħba żgura fit-18 ta’ Jannar 1793 fl-eqqel tar-Rivoluzzjoni Franċiża.
L-Ostja Mirakuluża u t-terħa mċappsa bid-demm ma ġewx minsija f’dan iż-żmien ta’ periklu. Għalkemm xi saċerdoti kienu pprojbiti milli jilbsu ilbies ta’ saċerdot kultant kien jirnexxielhom iqaddsu xi quddiesa bil-moħbi bil-preżenza ta’ dawn ir-relikwji qaddisa.
Wara li reġgħet inkisbet il-paċi l-Ostja Mirakuluża u t-terħa ġew miġbura fil-kappella tal-isptar li kienet f’idejn is-sorijiet Agostinjani, u dan ġara fis-27 ta’ Settembru 1803. Dawn ġew miġbura f’din il-kappella għax il-kappella tal-monasteru tal-Agostinjani kienet ġarrbet ħsarat kbar mar-rivoluzzjoni. Xahar wara fl-20 ta’ Ottubru 1803 ir-relikwji Mirakulużi ttieħdu lura lejn il-knisja ta’ San Ġwakkin fejn saru testijiet biex jaċċertaw li kienu awtentiċi. L-Ostja Mirakuluża flimkien mat-terħa mċappa bid-demm għadhom miżmuma ġo din il-knisja.
Kien f’dan iż-żmien li t-terħa ġiet mislufa lill-knisja tal-Agostinjani f’Nimegue fl-Olanda. Meta nġabet lura fit-13 ta’ Jannar 1808 reġgħet tpoġġiet fil-knisja ta’ San Ġwakkin. Dik is-sena ġie maħdum relikwarju speċjali. It-terħa tinsab wara ħġieġa tonda mdawwra b’ċirku ta’ metall prezzjuż. Dan iċ-ċirku hu magħluq f’relikwarju li jikkonsisti f’tubu tal-kristall magħluq minn isfel b’qiegħ tad-deheb u minn fuq b’salib tad-deheb. Hekk it-terħa tista’ tidher sewwa.
Il-parti tal-Ostja Mirakuluża miżmuma f’Louvain hi kemmxejn fuq il-kannella u ftit iżgħar milli kienet qabel, imma tingħaraf perfettament illi hi laħam. L-Ostja u l-kalċi ż-żgħir li fuqu qed tinżamm, qegħdin f’relikwarju maħdum fl-1803 u din hi poġġuta wara ħġieġa tal-kristall ġo nofs salib tad-deheb. Meta dan ir-relikwarju kien jiġi espost fuq l-artal maġġur jew waqt xi purċissjoni Ostja Kkonsagrata kienet titpoġġa wara l-kalċi li fuqu tinsab dik il-parti tal-Ostja Mirakuluża.
Id-dokumenti kollha mportanti dwar l-istorja, il-vjaġġi u t-testijiet ta’ dawn ir-relikwji Mirakulużi huma miżmuma fl-arkivji tal-knisja ta’ San Ġwakkin. Għalkemm l-Ostja u t-terħa mċappsa bid-demm għadhom miżmuma tajjeb f’din il-knisja imma l-istess knisja hija magħluqa għall-funzjonijiet pubbliċi minħabba illi l-art li fuqha hi mibnija kull ma jmur qegħda tegħreq u dan il-fatt qiegħed jirrendi l-bini bħala perikoluż.
English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/english_pdf/Middleburg.pdf
Alternative Reading: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/emc_book003_pdf/e_mir_st_children_50.pdf
Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.