Ruħ twajba, kemm tixxennaq qalbi għalik. Kemm naħseb fik billejl u bi nhar. L-Ewkaristija hija prova ċara tal-interess tiegħi f’kull persuna li hawn fid-dinja. Għax Alla ma ħalaqx lill-bniedem u telqu għal riħu. Tinsiex li l-bniedem hu l-kapolavur tal-ħolqien kollu.
Kieku l-bniedem mhux importanti kont sa nċarċar demmi kollu għalih? Kont sa nbati passjoni ħarxa bħal dik? Kont sa ninża’ minn dak kollu li hu ta’ Alla biex insir bniedem bħalek?
Ruħ, twajba, kieku taf x’għatx għandi għal kull ruħ li hawn fid-dinja. Aqtagħli int xi ftit minn dan l-għatx. La ddumx ma tiġi żżurni u tinsiex tħajjar lill-oħrajn biex jiġu huma wkoll ħdejja. Kun appostlu tal-Ewkaristija. Qabbad ħuġġieġa ta’ nar, nar ta’ devozzjoni lejn dan is-Sagrament tal-imħabba divina.
Tinsiex, l-Ewkaristija mhix xi ħaġa ġejja mill-bnedmin. L-Ewkaristija hija rigal ta’ Missieri lill-bnedmin kollha. Kemm tinsewh lil Missieri, jaħasra! Jiena kont spiss insemmi lil Missieri meta għext fuq l-art. Għax Jiena u Missieri aħna ħaġa waħda. Kull meta tiġi quddiemi qis li tiftakar f’Missieri u f’Missierek. Sejjaħlu “Abba’” kif kienu jsejħu t-tfal Lhud lil missierhom.
Ħafna għandhom idea żbaljata ta’ Alla l-Missier jaħasra. Jaħsbuh xi Alla pulizija li jikkastiga u joqgħod għassa biex hekk kif il-bniedem jiżbalja jpattihielu. Alla jagħder id-dgħjufija. Jistkerrah is-suppervja. Hemm baħar jaqsam bejn id-dgħjufija u s-suppervja. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa jiena wrejt biċ-ċar il-karattru ħanin u ġentili tal-Missier Etern. U l-kelma tiegħi ta’ min joqgħod fuqha, tafx.
Dan ma jfissirx li wieħed għandu jabbuża mill-imħabba infinita’ ta’ Alla. “La tittantax lill-Mulej Alla tiegħek” hemm miktub. O li kieku taf kemm iħobbkom il-Missier! Ħeġġeġ lill-oħrajn biex iħobbuh huma wkoll. Ftakru fih almenu darba kuljum għax hu moħħu fikom kull ħin u kull mument.
Meta jiġu fuqek l-mumenti iebsin, u dawn jiġu fuq kulħadd bħalma ġew fuqi meta kont ngħix fid-dinja, dur lejh b’ħeġġa sinċiera biex jurik it-triq li minnha għandek tgħaddi. Żommlu jdejh u titlaqhiex għal ebda raġuni. Żommlu jdejh bit-talb qasir u spiss. Għidlu: “Missieri, ħu ħsiebi” jew “Missier żommli jdejja għax qed naqta’ qalbi.” “Missier twajjeb fik, it-tama tiegħi.”
Ivvinta talbiet qosra li jiġuk f’moħħok. Talb qasir u ta’ spiss iżommlok qalbek u moħħok fil-preżenza ta’ Alla. Huwa vera li jiġu mumenti li ħlief dlam ma tarax u ħlief skiet ma tismax!
Meta ħlief dlam iswed ma tarax madwarek ma jfissirx li l-Missier insiek. Dan bħal meta l-ajru jkun imsaħħab u t-temp jidher iswed u mitbuq. Ma jfissirx li x-xemx m’għadhiex hemm. Ix-xemx hemm tkun bil-qawwa kollha tagħha. U meta l-maltemp jgħaddi, terġa’ tfiġġ ix-xemx biex tferraħ u tqawwi l-qlub.
Hekk ukoll l-imħabba ta’ Alla hija dejjem kostanti. Qiegħda dejjem hemm, lesta biex tilqa’ fi ħdanha lil kull bniedem. Tinsiex x’hemm miktub,
“Anki, jekk omm tasal biex tinsa lil uliedha, il-Missier Etern qatt mhu sa jinsa lil uliedu.” L-uġigħ u t-tbatija huma parti mill-ħajja tal-bniedem fuq l-art. L-hena perfett sa ssibu minn hawn u ftit ieħor meta tiġi l-ġenna. Iżda meta żżomm kuntatt ma’ Alla, l-iebes tal-ħajja jidher sod u jippersevera fit-talb.
Ma rridx indewwmek wisq għax naf li jkollok x’tagħmel. Issa oqgħod ftit fil-kwiet ħdejja, imbagħad mur kompli l-ħidma tiegħek. La ddumx ma terġa’ tiġi jekk jogħġbok. U tinsiex illejla qabel torqod lill-Missier tiegħek u tiegħi għidlu: “Berikni, Pa.”
Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.