Ruħ twajba…
Grazzi talli tiġi żżurni avolja mhux dejjem ikollok aptit tiġi ħdejja. Napprezza dan l-isforz tiegħek biex tiġi hawn quddiemi. Naf ukoll li jkollok impenji oħrajn f’ħajtek. Iżda għax tħobbni titlaq kollox u tiġi hawn biex tadurani u tirringrazzjani. Dan lili jferraħni ħafna u nxerred fuqek ħafna grazzji li inti għalissa lanqas biss tinduna bihom.
Illum xtaqt inkellmek fuq il-bini tad-djar, tal-palazzi jew tal-knejjes! Jiena naf li trid tkun perit biex tifhem is-sengħa meħtieġa biex titla’ villa jew dar. Iżda dan li sa ngħidlek tifhmu żgur!
Mhux l-ewwel darba li rajtek miexi l-Belt u tieqaf tħares lejn xi binja sabiħa tal-Kavallieri. Narak titgħaxxaq b’dik l-iskultura u dak il-lavur fuq il-faċċata ta’ xi palazz kbir u antik. L-istess fil-festi, kulħadd żgur li jħares lejn il-faċċata tal-knisja parrokkjali u jintebaħ bix-xogħol sabiħ fil-ġebla Maltija li jkollha l-knisja.
Iżda rridek tiftaħ għajnejk u taħseb ukoll fil-ġebla moħbija li jkun hemm taħt il-livell tat-triq. Irridek tapprezza li hemm taħt, hemm il-ġebel tal-pedament li fuqu jkun hemm iserraħ il-ġebel l-ieħor kollu.
Il-ġebel moħbi tal-pedament ma fihx skultura u lanqas lavur. X’aktarx li huwa ġebel goff u sempliċi. Mhux xi ġebel li tieħu gost tħares lejh. Mhux mirqum bl-għodda fina biex jidher sabiħ.
Iżda kemm hu mportanti dak il-ġebel moħbi taħt l-art. Ħadd ma jgħid kemm hu sabiħ. Ħafna lanqas biss jiftakru fih il-pedament. Iżda hemm qiegħed! U kif! Dawk il-ġebliet sempliċi qegħdin jerfgħu l-bini kollu fuqhom. Qed jagħmlu xogħolhom bil-moħbi u fis-skiet u fis-satra tad-dlam.
Hekk ukoll nixtieqek tkun int. Aħdem għas-saltna t’Alla fis-skiet u fil-moħbi. Tinsiex li s-saltna hija t’Alla u mhux tiegħek. L-opri tajba kollha li tagħmel għandek tagħmilhom biex tikber il-glorja t’Alla u mhux biex tieħu l-prosit int. Tibżax, il-prosit nagħtihulek Jien meta jasal il-waqt. Allura insa lilek innifsek u ntelaq fija għal kollox u ħallini mmiss il-qlub tal-erwieħ permezz tiegħek.
Iżda toqgħodx tistenna l-“grazzi” mingħand xi ħadd. Agħmel affarijiet żgħar b’imħabba kbira kif kienet tagħmel Santa Tereżina. La tfittixx li tagħmel ħwejjeġ kbar. Le. Ix-xogħol ta’ kuljum magħmul bl-imħabba u bil-paċenzja huwa wkoll adorazzjoni prezzjuża f’għajnejn Alla. Xi naqra volontarjat magħmul b’sens ta’ qadi u mingħajr daqq ta’ trombi jferraħli qalbi bla tarf.
Ma’ kull min tiltaqa’ fil-ġurnata qis li tħobbu, tgħinu u tagħtih mill-Ispirtu tiegħi. Anki lil min ma jaqbilx miegħek, qis li tħobbu u tfarrġu għax dak huwa wkoll ħuk. Jekk hemm bżonn trid tħobb sa ma tweġġa’ kif kienet tgħid ta’ Tereża ta’ Calcutta.
Aktar ma tiċċekken aktar inkun nista’ nużak għall-ġid tal-erwieħ. Stenna li tiltaqa’ ma’ tfixkil, tmaqdir u kuntrarji fil-qadi ta’ dmirijietek. Iżda jekk tkun umli dawn xejn ma jinkwetawk għax inti tifhem li l-opri tajba li wieħed jagħmel isiru bil-grazzja tiegħi u mhux bil-ħila tal-bniedem li jagħmilhom.
Mela itlobni spiss biex tikber f’din il-virtu’ hekk għal qalbi. Ftakar x’hemm miktub fil-Kempis: “Alla jinnamra mar-ruħ li tkun umli.” Tinsiex x’qalet Marija: “Il-Mulej jgħolli liċ-ċkejknin.” Intelaq f’idejja għal kollox u ħalli l-Ispirtu Qaddis imexxik hu.
Nitolbok Maħfra Ġesu’
Ta’ kemm-il darba nqast f’din il-virtu’ li hi tant għal qalbek. Maħfra nitolbok, Mulej, talli xi drabi waqt l-opri tajba li nagħmel nipprova niġbed l-attenzjoni għal fuqi flok ma nħalli l-attenzjoni taqa’ kollha fuqek, li inti Alla u li kollox minnek ġej. Kollox bil-ħila tiegħek għax kif għidt tajjeb int, Mulej:
“Aħna qaddejja li ma niswew għalxejn u li nagħmlu biss dak li għandna nagħmlu.”
Kemm niżbalja meta naħseb li jien xi ħaġa. Inti kollox Ġesu’ u jien xejn. M’hemmx li ndaħħalha f’rasi din! Ġesu’ għinni biex nimitak f’din il-virtu’ tal-umilta’. Ġesu’ Bin Alla l-ħaj ikollok ħniena minni għax jiena midneb. Ammen.
Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.
Pingback: Talb Ewkaristiku – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju