(Tinqara bil-mod)
O Ġesu’ Ewkaristija, jiena nadurak, veru Alla u veru bniedem taħt l-ispeċi Ewkaristiċi, hawnhekk u fit-tabernakli kollha tad-dinja, speċjalment fejn tinsab waħdek, mitluq u abbandunat minn kulħadd.
Jien nadurak u nagħrfek b’sid tiegħi u b’sid tal-ħlejjaq kollha. Jiena xogħol ta’ jdejk Mulej. Int il-ħallieq tiegħi. Inti Alla tiegħi, inti biss. Agħmel Mulej li inti jkollok l-aqwa post f’qalbi u l-aqwa post f’ħajti. Mulej, inti kollox u jien xejn. Allaħares kellek tneħħi jdejk minn fuqi mument wieħed biss. Min jaf kieku x’jiġri minni? Mulej jiena nqimek u nadurak.
Mixħut hawn quddiemek jiena nixtieq nirringrazzjak minn qalbi ta’ kulma tagħmel miegħi, tal-grazzji kollha li Int ixxerred fuqi kuljum. Nirringrazzjak speċjalment Mulej, ta’ dawk il-ħafna grazzji li jien lanqas biss ninduna bihom!
Irrid nirringrazzjak, Mulej, għal dawk ħuti kollha li ma jirringrazzjawkx. Agħdirhom Mulej. Forsi tant imtaqqlin bil-problemi tal-ħajja, bil-mard, u slaleb oħra li jinsew jirringrazzjawk. Għan-nom tal-bnedmin kollha rrid ngħidlek Grazzi tal-Providenza kbira tiegħek li tinżel il-ħin kollu fuqna lkoll. Irrid nirringrazzjak ukoll ta’ dawk l-affarijiet kollha li lili jdejquni jew isewduli qalbi, għax kollox minnek ġej, Ġesu’.
Jien l-akbar xewqa tiegħi hi li f’kollox nogħġob lir-rieda mqaddsa tiegħek. Ġesu’ Ewkaristija, jiena nixtieq infaħħrek u nbierkek b’qalbi kollha u b’saħħti kollha. Agħtini lsien biex infaħħrek, Mulej. Il-ħolqien kollu jfaħħrek u jbierkek bla waqfien. Huwa l-bniedem biss, għax tajtu l-intelliġenza u l-liberta’, li jkażbrek b’ilsienu.
Ħallini ningħaqad mal-ħolqien biex infaħħrek, għaliex inti jistħoqqlok kull tifħir, kull ġieħ u kull glorja. Wara kollox, “Min hu bħalek, Mulej?” Imbierek int, Mulej Alla ta’ missirijietna, li fik ittamaw u emmnu; ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem.
Ġesu’ Ewkaristija, nixtieq nitolbok il-maħfra ta’ dnubieti, tan-nuqqasijiet tiegħi u tad-difetti kollha tiegħi. Ġesu’, Bin Alla l-ħaj, ikollok ħniena minni għax jiena midneb. Aħfrili Mulej, ta’ dak kollu li kelli nagħmel u m’għamiltux. Aħfirli, Mulej, tal-egoiżmu tiegħi.
Ta’ kemm -il darba ħsibt li jien xi ħaġa aħjar minn ħaddieħor.
– Ta’ kemm -il darba naqset fija l-fiduċja fik.
Ħniena, Mulej, nitolbok u itfa’ fija l-Ispirtu Qaddis tiegħek biex kuljum nersaq lejk, biex kuljum ngħix kif tixtieq int.
Ġesu’ Ewkaristija, nixtieq inpattilek ftit għal dawk kollha li ma jadurawkx, li ma jirringrazzjawkx, u li jkażbruk bid-dagħa. Inpattilek, Ġesu’, għal dawk kollha li jridu jgħixu mingħajrek u ma jittamawx fik. Mulej, irrid inpattilek għal dawk kollha ta’ qalb bierda li hi mimlija biss bil-ħwejjeġ tad-dinja. Jinsew li int qiegħed dejjem hawn lejl u nhar tistenniehom. Ħalli npatti ftit jien għalihom, Ġesu’.
Fl-aħħar nett, nixtieq inqiegħed f’riġlejk il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tiegħi għax inti tafhom aktar milli nista’ ngħidlek jiena stess. Inti tafni aktar milli jien naf lili nnifsi.
Għalhekk, Mulej, f’idejk jiena nerħi ruħi, bil-ħtiġijiet tiegħi, bix-xewqat tiegħi, u bil-problemi kollha tiegħi. Agħmel minn ħajti xi ħaġa sabiħa, li tkun togħġob lill-Qalb Imqaddsa tiegħek.
Ġesu’… Int taf li nħobbok, u nixtieq li nħobbok dejjem iżjed.
Inti tħobbni ħafna; għinni int, biex insir inħobbok dejjem iżjed.
Grazzi, Ġesu’.
Ġesu’, inħobbok u nadurak.
Ammen.
Twajjeb Ġesu’,
Agħmilni strument li bih isir ħafna ġid fost ħuti l-bnedmin.
Agħmel li dan il-ġid ma jidhirx.
Ammen.
Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.