“La tħallinix fil-bard” – Ġesu’
Din hi l-għajta tiegħi f’dan is-Sagrament lil kull ruħ mgħammda:
Daħħalni f’ħajtek, aħseb naqra fija maqful fit-tabernakli għalik u mhux għall-anġli. Ejja żurni kultant matul il-ġimgħa u jekk ma tistax, ejja żurni b’moħħok. Naqra ħsieb. Talba żgħira biżżejjed. Imqar kemm tgħid: “Ġesu’, inħobbok, grazzi talli qiegħed hemm għalija.” La tgħix ġurnata wara l-oħra qisu jien ma neżistix.
Huwa jien li qed nagħtikom kulma għandkom. Għaliex tant u tant bnedmin lanqas biss jaħsbu fija? Għaliex m’għandhomx naqra post għalija f’ħajjithom? Għadni nħoss dak il-bard ta’ Betleħem fejn ħadd ma riedni f’daru. Kemm inkwetaw Marija u Ġużeppi minħabba fija msieken. U kellhom raġun. L-ebda dar ma laqgħetni; l-ebda familja ma kellha post għalija; lanqas l-erwieħ twajba ma ħennew għalija. Kienu l-annimali li tawni l-wens f’dak il-lejl kiesaħ qaddis. Dak il-lejl li biddel l-istorja tad-dinja. Dak il-lejl ma jintesa qatt għax jiena li jien Alla għażilt li nsir bniedem bħalkom u għadni nħoss il-bard tal-indifferenza kiefra ta’ bosta rwieħ li ma japprezzawx it-tifsira vera tal-Milied.
Intom tagħmlu festa kbira fil-Milied, iżda għalija l-ewwel Milied ma kienx festa. Imnalla kien dak il-blat li tani naqra kenn mir-reżħa tal-lejl. Imnalla kienu l-annimali li saħħnuni ftit bin-nifs tagħhom. Illum il-Milied sar festa popolari ħafna, iżda sar festa kbira ta’ kummerċ. Naqra naqra qed insib ruħi barra mill-ġdid! Iva, barra fil-ksieħ u minsi minn ħafna rwieħ.
- Meta inti ma taħfirx, tkun qed titfagħni ‘l barra fil-ksieħ.
- Meta inti tgħix jum wara l-ieħor mingħajr ma taħseb fija; tkun qed titfagħni ‘l barra fil-bard.
- Meta inti ma tagħdirx u tikkundanna lill-oħrajn; titfagħni ‘l barra fil-ksieħ.
- Meta inti ma tieħux paċenzja b’dawk ta’ madwarek; tkun qed iġġegħelni nħoss il-bard.
- Meta toffendi ‘l Alla bi dnub gravi; ma tkunx qed tilqagħni f’darek iżda tkeċċini ‘l barra.
- Meta tipprova tirkeb fuq l-oħrajn biex timxi ‘l quddiem int, tkun qed titfagħni ‘l barra fil-bard.
Jien ukoll nixtieq is-sħana li twennes u li tferraħ il-qalb, għax jiena, barra li jien Alla, jiena wkoll bniedem bħalek. Nixtieq is-sħana tal-qlub sempliċi li jiġu jżuruni kultant f’dan is-Sagrament tal-imħabba. Iva, nixtieq is-sħana tal-qlub ġenerużi li jaħsbu fl-oħrajn u mhux fihom infushom biss. Tinsiex li kulma tagħmel mal-oħrajn tkun qed tagħmlu miegħi. Dal-kliem żommu f’moħħok u f’qalbek. La tħallinix inħoss aktar bard. Nixtieqek tħobbni ftit aktar f’dan is-Sagrament u ħobbni wkoll fl-oħrajn. Grazzi talli ġejt ħdejja u ferraħtli qalbi. U tinsiex fil-ġranet tal-Milied żommni dejjem f’moħħok u f’qalbek. Jiena biss kapaċi nagħtik il-veru ferħ u paċi li inti tixtieq. Il-barka tiegħi tinżel fuqek u fuq il-maħbubin tiegħek.
Ammen.
Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.
Pingback: Talb Ewkaristiku – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju