8. Aktar Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għas-Saċerdoti.

3657308867_152c20620bTalba għal Saċerdot Partikolari 1

O Ġesu’, Saċerdot Etern, għix f’(semmi saċerdot), aġġixxi fih, tkellem fih u permezz tiegħu. Aħseb il-ħsibijiet tiegħek f’moħħu, ħobb permezz ta’ qalbu. Agħtih id-dispożizzjonijiet u x-xewqat tiegħek stess. Għallmu, urieh it-triq u ggwidah dejjem. Ikkoreġih, dawwlu u żviluppa l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu. Wasslu jagħti lilu nnifsu kompletament lilek.

Ippossedi lil ruħu; ħu kontroll tal-personalita’ u tal-ħajja kollha tiegħu. Biddlu miegħek innifsek. Ipperswadih jgħix f’adorazzjoni u f’ringrazzjament kontinwu; itlob fih u permezz tiegħu. Ħallih jgħix fik u żommu f’din l-intimita’ miegħek dejjem.

O Marija, Immakulata Kunċizzjoni, Omm ta’ Ġesu u Omm tas-saċerdoti, itlob u interċedi għal (isem is-saċerdot). Ammen.


Talba għal Saċerdot Partikolari 2

O Ġesu’, il-Qassis il-Kbir, isma’ t-talba umli tiegħi għal bżonnijiet ta’ dan is-saċerdot (semmi saċerdot).Agħtih fidi dejjem aktar qawwija, tama soda u mħabba tħeġġeġ li tkompli tikber tul il-ħajja saċerdotali tiegħu. Fis-solitudni tiegħu, farrġu u qawwih fi tbatijietu.

Fil-frustrazzjonijiet tiegħu, urieh li huwa permezz tat-tbatija li r-ruħ tissaffa, u urieh li l-Knisja għandha bżonnu, li l-erwieħ għandhom bżonnu, li huwa bżonnjuż għall-ħidma tas-salvazzjoni.

O Marija, Omm kollok imħabba, Omm is-saċerdoti, żomm ma’ qalbek lil dan ibnek li huwa qrib tiegħek minħabba l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, u minħabba l-qawwa li hu rċieva fil-ħidma ta’ Kristu fid-dinja li tant għandha bżonnu. Kun il-faraġ tiegħu, il-ferħ tiegħu, il-qawwa tiegħu, u għinnu b’mod speċjali biex igħix u jiddefendi l-ideali taċ-ċelibat ikkonsagrat. Ammen.


Talb għas-Saċerdoti kollha

O Alla tagħna, nitolbok għas-saċerdoti tiegħek kollha biex tqaddishom. Nitolbok agħtihom l-ubbidjenza, spirtu ta’ distakk, kastita’ li hi kostanti u vera, spirtu ta’ ċaħda tagħhom infushom, umilta’, żelu u dedikazzjoni.

Nitolbuk li, dawk kollha li jiltaqgħu magħhom jimlewhom b’imħabba akbar għalik. Alla tagħna, nitolbok biex permezz tagħhom is-saltna tiegħek fuq l-art tikber u tissaħħaħ. Ġesu’, inwegħduk b’qalbna kollha li ningħataw b’sagrifiċċju flimkien miegħek biex inkunu ta’ talba għal dan il-għan. Ammen.

Kanonku Formingao


the-holy-eucharist-body-and-blood-soul-and-divinity-of-our-lord-jesus-christTalba lis-Saċerdot Etern

O Ġesu’, saċerdot etern, żomm lis-saċerdoti fil-kenn tal-Qalb Qaddisa tiegħek, fejn ma tiġrilhom l-ebda ħsara. Żomm bla taħsir l-idejn ikkonsagrati tagħhom li kuljum imissu l-Ġisem Qaddis tiegħek. Żomm bla tebgħa xufftejhom li kuljum imissu mad-Demm Prezzjuż tiegħek. Żomm qalbhom safja u ‘l bogħod mill-ispirtu tad-dinja, issiġillati bil-marka sublimi tas-saċerdozju.

Ħa tkun l-Imħabba Qaddisa li ddawwarhom u tipproteġihom mill-ħażen tad-dinja. Bierek il-ħidma tagħhom b’ħafna frott u agħmel li l-erwieħ li huma jamministraw ikunu l-ferħ u l-konsolazzjoni tagħhom hawn, u l-kuruna eterna tagħhom fil-ħajja ta’ bla tmiem. Ammen.

St. Tereżina tal-Bambin Ġesu’


Għall-Knisja u għas-Saċerdoti

O Ġesu’ tagħna, nitolbok għall-Knisja kollha: imliha bl-imħabba u bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu u agħti qawwa lill-kliem tas-saċerdoti biex il-qlub l-aktar iebsa jaslu għall-indiema u jduru lejk. Mulej, agħtina saċerdoti qaddisin. Int stess iżommhom fil-qdusija O Divin u Saċerdot Etern.

Ħa tkun il-qawwa tal-Ħniena tiegħek li takkumpanjahom u tipproteġihom min-nases u l-qerq tax-xitan li kontinwament qed jiġu mpoġġija fil-ħajja tal-erwieħ saċerdotali.

Ħa tkun il-qawwa tal-ħniena tiegħek, Mulej, li tkisser u ġġib fix-xejn kull ma’ jista’ jfixkel milli s-saċerdoti tiegħek ikunu qaddisin, għax Int tista’ kollox. Nitolbok, Ġesu’ għall-barka speċjali u għad-dawl għal dawk is-saċerdoti li għandhom se nqerr matul ħajti kollha. Ammen.

St. Fawstina


Talba għal nhar ta’ Ħamis

O Ġesu’, Pontifikat Etern, ir-Ragħaj it-Tajjeb u n-Nixxiegħa tal-Ħajja, li bit-tjieba speċjali tal-Qalb l-Aktar Ħelwa tiegħek, tajtna s-saċerdoti biex twettaq fina il-pjanijiet ta’ qdusija li l-grazzja tiegħek tispira fil-qlub tagħna, nitolbuk: għinhom u assistihom bil-ħniena tiegħek.

O Ġesu’, agħmel li fit-taħbit tagħhom ikollhom fidi ħajja; fit-tiġrib tagħhom fiduċja li ma titħarrikx; fid-deċiżjonijiet tagħhom karita’ tħeġġeġ. Agħmel li l-Kelma tiegħek, id-dija tal-Għerf Etern tiegħek, issir b’meditazzjoni kontinwa, l-għixien li ma jfalli qatt tal-ħajja nterjuri.

Agħmel li l-eżempju tal-ħajja u l-passjoni tiegħek janima l-azzjonijiet tagħhom u jsaħħaħhom fi tbatijiethom, sabiex huma jgħallmu, idawwlu u jfarrġu lilna fin-niket tagħna.

Mulej, agħti lis-saċerdoti tagħna distakkament minn dawk li huma purament ħsibijiet ta’ din id-dinja. Agħmel li jkunu l-ewwel u qabel kollox riservati għall-glorja tiegħek u żommhom fidili lejn il-qadi ta’ dmirijiethom.

Żommhom safja fil-kuxjenza tagħhom sa l-aħħar nifs ta’ ħajjithom, sabiex meta l-mewt tilħaq lill-ġisem tagħhom, ikunu jistgħu jpoġġu f’idejk il-missjoni tagħhom li jkunu qdew b’fedelta’ b’hekk isibu fik, il-Mulej Ġesu’ Kristu, li fid-dinja kont Sidhom, il-premju tal-Kuruna tal-Ġustizzja, fil-glorja tal-qaddisin.Ammen.

Papa Piju XII


Talba lil Ġesu’ s-Saċerdot il-Kbir u Etern

O Ġesu’, inti s-Saċerdot il-Kbir u Etern. Għax inti veru Alla u veru bniedem, inti l-uniku Medjatur bejn Alla u l-bniedem. Permezz tiegħek, il-Missier ħanin jagħtina s-salvazzjoni u permezz tiegħek, il-bniedem jerġa’ lura għandu.

Inti stabilixxejt saċerdoti bħala l-kollaboraturi tiegħek biex jagħmlu dejjiema l-Quddiesa Qaddisa, is-Sagrifiċċju tal-mewt tiegħek fuq is-Salib u biex tqaddes l-erwieħ bil-ministeru tagħhom. O Ġesu’, agħżel minn fost il-persuni kollha tad-dinja li jistħoqqilhom, għadd kbir ta’ ministri ħalli l-erwieħ kollha jsibu s-salvazzjoni. O Ġesu’, Salvatur tad-dinja, qaddes lis-saċerdoti tiegħek u lis-seminaristi.

O Alla, li stabilixxejt l-uniku Iben tiegħek bħala s-Saċerdot il-Kbir u Etern, agħtina nitolbuk, li dawk li huma magħżula minn Kristu bħala ministri tal-misteri tiegħek jibqgħu dejjem fidili fit-twettiq tas-servizz tagħhom. B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, flimkien mal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Papa Pawlu VI


euch_000Ringrazzjament u Interċessjoni għas-Saċerdoti

Mulej Ġesu’, inti għażilt lis-saċerdoti tiegħek minn fostna u bgħatthom fid-dinja jxandru l-Kelma tiegħek u jaġixxu f’ismek. Għal dan id-don hekk kbir lill-Knisja tiegħek, aħna nfaħħruk u nirringrazzjawk, nitolbuk timlihom bin-nar ta’ mħabbtek sabiex bil-ministeru tagħhom juru l-preżenza tiegħek fil-Knisja.

Minħabba li huma huma ġarar ta’ din id-dinja, nitolbu biex il-qawwa tiegħek tiddi permezz ta’ dgħjufithom. Fit-tiġrib tagħhom agħmel li ma jkunu qatt imfarka; fid-dubji tagħhom qatt jiddispraw; fit-tentazzjonijiet qatt distrutti; fil-persekuzzjonijiet qatt abbandunati.

Ispirahom permezz tat-talb biex jgħixu kuljum il-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħek. F’mumenti ta’ dgħjufija, ibgħat l-Ispirtu tiegħek u għinhom biex ifaħħru lil Alla l-Missier u jitolbu għall-imsejkna midinbin.

Bl-istess Spirtu s-Santu poġġi l-Kelma tiegħek fuq xufftejhom u mħabbtek fil-qalb tagħhom, biex iġibu l-bxara t-tajba lill-foqra u l-fejqan lil dawk ta’ qalbhom maqsuma.

U agħmel li d-don ta’ Marija Ommok lid-dixxiplu li kont tħobb, ikun id-don tiegħek lil kull saċerdot. Agħmel li hi li ffurmatek fl-immaġini umana tagħha, tifforma lilhom fl-Immaġini Divina tiegħek, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għall-glorja ta’ Alla l-Missier. Ammen.


Għar-Rgħajja tal-Merħla

Missier, kun mar-rgħajja tal-merħla tiegħek fil-bżonnijiet tagħhom illum. Għin lill-isqfijiet u lis-saċerdoti biex jinterpretaw il-messaġġ tal-Vanġelu b’mod ċar u b’urġenza u jkunu xhieda b’ħajjithom għat-tagħlim u l-eżempju ta’ Kristu. Saħħaħ u qawwi lil dawk fosthom li huma mbeżża’ u mħawda; kun tassew Missier għal dawk li tbiegħdu minnek.

Bierek lil dawk li jinsabu nvoluti biex iwieġbu għall-bżonnijiet ġodda u kontemporanji tal-lum; iggwida dawk li jmexxu u jippromwovu d-djalogu ma’ nsara oħra, ma’ dawk li mhux insara u ma’ l-ibliet sekulari. Assisti lil dawk li qed jippruvaw jippromwovu l-valuri Nsara, sabiex biż-żelu mmoderat, bil-prudenza u b’dak li tippermettilhom il-liġi tal-awtoritajiet, jistgħu jgħinu fil-bini ta’ dinja tassew Nisranija għall-bniedem.

Ibgħat l-Ispirtu s-Santu b’Pentekoste ġdid, sabiex taħt dawn il-ministri magħżula minnek, il-poplu ta’ Alla jimxi ‘l quddiem b’kooperazzjoni armonjuża lejn il-konsum aħħari tal-għaqda tagħhom, tal-verita’ u tal-imħabba. Dan nitolbuh permezz ta’ Ibnek, mal-istess Ibnek u fl-istess Ibnek Ġesu’ Kristu. Ammen.


Talba ta’ Interċessjoni għas-Saċerdoti

  • Alla etern u li tista’ kollox, b’imħabba nspjegabbli, Inti ġbart is-saċerdoti bħala qaddejja Tiegħek u sejjaħtilhom ħbieb.
  • Nitolbuk: Agħmel li huma qatt ma jieqfu jisimgħu is-sejħa Tiegħek, biex imorru fejn tridhom Int, biex iwettqu l-ħidma li trid tafdalhom!
  • Agħmel li bil-virtu’ tal-umilta’ u tal-fedelta’, id-dawl fl-imsiebaħ tagħhom ikun jista’ jiddi b’qawwa u li qatt ma jsir dawl ħażin li jmexxi lill-oħrajn lejn t-telfien.
  • Agħmel li huma qatt ma jittraskuraw is-servizz tiegħek, u li Inti qatt ma jkollok bżonn twarrabhom bħala strumenti inutli u qaddejja reqdin!
  • Agħmel li huma qatt ma jħollu l-għoqda tar-rabta qaddisa tagħhom miegħek jew jaħarbu mis-servizz tiegħek fi tfittxija għall-kumdita’.
  • Agħmel li huma jipperseveraw fil-konsistenza tagħhom u li qatt ma jerġgħu lura mill-kelma li jkunu tawk anki meta jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ tempesti u dlam li jkun ġej.

Huma m’huma xejn u ma jistgħu jagħmlu xejn mingħajrek.

Imma Int, O Mulej, kun għalihom Missier ta’ mħabba u ħniena.

Agħtihom il-qawwa biex jipperseveraw sal-aħħar u biex jidhru quddiemek bħala qaddejja fidili. Ammen.


kelley-01761Talba għas-Saċerdoti

Żommhom, nitolbuk, għażiż Mulej. Żommhom għaliex huma tiegħek; is-saċerdoti tiegħek li ħajjithom tikkonsma quddiem il-maqdes ikkonsagrat tiegħek. Żommhom għaliex huma qegħdin fid-dinja imma mifrudin minnha; fejn il-pjaċiri tad-dinja jattirawhom u huma ta’ tentazzjoni – kennihom fil-Qalb tiegħek.

Qawwihom u kennihom f’mumenti ta’ solitudni u wġigħ, meta l-ħajja tagħhom ta’ sagrifiċċju għall-erwieħ tidher għal xejn. Qawwihom u ftakar Mulej li huma m’għandhom lil ħadd ħliefek. Fl-istess waqt il-qlub tagħhom huma umani, bid-dgħjufijiet umani.

Żommhom bla tebgħa bħall-Ostja, li jżommu f’idejhom kuljum. Bierek għażiż Mulej kull ħsieb, kull kelma u kull azzjoni minn tagħhom.


Talba lill-Missier Etern

Missier ta’ kull grazzja, nirringrazzjawk tas-saċerdoti u l-isqfijiet li huma lejali lejk, li l-paternita’ spiritwali tagħhom u l-eżempju ta’ fedelta’, sagrifiċċju personali u devozzjoni hi vitali għall-fidi tal-poplu tiegħek.

Agħmel li s-saċerdoti tagħna jimxu fuq l-eżempji ta’ San Pietru u San Pawl, tal-appostli kollha u s-suċċessuri qaddisa tagħhom. Agħtihom fidi soda meta affaċċjati minn sitwazzjonijiet ta’ konfużjoni u konflitt, tama f’mumenti ta’ diffikulta’ u niket, u mħabba qawwija għalik, għall-familja tagħhom, u għall-poplu tiegħek kollu mxerred madwar id-dinja. Ħa jkun id-dawl tal-Verita’ tiegħek li jiddi f’ħajjithom u fil-ħidma tajba tagħhom.

Assisti lis-saċerdoti kollha, sabiex permezz tal-Grazzja tiegħek ikunu jistgħu jikbru fis-sod fil-qdusija u fl-għarfien tal-Verita’ tiegħek. Ħa jgħaddu b’ġenerożita’ dan il-għerf lil dawk li jiddependu minnhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.


Talba għas-Saċerdoti Tagħna  

Intom ġejtu minn fostna biex tkunu għalina dawk li jservu. Nirringrazzjawkom talli taqdu lil Kristu għalina u talli tgħinuna naqdu lil Kristu għal xulxin. Aħna grati ta’ tant doni li ġġibu lill-komunita’ tagħna:

  • talli tgħaqqduna flimkien fit-talb u l-qima lejn Alla,
  • talli tiġu żżuruna fi djarna,
  • talli tfarrġuna fil-mard tagħna,
  • talli turuna l-mogħdrija,
  • talli tberkulna ż-żwieġ tagħna,
  • talli tgħammdulna lil uliedna,
  • talli tikkonfermawna fis-sejħa tagħna,
  • talli tissapportjawna meta mnikta minħabba t-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina,
  • talli tgħinuna nikbru fil-fidi,
  • talli tinkuraġġuna biex nieħdu l-inizzjattiva,
  • talli tgħinu lill-komunita’ kollha biex tkun konxja tal-preżenta t’Alla fostna.

Minn naħa tagħna, nitolbu li aħna nkunu attenti għall-bżonnijiet tagħkom u li qatt ma nieħdukom for granted. Intom, bħalna, għandkom bżonn tal-ħbiberija u l-imħabba, ta’ min jilqagħkom bħala wieħed minn ta’ ġewwa, ta’ kliem ġentili u atti magħmula bil-ħsieb u b’imħabba.

Nitolbu wkoll għal dawk is-saċerdoti li ġerrħu s-saċerdozju. Ħa nkunu lesti li naħfrulhom. Nitolbu wkoll biex huma jkunu miftuħa għall-fejqan. Ħa nqawwu lil xulxin f’mumenti ta’ kriżi. Alla Missierna, nitolbuk tbierek lis-saċerdoti tagħna u tikkomfermahom fis-sejħa tagħhom. Agħtihom id-doni li għandhom bżonn biex iwieġbu b’ġenerożita’ u b’qalb ferħana. Noffrulek din it-talba għas-saċerdoti tagħna, li huma ħutna u l-ħbieb tagħna. Ammen.


Talb għas-Saċerdoti 

Għinna, Marija Ommna, biex ninżlu għarkubbtejna quddiem l-altar ta’ Betlehem u biex nieqfu taħt is-salib tal-Kalvarju matul il-ħajja saċerdotali tagħna kollha, filwaqt li nemmnu b’qalbna kollha li Ibnek, issa l-Mulej tagħna rxuxtat, hu dejjem magħna u fina. Qawwina bir-rebħa tal-qawwmien tiegħu biex nipperseveraw.

Missier Etern, li tgħix fina, hemm mumenti fejn veru nibdew naqtgħu qalbna. Nagħmlu ħilitna imma spiss donnu jidher għal xejn. Għinna nirbħu fuq il-qtiegħ ta’ qalb billi kontinwament nimmeditaw fuq il-kliem ta’ Ġesu’: ”Dak li wieħed jiżra’, dak jaħsad”.

Interċessjonijiet tal-qaddisin: Reverendu T. Ronald Haney


Schiffer-SACREDHEARTTalba lill-Qalb ta’ Ġesu’ għas-saċerdoti

Iben t’Alla l-veru ħaj, nitkarrbu lil qalbek għall-bżonnijiet tas-saċerdoti kollha. Nitkarrbu għall-gwida tiegħek li tfejjaq b’mod speċjali għal dawk is-saċerdoti li jikkumbattu bejn l-idejal ta’ din id-dinja u l-verita’ miżmuma fil-qalb tal-Knisja. Ħalli l-Ispirtu ta’ Kristu; l-Ispirtu ta’ servizz, l-Ispirtu ta’ qdusija jkun imġedded f’kull wieħed u f’kulħadd.

Ħeġġeġ fihom il-valur veru tas-saċerdozju; ħallihom jaraw in-nisġa tas-saċerdoti lil kull familja u l-bżonn iddisprat tas-saċerdoti tagħna fis-soċjeta’ kollha. Ħa jkun il-ferħ u l-profondita’ tal-persuna ta’ Kristu fis-saċerdot li ġġeddidhom.

B’mod partikolari nitolbu għall-għajnuna tal-Anġlu Rafel li huwa mmarkat u magħruf bħala l-fejqan ta’ Alla u r-‘Rimedju ta’ Alla’.

Ftakar, Ġesu’ twajjeb li ħadd minn dawk li rrikorrew fil-Qalb ‘Qaddisa Tiegħek, talbu l-għajnuna tiegħek jew talbuk il-ħniena, ma ġew abbandunati. Mimlijin b’din il-kunfidenza, Qalb Qaddisa, mexxej ta’ kull qalb, aħna niġu għandek, oppressi taħt it-toqol ta’ dnubietna. Twarrabx minn quddiemek it-talb fqajjar tagħna, imma ismagħhom bi ħniena, u weġibhom bil-qalb.

Litanija:

  • Imħabba tal-Qalb ta’ Ġesu’, ħeġġeġ il-qlub tas-saċerdoti tagħna.
  • Karita’ tal-Qalb ta’ Ġesu’, ixxerred fil-qlub tas-saċerdoti tagħna.
  • Qawwa tal-Qalb ta’ Ġesu’, qawwi il-qlub tas-saċerdoti tagħna.
  • Ħniena tal-Qalb ta’ Ġesu’, aħfer il-qlub tas-saċerdoti tagħna.
  • Paċenzja tal-Qalb ta’ Ġesu’, la tieqafx tieħu ħsieb tal-qlub tas-saċerdoti tagħna.
  • Saltna tal-Qalb ta’ Ġesu’, kun fil-qalb tas-saċerdoti tagħna.
  • Għerf tal-Qalb ta’ Ġesu’, għallem lis-saċerdoti tagħna.
  • Rieda tal-Qalb ta’ Ġesu’, iggwida il-qalb tas-saċerdoti tagħna.
  • Żelu tal-Qalb ta’ Ġesu’, ikkonsma il-qlub tas-saċerdoti tagħna.
  • Immakulata Verġni Marija, itlob għas-saċerdoti kollha tagħna lill-Qalb Qaddisa ta’ Ġesu’.

(Missierna, Sliema u Glorja)

(Ippreżenta fis-skiet ta’ qalbek l-ismijiet tas-saċerdoti tagħna).


It-tieni Jum tan-Novena tal-Ħniena Divina

“Illum ġibli l-erwieħ tas-Saċerdoti u r-Reliġjużi u daħħalhom fil-ħniena Tiegħi bla qies.  Kienu huma li tawni l-qawwa biex nissaporti l-Passjoni kiefra li minnha għaddejt.  Permezz tagħhom tinżel il-Ħniena Tiegħi fuq l-umanita` kollha”.

Ġesu’

O Ġesu` l-aktar ħanin, li minnek jiġi kull ma hu tajjeb, kattar il-grazzja tiegħek fin-nisa kkonsagrati għall-qadi tiegħek, sabiex ikunu jistgħu jwettqu għemejjel xierqa ta’ ħniena; u sabiex kull min jarahom, jagħti glorja lill-Missier tal-ħniena li hu fis-smewwiet.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa Ħanina Tiegħek lejn dawk li għażilt biex jaħdmu fil-għalqa Tiegħek;  lejn l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi u agħtihom is-setgħa tal-Barka Tiegħek.

F’ġieħ l-imħabba tal-Qalb ta’ Ibnek li fiha jinsabu miġburin, agħtihom il-qawwa u d-dawl Tiegħek, ħalli jkunu jistgħu jmexxu ‘l-oħrajn fit-triq tas-Salvazzjoni, u b’leħen wieħed ilkoll ifaħħru għal dejjem il-Ħniena Tiegħek bla tarf.  Ammen.


Ars Retreat Image 17Talba għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti

  • Ġesu’, Saċerdot Etern, qaddes is-saċerdoti tiegħek.
  • Qalb ta’ Ġesu’, minfuda mil-lanza, ħaddan miegħek is-saċerdoti tiegħek.
  • Ġesu’, f’ġieħ id-demm għażiż tiegħek, ippurifika s-saċerdoti tiegħek.
  • Ġesu’, f’ġieħ il-passjoni tiegħek, agħti l-qawwa lis-saċerdoti tiegħek.
  • Ġesu’, f’ġieħ it-tbatijiet u s-salib tiegħek, żomm fil-qdusija s-saċerdoti tiegħek.
  • Ġesu’, nkurunat bix-xewk, imla bl-għerf tas-sema s-saċerdoti tiegħek.
  • Ġesu’, f’ġieħ idejk minfudin mill-imsiemer, bierek b’barka speċjali s-saċerdoti tiegħek.
  • Ġesu’, f’ġieħ riġlejk minfudin bl-imsiemer, agħmel li s-saċerdoti jimxu dejjem fit-triq tal-qdusija.
  • Ġesu’, ta’ tjieba bla tarf, aħfer in-nuqqasijiet tas-saċerdoti tiegħek.
  • Ġesu’, ta’ ħniena bla tmiem, ħobb u agħder is-saċerdoti tiegħek.
  • Spirtu ta’ Ġesu Kristu, agħti l-ħajja lill-opri kollha tas-saċerdoti tiegħek.
  • Marija, Omm ta’ Ġesu’ s-Saċerdot Etern, kun il-għaxqa tas-saċerdoti tiegħek.
  • Marija, avukata setgħana, iddefendi u ħares lis-saċerdoti tiegħek.
  • Marija, qawwa tad-debboli, kun mas-saċerdoti tiegħek, fix-xogħol tal-ministeru tagħhom ta’ kuljum.
  • Marija, kewkba l-aktar sabiħa, dawwal is-saċerdoti tiegħek.
  • Marija, patruna ċelesti tal-kleru, iddefendi l-kawża tas-saċerdoti tiegħek.
  • Marija, refuġju ħelu tal-insara kollha, ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Immakulata tiegħek, lis-saċerdoti kollha.
  • Marija, għajnuna qawwija tal-insara, għin u assisti s-saċerdoti tiegħek.
  • Marija, gwida żgura tagħna, akkumpanja dejjem is-saċerdoti tiegħek.
  • Marija, konsolatriċi tal-imnikktin, ikkonforta s-saċerdoti tiegħek fid-dwejjaq tagħhom.
  • Marija, assisti s-saċerdoti moribondi, farraġhom fl-agunija tagħhom, iftħilhom il-bibien tal-ġenna, u daħħalhom fis-saltna ta’ dejjem.  Ammen.

Talba għas-Saċerdoti li abbandunaw il-Vokazzjoni tagħhom (Tingħad nhar ta’ Ġimgħa)

O Alla Missier, Inti li bgħatt l-Ispirtu tiegħek u mlejt l-imħuħ u l-qlub tal-appostli u d-dixxipli tiegħek, nitolbuk bil-ħerqa f’ġieħ it-tbatijiet ta’ Ibnek Ġesu’, Feddej tagħna, li timla bid-dawl u bl-imħabba tiegħek, l-imħuħ u l-qlub ta’ dawk is-saċerdoti li abbandunaw il-vokazzjoni tagħhom.

Nitolbuk li mill-aktar fis treġġagħhom għall-ħdan tiegħek.

Missier Etern, għall-merti tat-tbatijiet li sofra lbnek Ġesu’ fil-ħajja tiegħu, speċjalment fl-aħħar ħin ta’ ħajtu, f’ġieħ dik l-aħħar għajta ta’ dwejjaq li huwa semma’ u f’ġieħ id-duluri li ġarrbet f’dak il-ħin l-Omm Santissma tiegħu, aħna nitolbuk li tagħtina l-vera konverżjoni ta’ dawn is-saċerdoti.

O Marija, Omm tar-Redentur, nitolbuk f’ġieħ dik l-imħabba li kellek lejn Ġesu’, u f’ġieħ dawk id-duluri li ġarrabt għall-fidwa tagħna, li tnissel fil-qlub ta’ dawn is-saċerdoti l-vera ndiema u proponiment sod biex jerġgħu jaqbdu l-ħajja ta’ intimita’ ma’ Ġesu’. F’ġieħ Kristu lbnek. Ammen.


Talba għas-Saċerdoti waqt irtir (Tingħad waqt l-irtiri tas-saċerdoti)

O Ġesu’, Feddej Divin, li fdajt f’idejn is-saċerdoti tiegħek, is-salvazzjoni tad-dinja, aħna noffrulek permezz ta’ Ommok Marija Santissma t-talb kollu tagħna, x-xogħol, is-sagrifiċċji, il-ferħ u n-niket ta’ dan il-jum għall-qdusija ta’ dawn is-saċerdoti li qegħdin jagħmlu irtir.

Nitolbuk, agħti d-dawl u l-għajnuna tiegħek lill-predikatur, sabiex iwassal ċar il-messaġġ tiegħek; u agħmel li s-saċerdoti jilqgħu l-Kelma tiegħek b’qalb umli u miftuħa; biegħed minnhom, nitolbuk, kull distrazzjoni li tista’ ttellifhom il-ġabra li jilqgħu l-kelma tiegħek u ddisponilhom qalbhom biex jirċevuha.

O Ġesu’, imlihom bil-grazzja tiegħek, u agħmilhom saċerdoti skont il-Qalb tiegħek. Ammen.


SANYO DIGITAL CAMERATalba għall-Predikaturi tar-Randan (Tingħad matul ir-Randan)

Missier Etern, għall-meriti infiniti ta’ Ġesu’ Kristu, li għalih darba għidt “Dan hu Ibni l-maħbub, isimgħuh”, agħmel li l-kelma ta’ dawn is-saċerdoti jkollha l-qawwa tal-istess kelma tiegħu biex l-insara jipperswadu ruħhom mill-veritajiet eterni u jipprattikawhom għall-akbar glorja tiegħek u għall-qdusija tal-istess saċerdoti. F’ġieħ l-istess Kristu Sidna. Ammen.


Talba għad-Diretturi Spiritwali

O Ġesu’, nitolbuk qaddes lid-Diretturi Spiritwali tagħna u agħmilhom xbieha perfetta tiegħek biex meta jkellmuna fuqek aħna nagħrfu fil-vuċi tagħhom, l-aċċent tal-vuċi tiegħek.

Agħtihom, nitolbuk, dawl speċjali fuq l-istat tar-ruħ tagħna biex iressquna iżjed lejk. Bierek il-laqgħat kollha li jkollna magħhom u agħmel fuq kollox li r-relazzjonijiet tagħna magħhom jkunu kollha għal qalbek billi jkunu biss spiritwali u sopranaturali. Ammen.


One thought on “8. Aktar Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti

  1. Pingback: Talb għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s