7. Ir-Rużarju għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti

Verżjoni Vidjo: Ir-Rużarju għas-Saċerdoti

Għar-Rużarji ta’ 5 posti l-wieħed, mur fl-aħħar tal-paġna.

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għas-Saċerdoti.

Talba ta’ Introduzzjoni

Għażiż Ġesu’, kif qatt nistgħu nirringrazzjawk kif jistħoqqlok għas-saċerdoti tagħna? Huma iċċaħħdu minn kollox għalina, warrbu d-dinja biex imantnu r-ruħ tagħna bl-Ewkaristija u jfejjqu l-ġrieħi tagħna bil-qrar.

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek, issa stess, f’turrenti bla qies ta’ ilma bi grazzji sopranaturali, li b’ħeffa u risposta ċerta għal din it-talba, jimla b’konsolazzjoni, kuraġġ, safa u ferħ lis-saċerdoti għeżież tagħna. Għax Int biss tista’, urihom f’qalbhom li aħna nħobbuhom tassew u dawwar kull saċerdot fid-dirgħajn materni t’Ommok li bkiet u baqgħet miegħek fil-Passjoni kollha tiegħek.

Nitolbu dan fl-Isem Qaddis tiegħek: Ġesu’! Ammen.

IL-MISTERI TAL-FERĦ

079-1701 (1)L-Ewwel Misteru tal-Ferħ

IT-TĦABBIRA

L-Anġlu Gabriel iħabbar lil Marija Verġni li hi kellha tkun Omm Alla, il-Kelma inkarnata. Għas-sekli li jmiss, Ġesu’ kien se jsir ġisem fl-Ewkaristija biex jgħajjixna bih f’intimita’ kbira miegħu.

Nitolbu għas-saċerdoti li kuljum, permezz tal-kliem tal-konsagrazzjoni fil-Quddiesa, u permezz tat-Tqarbin Imqaddes, iġibulna il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Nitolbu għas-saċerdoti futuri kollha li bħalissa qed jiġu ffurmati fil-ġuf ta’ ommijiethom biex huma jkunu mħarsa minn kull ħsara fiżika u jaslu għall-Ordinazzjoni kif Alla jixtieq minnhom.

Nitolbu għall-ġenerazzjonijiet futuri kollha tas-saċerdoti. Nitolbu wkoll biex is-saċerdoti jgħożżu id-don taċ-ċelibat.

079-1701 (2)It-Tieni Misteru tal-Ferħ

IŻ-ŻJARA

Marija żżur lil kuġina tagħha, Eliżabetta, li tagħraf lil Marija bħala t-tabernaklu ħaj tal-Mulej Sidhom.

Nitolbu b’mod speċjali għas-saċerdoti li jwasslu it-Tqarbin Imqaddes lill-morda, l-emarġinati u l-Vjatku lill-moribondi.

Nitolbu għas-saċerdoti kollha li b’xi mod jassistu lill-morda b’diversi modi, jagħtu pariri, jikkomfortaw, ifarrġu u jikkunslawhom.

079-1701 (3)It-Tielet Misteru tal-Ferħ

IT-TWELID TA’ ĠESU’

Ġesu’ jitwieled f’Betlehem. L-anġli jħabbru twelidU; rejiet u ragħajja jiġu jadurawH.

Nitolbu li s-seminaristi kollha jikbru fil-għerf u l-imħabba t’Alla biex isiru saċerdoti qaddisin. Nitolbu b’mod speċjali għal dawn li se jiġu ordnati dalwaqt, biex jibqgħu fidili tul ħajjithom kollha għall-privileġġ sublimi li jkunu “Kristu ieħor” fostna.

Nitolbu li kulħadd jasal jagħraf il-valur tal-Festa Ewkaristika u tas-Saċerdozju fost l-akbar rigali t’Alla għalina.

Nitolbu biex kull saċerdot jikkonsidra lilu nnifsu membru fil-Familja Mqaddsa, iben veru ta’ Marija u Ġużeppi, ħuh-saċerdot Ġesu’, is-Saċerdot il-Kbir.

079-1701 (4)Ir-Raba’ Misteru tal-Ferħ

IL-PREŻENTAZZJONI FIT-TEMPJU

Marija u Ġużeppi, b’ubbidjenza lejn il-Liġi, iġibu lil Ġesu’ fit-tempju biex ikun ddedikat lil Alla. Xmun jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn Alla talli lilu rrivelalu l-Messija qabel ma jmut.

Nirringrazzjawk O Alla għas-saċerdoti kollha li, bħal Xmun, tawna snin twal ta’ servizz b’fedelta’. Nitolbu biex huma jkunu ppremjati għall-ġenerożita’ u s-sagrifiċċji personali kollha tagħhom.

Nitolbu wkoll għas-saċerdoti li qalbhom hi mweġġa’ bis-solitudni, dipressjoni u abbandun.

079-1701Il-Ħames Misteru tal-Ferħ

IS-SEJBA TA’ ĠESU’ FIT-TEMPJU

Ġesu’ jinstab fost l-għalliema fit-tempju; Hu jirritorna d-dar u jogħqod għall-kmand ta’ Marija u Ġużeppi.

Nitolbu li s-saċerdoti jinstabu dejjem mehdija fix-xogħol ta’ Missierhom, u jkunu ubbidjenti għat-tagħlim tal-maġisteru tal-Knisja, għall-Papa u għall-isqfijiet f’għaqda miegħu.

Nitolbu għas-saċerdoti novelli biex l-imħabba u d-dedikazzjoni li jesperjenzaw fl-ewwel snin tas-saċerdozju tagħhom ma jonqsux imma jikbru fil-futur.

Nitolbu għas-saċerdoti kollha li jgħallmu l-Fidi lit-tfal u lill-adulti.

IL-MISTERI TAD-DAWL

079-1702 (1)L-Ewwel Misteru tad-Dawl

IL-MAGĦMUDIJA TA’ ĠESU’

Ġesu’ niżel fl-ilma biex jiġi mgħammed minn Ġwanni. Hu laqa’ l-isfida tal-Missier. Hu kien jaf li se jkollu jsofri minn flokna u li s-sofferenzi tiegħu se jwasslu għall-maħfra tad-dnubiet. Hu kien jaf li kien Re imma t-tron tiegħu kien se jkun salib.

Nitolbu sabiex is-saċerdoti tagħna jimitaw l-umilta’ tal-Mulej waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom ta’ saċerdoti billi jaċċettaw l-isfidi li Alla jibgħatilhom.

079-1702 (2)It-Tieni Misteru tad-Dawl

IT-TIEĠ TA’ KANA

L-ewwel miraklu ta’ Ġesu’ sar possibli minħabba l-imħabba soda u l-fidi ta’ Marija f’Binha Ġesu’.

O Mulej, għin lis-saċerdoti jiżviluppaw imħabba dejjem akbar lejn Marija. Għin lis-saċerdoti ġodda jagħrfu li jistgħu jsibu l-qawwa tagħhom f’Marija filwaqt li

”Jagħmlu kull ma jgħidilhom… Hu“. Marija hija l-għalliema tagħna u dejjem tmexxina lejn Binha.

079-1702 (3)It-Tielet Misteru tad-Dawl

IX-XANDIR TAS-SALTNA

Kristu ġie biex iġib il-paċi u l-maħfra lill-bnedmin.

O Alla, bierek lis-saċerdoti tagħna filwaqt li jgħallmu l-messaġġ ta’ Ġesu’—jgħammdu, jaħfru d-dnubiet, u jikkonsagraw l-Ewkaristija Mbierka permezz tal-Ispirtu s-Santu. Ħa jkollhom tiġdid kontinwu tal-Ħajja tagħhom, intenzjonat għal unjoni iżjed perfetta ma’ Kristu—it-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja.

079-1702 (4)Ir-Raba’ Misteru tad-Dawl

IT-TRASFIGURAZZJONI

Ġesu’ jwassalhom sa fuq il-muntanja fejn ittrasfigura lilu nnifsu quddiemhom. Pietru jixtieq li tliet tined jinbnew għal Ġesu’ u għaż-żewġ persuni li akkumpanjawh sabiex kulħadd ikun jista’ jasal jarahom.

O Mulej, agħti lis-saċerdoti qlub li huma miftuħa għall-qawwa trasfigurattiva tal-grazzja tiegħek f’kull ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Ħa jkunu l-Preżenza Reali tiegħek fl-Ewkaristija u x-xandir tal-Kelma tiegħek, li jispirawhom biex jgħixu ħajja ta’ servizz fidil lejk.

079-1702Il-Ħames Misteru tad-Dawl

IT-TWAQQIF TAL-EWKARISTIJA U TAS-SAĊERDOZJU

“Jiena l-ħobż ħaj li niżel mis-sema; min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem; u l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” (Ġwanni 6:51)

‘Ma jistax ikun hemm Ewkaristija mingħajr is-saċerdozju, l-istess kif ma jistax ikun hemm is-saċerdozju mingħajr l-Ewkaristija’ (Messaġġ tal-Papa San Ġwanni Pawlu II lis-saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka 2004).

Kristu qal, “Jien inkun magħkom dejjem, sa l-aħħar tad-dinja,” Huwa hemm f’kull tabernaklu tad-dinja Kattolika. O Mulej, qawwi l-fidi tas-saċerdoti biex huma dejjem jemmnu li Inti verament preżenti fl-Ewkaristija Qaddisa.

O Mulej, għin lis-saċerdoti tagħna biex jiċċelebraw il-Quddiesa fi spirtu ta’ talb sabiex il-qalb tagħhom tinġibed dejjem aktar qrib tiegħek u agħmel li l-ħin tal-Adorazzjoni tagħhom, iġedded u jerfa’ l-ispirtu tagħhom.

IL-MISTERI TAT-TBATIJA

079-1703 (1)L-Ewwel Misteru tat-Tbatija

L-AGUNIJA TA’ ĠESU’ FIL-ĠNIEN

L-appostli raqdu; Ġesu’ jegħreq l-għaraq tad-demm għall-ħsieb tal-passjoni u l-mewt li kienet ġejja fuqu; l-anġli jiġu jikkonfortawh.

Nitolbu sabiex is-saċerdoti kollha jgħixu biss biex jagħmlu r-rieda tal-Missier, kif għamel Ġesu’.

079-1703 (2)It-Tieni Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ JIĠI MSAWWAT

Ġesu’ hu brutalment ifflaġellat u msawwat mis-suldati.

Nitolbu għas-saċerdoti li huma ppersegwitati, fiżikament jew mentalment abbużati; dawk li jinsabu l-ħabs jew imċaħħda milli joffru s-sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa jew jirċievu t-tqarbin.

079-1703 (3)It-Tielet Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ INKURUNAT BIX-XEWK

Ġesu’ huwa mgħoddi biż-żmien bħala re u r-Ras prezzjuża tiegħu hi b’mod krudili minfuda bix-xewk.

Nitolbu għas-saċerdoti li jsofru biex jiddefendu id-duttrina awtentika Kattolika. Nitolbu sabiex l-Isqfijiet kollha jżommu t-tagħlim veru tal-Knisja Kattolika u jirreżistu għat-tentazzjonijiet li jikkompromettu d-duttrina meta affaċċjati bil-kultura u l-pressjonijiet soċjali.

079-1703 (4)Ir-Raba’ Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ MGĦOBBI BIS-SALIB

Minkejja li miġruħ, demmu qed jinxtered u għajjien, Ġesu’ hu mġiegħel ikaxkar lilu nnifsu u s-salib lejn il-għolja tal-Kalvarju.

Nitolbu għas-saċerdoti kollha bi slaleb tqal; dawk li huma dgħajfa, waħedhom, jew b’xi mod tbiegħdu mill-grazzja t’Alla.

Nitolbu għall-Papa, li probabbli għandu l-itqal salib; il-persekuzzjoni vasta u l-abbandun tal-Knisja minn ġewwa u minn barra.

079-1703Il-Ħames Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ JMUT FUQ IS-SALIB

Ġesu’ jxerred l-aħħar qtar tad-Demm Prezzjuż tiegħu biex isalvana mid-dnub u l-mewt.

Nitolbu għas-saċerdoti kollha li jinsabu fl-aħħar agunija tagħhom u se jmutu llum.

Nitolbu għal dawk li huma bil-għatx għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Nitolbu biex bit-tisliba tar-rieda tagħhom jitwettqu l-pjanijiet t’Alla għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.

Nitolbu li s-saċerdoti jieħdu lil Marija f’qalbhom, bħalma San Ġwann l-Appostlu, wieħed mill-ewwel saċerdoti, ħa lil Marija f’daru.

IL-MISTERI TAL-GLORJA

079-1704 (1)L-Ewwel Misteru tal-Glorja

IL-QAWMIEN

Ġesu’ jqum mill-mewt u jidher lill-Appostli.

Nitolbu li s-saċerdoti jiftakru li t-Tisliba hi segwita mill-Qawmien: id-dlam hu dejjem segwit mid-Dawl. Nitolbu li s-saċerdoti kollha jaqsmu fil-ferħ ta’ Kristu Rxoxt.

079-1704 (2)It-Tieni Misteru tal-Glorja

IT-TLUGĦ FIS-SEMA

Ġesu’ jagħti l-aħħar struzzjonijiet lill-appostli u jirritorna għand Missieru fis-Sema.

Nitolbu sabiex is-saċerdoti jwettqu l-istruzzjonijiet ta’ Ġesu’ li jevanġelizzaw lid-dinja kollha, jistruwixxu u jgħammdu għadd bla qies ta’ erwieħ.

Nitolbu għall-missjunarji li jgħixu ħajjithom f’faqar kbir u ċaħda biex iwasslu l-Vanġelu lin-nies kollha.

079-1704 (3)It-Tielet Misteru tal-Glorja

L-INŻUL TAL-ISPIRTU S-SANTU

L-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-Appostli li kienu miġbura flimkien ma’ Marija.

Nitolbu sabiex is-saċerdoti jinfetħu għall-grazzji tal-Ispirtu s-Santu biex iqawwihom fil-ħidma li jwasslu l-erwieħ għand Alla u lil Alla għand l-erwieħ.

Nitolbu sabiex huma jkunu mimlija b’nar iħeġġeġ biex jikkonvertu l-midinbin l-aktar iebsa u jwasslu l-imħabba t’Alla lid-dinja kollha.

079-1704 (4)Ir-Raba’ Misteru tal-Glorja

L-ASSUNZJONI

Marija hi meħuda, ġisem u ruħ, fil-Ġenna. Meta hi kienet fuq din l-art, hi ħabbet u talbet għall-Appostli, l-ewwel saċerdoti.

Nitolbu sabiex is-saċerdoti jkunu devoti lejn Marija u jsibu fiha l-imħabba u l-komfort ta’ omm, l-interċessjoni qawwija tal-akbar qaddisa tagħna, u r-refuġju ċert kontra Satana u x-xjaten l-oħra qaddejja tiegħu li jfittxu d-distruzzjoni tas-saċerdoti u tas-saċerdozju.

079-1704Il-Ħames Misteru tal-Glorja

L-INKURUNAZZJONI

Marija hi nkurunata Reġina tas-Sema u tal-art; hi ppremjata għall-fedelta’ tagħha lejn Alla.

Nitolbu sabiex Marija, Reġina tal-Kleru, tkun il-mudell tal-fidi u l-ferħ tagħhom, u gwida kostanti sa ma’ jaslu fil-Ġenna fejn kuruna, imżejjna b’ħafna erwieħ fdati f’idejhom fil-jum tal-Ordinazzjoni, tkun il-premju għall-imħabba u l-fedelta’ li biha servew.

priestchristorders-4LITANIJA GĦAS-SAĊERDOTI

Nitolbu għall-:

  • Papa, imlieh bil-kuraġġ u l-grazzja, Mulej.
  • Kardinali, l-arċisqfijiet u l-isqfijiet, agħtihom qalb ta’ rgħajja, Mulej.
  • Għas-saċerdoti djoċesani, imlihom bl-Ispirtu tiegħek, Mulej.
  • Għas-saċerdoti fi ħdan l-ordnijiet reliġjużi, ipperfezzjona s-sejħa tagħhom, Mulej
  • Għas-saċerdoti li jinsabu morda, fejjaqhom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li jinsabu fil-periklu, eħlishom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li huma dgħajfa, qawwihom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li huma foqra, serraħhom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li tilfu l-ħeġġa, ġeddidhom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li jinsabu mnikkta, farraġhom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li jinsabu nkwetati, agħtihom il-paċi, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li huma anzjani, assistihom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li jinsabu weħedhom, akkumpanjahom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti missjunarji, ipproteġihom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti predikaturi, dawwalhom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti li jiggwidaw l-erwieħ, ħarriġhom, Mulej.
  • Għas-saċerdoti u r-reliġjużi li mietu, wassalhom għall-glorja, Mulej.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom l-għerf u t-tagħrif tiegħek.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-fehma u l-kunsill tiegħek.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom reverenza u qima lejk.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-paċenzja u l-imħabba.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom l-ubbidjenza u l-ħniena.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom żelu dejjem iħeġġeġ għall-erwieħ.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba dejjem qawwija lejn l-Ewkaristija.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom lealta’ lejn il-Papa u l-Isqfijiet f’għaqda miegħu.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom rispett lejn il-ħajja u d-dinjita’ umana.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom integrita’ u ġustizzja.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom umilta’ u ġenerożita’.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom qawwa fil-qadi ta’ dmirijiethom.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-paċi fis-sofferenzi tagħhom.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba kbira lejn it-Trinita’.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba kbira lejn Marija Omm Alla u Ommhom.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu d-dawl ta’ Kristu.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu il-melħ tal-art.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jipprattikaw is-sagrifiċċju u ċ-ċaħda tagħhom infushom.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu qaddisa f’ġisimhom, f’moħħhom u fl-ispirtu.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu nies ta’ talb.
  • Għas-saċerdoti kollha, ħa tiddi fihom il-fidi.
  • Għas-saċerdoti kollha, ħa jħabirku dejjem għas-salvazzjoni ta’ ruħna.
  • Għas-saċerdoti kollha, għamel li jkunu fidili lejn il-vokazzjoni saċerdotali tagħhom.
  • Għas-saċerdoti kollha, ħa jbierku u jfejjqu bl-idejn qaddisa tagħhom.
  • Għas-saċerdoti kollha, ħa jkunu dejjem imħeġġa b’imħabba lejk.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħmel li kull pass li jagħmlu jkun għall-glorja t’Alla.
  • Għas-saċerdoti kollha, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jimlihom u jagħtihom id-doni Tiegħu b’abbundanza.

Nitolbu: Missier, Iben u Spirtu s-Santu, isma’ t-talb li qed noffru għas-saċerdoti tagħna.

Agħmel li jagħrfu b’mod ċar il-ħidma li Int qed issejħilhom għaliha. Agħtihom kull grazzja biex iwieġbu għas-sejħa Tiegħek b’kuraġġ, b’imħabba, u b’dedikazzjoni dejjiema għar-rieda Tiegħek.

 Aħna nitolbu bl-interċessjoni ta’ Marija, l-Omm maħbuba tagħhom.  Ammen.

 

One thought on “7. Ir-Rużarju għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti

  1. Pingback: Talb għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s