QUDDIEM ĠESU’ EWKARISTIJA
Il-preżenza ħelwa tiegħek
Tistedinni niġi ħdejk
Ħsibijieti naqsam miegħek
Rasi nserraħ fuq spallejk
Jiena minnek tant mifhuma
Missier twajjeb illi tħenn
U quddiemek jien ninduna
Li Fik biss insib il-kenn
Int il-kawża tal-ferħ tiegħi
Int il-faraġ meta fl-hemm
Int li minneK ġej kull għaqal
Int tal-għadu tneħħi s-semm
Int turini fija nnifsi
X’inhu tajjeb jew ħażin
Biex jien nista’ nibdel triqti
Qabel jispiċċali l-ħin
B’kelmtek Inti ddawwalni
U tagħtini l-bżonnijiet
Inti dejjem tisma’ talbi
Ħdejja tkun għalkemm fis-skiet
Xi tjubija toħroġ minnek
U x’kuraġġ timlini bih
Nibqa’ nfittxek fl-Ostja ċkejkna
Ħdejk il-ħin itir mar-riħ
Nerġa’ niġi hawn maġenbek
Għada stess terġa’ tarani
Fuqek jien nista’ nserraħ
Inti biss tista’ ssalvani
Għalik ruħi, għalik moħħi
Għalik kull taħbit tal-qalb
Fuqek norbot u nistenna
Kemm tfarraġni waqt it-talb
Fik kull hena x’ħin tkun miegħek
Għalhekk qatt mhu se nitbiegħed
Imma ngħix kuljum qrib tiegħek
F’riġlejk ħajti jiena nqiegħed
Glorja Lilek Sid ta’ kollox
Illi tinżel mis-smewwiet
F’kull kappella tistennieni
Biex timlini bil-barkiet
Mhux ta’ b’xejn li l-anġli jqimu
Mistgħaġbin u msaħħrin
Bil-mod fqir kif Int tinħeba
F’dan il-ĦOBŻ tassew Divin.
Huma jgawdu d-dehra tiegħek
U jfaħħruk mal-imberkin
Imma huwa f’qalb il-bniedem
‘L Inti tiġi fit-Tqarbin
Għalhekk dnubi spiss nistqarrlek
Waqt il-qrar għand saċerdot
Nagħmel ħilti u nipprova
Li mid-dnub inżomm ‘il bogħod
Hekk b’ruħ safja u qalb sinċiera
Nieħu sehem f’misteru kbir
Lilek nilqa’ ġewwa qalbi
F’dal-mument inħossni ntir
Ġesu’ ferħ u paċi tiegħi
Inti l-uniku Ħabib
Int Teżor għal min isibek
Sliem għal min iżommok qrib
Nitlob b’ħerqa għal ħbiebi kollha
Li jaqraw dal-ħsibijiet
Tihom grazzja li lejk jersqu
Fik isibu kull ħlewwiet
Imla l’qalbhom bi tjubitek
Dawwal moħħhom bit-tagħrif
Agħti ‘l qawwa ‘l min hu dgħajjef
Salva ‘l min hu fit-tiġrif
Għaliex Inti ħlaqtna u ridtna
Li biss Fik insibu l-kwiet
Qalbna nserrħu, ruħna nħejju
Sa ma nqumu mill-imwiet
Ħdejk għad niġu u nitfarrġu
‘Nħallu d-dmugħ ta’ dan il-wied
It-tbatija tgħib minn fuqna
Moħħna nbattlu mill-inkwiet
Dlonk jispiċċa żmien id-dinja
Miegħek ngħixu fis-smewwiet
Qalbna u fommna b’ferħ jistqarru:
‘Viva r-Re fuq ir-Rejiet!’
TA’ SIKWIT
Kif nagħmel sikwit,
Mort Ħdejh għal ftit.
Kien waħdu fis-skiet,
Ir-Re tar-rejiet.
F’riġlejh pronta ntfajt,
Tkellimt u striħajt.
Fetaħ qalbu u smajtu,
Wisq kbira Mħabbtu!!
Qalli ddispjaċut,
“Binti, jien mhux maħbub.”
Ma’ wiċċi ġeblen id-dmugħ,
Inħoss wisq għax miġugħ.
Offrejtlu din qalbi biex fiha jistrieħ,
Ejj’ oqgħod fiha, ħa nkennek mill-ksieħ.
Hemm f’dik il-preżenza magħqudin,
Ġesu’ u jiena bħal żewġ maħbubin.
Hekk ruħi titgħajjex bl-Ewkaristija,
Tabernaklu Ħaj, inkun bħal Marija.
Kif sarli l-ħin kelli nħallih,
Ħallejtu lil qalbi, ngħix ħajti Għalih.
X’GĦANDI NAGĦMEL?
Jinsab preżenti dejjem hemm għalina,
Mhux biex jibqa’ fit-tabernaklu, iżda jrid jiġi fina.
Xi drabi noqgħod ninotta daqsxejn,
Kif inġibu ruħna quddiem il-Mulej!
Ninsabu marbuta mad-devozzjonijiet,
Li kultant inħalltuhom mal-prijoritajiet.
Kif tidħol fil-Knisja l-ewwel żur is-Sagrament,
Mur u tkellem Miegħu f’dak il-mument.
Il-ġenuflessjoni hi li tinżel fuq wieħed mir-riġlejn,
Jekk ikun espost, għandek tinżel fuq it-tnejn.
Id-Duluri u Santa Rita, minix ngħidlek iżurhomx,
Insellmulhom u nqimuhom, adorazzjoni ma nagħtuhomx.
Fil-quddiesa għandna lkoll bi ħġarna nieħdu sehem,
Inutli mmorru, jekk moħħna ma jkunx hemm.
Ħamsa u erbgħin minuta ta’ darba l-Ħadd,
Ukoll tara bi tqila, u tiddeċiedi li ma tmur qatt?!
Inxammru l-kmiem u nibdew minna nfusna,
Biex nkunu ta’ għajnuna għal ħafna minn ħutna.
Hemm bżonn nagħtu kas u nkunu ta’ xhieda,
Mhux b’ħafna paroli, iżda bl-eżempju u l-imġiba.
JEKK TIEGĦU TRID LI TKUN VIĊIN
Jekk tiegħu trid li tkun viċin,
Ersaq lejn il-qrar u t-tqarbin.
Stiednu jiġi f’dik il-qalb,
Prepara ruħek permezz tat-talb.
Jalla tkun imħeġġeġ bħall-ewwel darba,
Meta kont ċkejken/a, qed tiftaħ bħal warda.
Jekk minn dakinhar għadda ħafna żmien,
Hu għadu jistenniek, u jħobbok bla waqfien.
Tbissimlu, sejjaħlu, ixxennaq Għalih,
Kull ħajr u foħrija u xi bewsa agħtih.
Kif hu nnifsu jitpoġġa fuq ilsienek,
Ikkunsmah u rringrazzjah fi kliemek.
Oqgħod tkellem Miegħu, Hu l-aqwa ħabib,
Hu r-ragħaj ta’ ruħek ta’ kollox is-Sid.
Jekk l-Imħabba vera tisboq kull sentiment,
Wara t-tqarbin hu l-aqwa u l-isbaħ mument.
GĦADDEJT NARAH
F’kappella għaddejt Narah,
Intfajt għarkupptejja biex nadurah.
Kien waħdu dak il-ħin,
Dak li jħobb tant il-bnedmin.
Għaliex Sinjur ma jiġux jitawwulek?
Żgur li tismagħhom, meta jsejjħulek.
Binti, il-problema mhux li ma jiġux,
Imma li kemm inħobbhom ma jafux.
Kieku jafu żgur min ħdejja ma jmorrux,
Jibqgħu fi ħdani u ma jiċċaqalqux.
La tibkix, tintikket xejn,
Kif nista’ ma nħossx għalik, Mulej?
Fik nithenna Lejk inressaq talbi,
Int it-teżor l-għaxqa ta’ qalbi.
F’riġlejk inpoġġi diversi persuni,
Li biex nitlob għalihom tant jitolbuni.
Agħtihom dak li għandhom bżonn,
L-id ħelwa Tiegħek fuqhom żomm.
Fl-aħħar nett qabel ma nħallik,
Insellimlek u bewsa nagħtik.
Fil-ferħ u f’allegrija,
Inħobb Miegħek fl-Ewkaristija,
Fin-niket u fit-tiġrib,
Inbati Miegħek fuq is-salib.
QUDDIEMEK
Quddiemek fl-Ewkaristija fil-kwiet,
Ninxteħet għarkupptejha fis-skiet.
Hemm jien u Int naqbdu nparlaw,
U permezz tat-talb niddjalogaw.
Waqt li nħares lejK u nadurak,
Ngħollik fit-tifħir u nirringrazzjak.
Inkellmek fuq ħajti dwar niket u ferħ,
Jien naf li tismagħni u tnissel f’ruħi serħ.
Nitolbok bil-ħrara għal tant midinbin,
Nitolbok għal ħuti dawk bogħod u viċin.
Inroddlok tpattija għal tant qlub li bagħduk,
Għalihom ukoll tajt ħajteK u fdejthom mid-dnub.
Ġesu’ maħbub tiegħi, fiK qalbi tithenna,
Għax Inti l-ġmiel u l-għaxqa tal-Ġenna.
Ejja u agħmel f’qalbi, il-Ġenna tiegħek,
Aħkem lil ruħi u għaqqadni miegħek.
Meta nsib ruħi mtaqqla u għajjiena,
Indur lejn Ommok b’ħarsa ta’ ħniena.
Nuri mħabbti u l-qima tiegħi lejha,
U b’fiduċja akbar npoġġi, idi f’idejha.
O kemm tgħallimni, Ommna Marija,
Kif għandi ngħożżok fl-Ewkaristija.
Magħha nitkellem u niftaħ qalbi,
Naf żgur li dejjem Hi tisma’ talbi.
F’idejha npoġġi lil dawk li nħobb,
Lilek toffrihom u terġa’ trodd.
Flimkien ma’ grazzji u tant barkiet,
Li tixħtu fuqna mis-Smewwiet.
B’RIPARAZZJONI GĦAS-SERQ TAS-SANTISSIMU SAGRAMENT
Bħal Maddalena, għajnejja bid-dmugħ,
Għax serqu lil Sidi, min jaf fejn ħaduh!
Għal skopijiet ħżiena, disprezz u turment,
Għax jemmnu li fl-Ostja, jinsab verament.
Fejn poġġewk? Fejn għamluk?
Sakemm jasal il-waqt, tal-offiżi u d-dnub.
Inroddlok tpattija, bl-offerti u b’talbi,
Tinsab fejn tinsab, se nibgħatlek qalbi.
Ejja għix fija, ejja u stkenn,
Ħa tinsa l-bard, il-mibgħeda u ‘l hemm.
Għidli x’għamlulek? lesta nismgħek,
Taqsam l-uġigħ u n-niket tiegħek.
Int taf li nħobbok, maħbub Int tiegħi,
Nixtieqni ħdejk, ħa nrossok miegħi.
Nixtieq li jerġgħu jirritornawk,
Ħa jkollok mill-ġdid, qlub li jadurawk.
Nitlob għal min serqek, u għal min se jużak,
F’lejl ta’ qamar kwinta, biex jikkalpestak.
Aħfrilhom o Sidi, reġgħhom lura f’riġlejk,
Agħtihom ċans ieħor, sabiex jersqu Lejk.
INT ISSAĦĦARNI, MULEJ
Mulej, ħarstek issaħħarni u tiġbidni Lejk,
Aħkimni, ikunsmani bħal xemgħa f’riġlejk.
Quddiemek miġbura Fik insib tant wens,
Fl-Ispirtu nqimek ħa nkun bħal inċens.
Il-fjuri kienu jafaxxinawni minn eta’ bikrija,
Int il-Maħbub perfett li tajt Ħajtek għalija.
Meta nfittex ġewwa fija, nilmaħ biss nuqqasijiet,
Int titlobni nagħtihomlok, biex teħlisni mill-ħtijiet.
Jien ukoll għandi xi ngħidlek iskot u ismagħni ftit,
Ħalli ngħidlek x’nixtieq u x’inhu dak li rrid.
Mhux se ninżel minn fuq l-għuda, b’idi nibqa’ miftuħin,
L-istedina hi dejjiema lest li nħaddnek kull ħin.
Ibqa’ ejja hawn maġenbi u ġibli bosta erwieħ,
Għax meta narahom salvati, hemm tassew qalbi tistrieħ.
KULJUM
Kuljum o Mulej tibgħatli invit,
Biex niltaqa’ Miegħek, jekk inkun irrid.
Nilqa’ l-istedina u niġi Narak,
Nisimgħek, nitkellmu, fis-skiet Nadurak.
Madwar it-Tabernaklu jkun hemm il-ġenna,
F’għaqda magħhom għarkuptejja, din ruħi tithenna.
X’fettillek Ġesu’ Sidi, tiċċekken tant għalija?
Qabbadni b’nar iħeġġeġ, Għalik fl-Ewkaristija.
U waqt li tkun ġo fija, ħallini nħaddnek miegħi,
Agħmel minni oasi, fejn tistrieħ fil-qalb tiegħi.
Inħobbok u xewqti hi li jħobbuk oħrajn,
Qalbi tuġgħani meta, Kliemek jixħtuh fit-tajn.
Aqbad lir-ruħi u aħkimni, ejja u ħu postok fija,
Ara, jiena kollni Tiegħek, minn idejn il-Verġni Marija.
Magħkom sal-aħħar nifs, irrid naħdem bis-sħiħ,
biex in-numru jkompli jikber, fejn jidħlu l-erwieħ.
L-GĦAXQA TIEGĦI
Ġesu’ l-għaxqa tiegħi, meta nkun ħdejk,
Bilqedgħa nitpaxxa, waqt li nħares lejK.
Nintasab f’xi rokna, kennija għas-skiet,
U hemm nitħadtu ngħidu żewġ kelmiet.
Miegħek naqsam il-ferħ u anke d-dmugħ,
U b’Kelmtek isabbarni u tfarraġni fir-ruħ.
Kif waqt il-quddiesa jasal ħin t-Tqarbin,
Tkun qed tistennieni, O Prinċep Divin.
Għaliex l-għaxqa Tiegħek, Int trid li ssib fija,
Billi noħloq ġenna f’qalbi, Għalik fl-Ewkaristija.
U hekk meta għal xi raġuni nfalli xi jum,
Nistiednek u Int tiġi jkun x’ħin ikun.
Ma jkunx hemm problemi min naħa tat-tnejn,
Għax il-bieb ta’ qalbi Għalik, bla lukkett Mulej.
L-AKBAR IMPENN TAL-ĦAJJA NISRANIJA
X’inhu l-akbar impenn tal-ħajja Nisranija?,
Dan hu li aħna nsiru, Ewkaristija.
Bħal Kristu nkunu lesti li ningħataw,
M’hemmx jiem jew iljieli, f’każijiet bħal dawn.
Jekk xi ħadd jixtieq jitkellem iskot u jisimgħu,
Itlob għalih jew b’kelma tajba ttimgħu.
Jekk persuna tinsab għaddejja mit-tbatija u tiġrib,
Kun f’unjoni fl-ispirtu kif Marija kienet taħt is-salib.
Persuna għandha bżonn xi għajnuna prova, aqdiha,
Ma tistax għax bogħod Minnek? mela itlob għaliha.
Jeħtieġ li kull ħin immutu għalina nfusna,
Sabiex hekk ningħataw għall-bnedmin ħutna.
Min fejn se nġibu s-saħħa biex nibqgħu għaddejin?
Mill-għaqda ma’ Alla, mill-quddies u t-Tqarbin.
Mill-ftuħ il-qalb għal Kelmtu li hi ġdida kuljum,
Minn kemm Nafdawh u f’idu nitilqu t-tmun.
Ħajtu kienet għotja totali kollha kemm hi għalina,
U dak li għad jonqos jeħtieġ jitkompla fina.
L-ISBAĦ ĦIN
Kuljum nistenna l-aqwa u l-isbaħ ħin,
Li mhuwiex għajr dak tat-Tqarbin.
L-akbar Miraklu jseħħ fuq l-altar,
Fejn mis-sema jinżel, biex f’qalbi jsib dar.
Inħejji lsieni bħall-imħadda,
Fejn fuqu jitpoġġa l-Prinċep tal-Imħabba.
Wara li f’qalbi nirċevih,
Nfittex li kull qima u adorazzjoni nagħtih.
Hu ‘l kollox f’kollox, id-Dinja tiegħi,
Bħal Ommna Marija nħaddnu miegħi.
Ruħi u qalbi Fih biss tithenna,
Fl-Ewkaristija nduq il-ġenna.
Sakemm fl-aħħar għad jasal dak il-jum,
Li Miegħu għal dejjem fi ħdanu nkun.
L-UĠIGĦ TAL-INDIFFERENZA
O kemm tweġgħani l-indifferenza,
X’uħud tilfu għal kollox, is-sens ta’ riverenza.
B’xufftejhom biss itennuh it-talb,
Iżda b’tant apatija, bla ħeġġa fil-qalb.
L-ewwel isejħuli, wara jilimitawni,
Għax f’qiegħ qalbhom ma jkunux jafdawni.
Kliem fieragħ ikun meta jgħidu jħobbuni,
U mbagħad ikejlu miegħi u f’dan le jogħġbuni.
L-Ispirtu ma jaħdimx għax ikun iblukkat,
Jekk il-qalb iebsa kollox huwa staġnat.
L-Ispirtu prudenti xejn ma jġiegħel bilfors,
Imma jgħarbel fil-fond u jilmaħ kull sforz.
Ġesu’ titnikkitx se nħobbok jien għalihom,
Missier ftakar f’Ibnek, meta tħares lejhom.
Ftakar fil-mewta kiefra, tiegħU fuq is-Salib,
Arah bla ebda sura Dak li fih l-għaxqa ssib.
U int Omm għażiża li bqajt sal-aħħar Miegħu,
Interċedi għal uliedek ressaqhom qrib Tiegħu.
Int li dejjem għoġobtu, żgur li ma jċaħħdek f’xejn,
Fakkru fid-Demm li xerred biex inħafer id-dejn.
Min naħa tiegħi Ma, nimxi Miegħek id f’id,
Għax nħobb u nservih ħajti kollha hu li rrid.
Jafu Fuqu ‘żda mhu lilU dik hi d-differenza,
Dejjem aktar tiftaqar u tonqoslu l-udjenza.
Ġesu’ se nagħmel ħilti, biex ma nħallikx miġugħ,
Nitolbok għal dawn ħuti, agħti l-għerf lill-imħuħ.
Dawwalhom u urihom li Inti biss it-triq,
Erġa’ kebbsilhom qalbhom, bin-nar li Int tixtieq.
Meta inkun Quddiemek, nadurak hemm fis-skiet,
Oqgħod skolpi lil qalbi fuq Qalbek f’dak il-kwiet.
Ħalli xħin noħroġ barra, jaraw Lilek u mhux lili,
U jekk Miegħek fija jiltaqgħu, saħħaħ fihom il-Fidi.
MAGĦNA RIDT JIBQA’…
Magħna ridt jibqa’ s-Sinjur Divin,
O kemm jafdana lilna l-bnedmin.
Il-Manna tas-Sema, tagħna l-għajxien,
Taħt Ħbejża moħbi għal tul ta’ żmien.
Minsi u mwarrab f’Tabernakli kesħin,
Għax qalbna bbieset u sirna berdin.
Erħilna nfittxu mkejjen ta’ serħ,
U abbandunajna Lilu l-milja tal-ferħ.
Waħdu lejl u nhar jibqa’ silenzjuż,
X’Imħabba nfinita’, kemm Hu paċenzjuż!
Inħawwdu, ingerfxu, ngħoddsu fil-ħażin,
U jibqa’ jaħfrilna u jilqgħana kull ħin.
Ejja nsibu ftit ħin u ngħadduh f’riġlejh,
Jekk le x’qed iżommna milli nersqu Lejh?
NADURAWK O ALLA MOĦBI
Ningħaqdu mas-sema u mal-qaddisin,
Nadurawk O Alla moħbi, fis-Sagrament kull ħin.
Nixtiequna dejjem Miegħek, mixħutin hemm f’riġlejk,
Qlubna nippreżentawlek u nintelqu f’idejk.
Fis-skiet niddjalogaw u nisimgħu lil xulxin,
Ruħna Fik tinħall u Għalik tgħix maħbub Divin.
Int l-milja tal-Ħajja, Fik ir-ruħ isib dak li trid,
Int li dejjem taħfirlna u toffrilna kenn mill-ġdid.
Minkejja li ċkejkna nixtiequ li nkunu ta’ faraġ Għalik,
Billi f’dak li Inti nieqes, kull qalb tista’ tagħtik.
Inti nieqes mill-imħabba, mill-qima u mir-rispett,
Ikkunsmana nar ta’ Mħabba u fina ħalli effett.
Imliena b’ħeġġa kbira u devozzjoni kif imiss,
Magħqudin fl-Ewkaristija, mgħannqin Miegħek Kurċifiss.
Kristu msallab u Ġesu’ Ostja mhumiex żewġ ifran,
Imma forn wieħed ta’ mħabba, o x’Miraklu kbir dan!!
Hu preżenti l-ħin kollu l-quddiesa għadda għaddejja,
Illum qed jistieden Lilek, ibni, binti ejjew ħdejja.
Mela ma nħalluhx jistenna u Lejh nersqu b’devozzjoni,
Alla tagħna, Alla Mħabba tixraqlu kull attenzjoni.
Lilu biss kull ġieħ u glorja, Lilu kull tifħir u unur,
Saħħaħ fina fidi sħiħa, imla’ qlubna bil-fervur.
NGĦIDU KELMA
Quddiemek ġejt fis-skiet,
Biex ngħidu żewġ kelmiet.
Stħajjiltni oħt Marta, bilqiegħda f’riġlejk,
Għajnejja ddemmgħu waqt li nħares Lejk.
Bdew ġejjin f’moħħi salt ġrajjiet,
Magħhom ma naqsux it-tifkiriet.
Fihom Int kont hemm o Alla,
Anke jekk kull pjan għalija falla.
Jekk ingħalaq bieb, Int ftaħtli mija,
Ħlistni mill-insib tal-għedewwa kontrija.
Illum nifhem Mulejja u ma jiddispjaċinix,
Urejtni verament kemm Int ma titlaqnix.
Mhux kif tidher, anqas kemm tkun taf talb,
Imma dak li hemm moħbi, s-sinċerita’ tal-qalb.
Lil dawk li sforz l-għira f’ħajti xtaquli l-ħsara,
Il-ħniena u salvazzjoni għalihom nitlob bi ħrara.
Jekk nirbaħ is-sema lil dawn iridhom miegħi,
Il-ferħ Tiegħek li ħadd ma jintilef, hu wkoll il-ferħ tiegħi.
QUDDIEM MIN IĦOBBNI TASSEW
F’kappella għas-skiet mort u poġġejt,
Quddiem min ferm ħabbni qabel Lilu jien ħabbejt.
Magħquda mas-sema f’dawn il-waqtiet,
Fl-ispirtu nadura fil-ħemda u fis-skiet.
Inkellmu u nfaħħar tjubitu fit-talb,
Nistiednu biex jiġi jgħammar f’din il-qalb.
Dak li Bih sar kollox ta Ħajtu għalija,
Tant hu ġeneruż li baqa’ fl-Ewkaristija.
Meta naħseb fuq dan u nfittex ġo fija,
Tikber fija x-xewqa li nkun bħal Marija.
Ngħix Ħajti bil-mod kif jixtieq minni Hu,
Inżomm ruħi ċkejkna biex jikber Ġesu’.
B’Ġesu’ dejjem quddiemi, inkun fejn inkun,
Id f’id Miegħu nimxi pass, pass kuljum.
TISLIMA LILL-PRIĠUNIER TAL-IMĦABBA
Insellimlek o Mħabba Divina,
Moħbi u msakkar minħabba fina.
Mal-qtajjiet tas-sema u mal-qaddisin,
Ma’ Marija u Gużeppi nadurak kull ħin.
Fil-ħin tal-aħħar Ċena waqqaft das-Sagrament,
Fil-waqt tal-akbar prova, eżatt f’dak il-mument.
Lit-tnax li għażilt biex iqattgħu tlett snin Miegħek,
Issa tmur itmantnihom bil-Ġisem u d-Demm tiegħek.
Fil-ġnien Miegħek ħadthom u flok talbu raqdu,
U fis-siegħa Tiegħek flok sapport ilkoll ħarbu.
U aħna l-istess nagħmlu, jekk mhux ukoll agħar,
Inħalluk waħdek tistenna, snin twal lejl u nhar.
Jekk mhux ukoll Minnek immorru nabbużaw,
Biex nidhru f’xi okkażjoni t-Tqarbin nużaw.
Jekk hux fid-dnub jew fil-grazzja ma jimpurtax,
Jekk mhux f’xi ħaġa oħra lili l-knisja ma tarax.
Għall-Imħabba Tiegħek b’dal-mod inħallsuk,
Bl-ingratitudni u bl-offiżi, minflok inweġgħuk.
Mulej, jien irid inkun tabernaklu fejn fija tistrieħ,
Ruħ li ttaffilek u tfarrġek fin-niket u fl-uġigħ.
Irid inkun dik li bħal Ommok u Ommna Marija,
Ma nħallikx aktar priġunier, imma nġorrok Ħaj fija.
WAĦDU FIS-SKIET
Għaddejt sal-kappella, kien waħdu fis-skiet,
Preżenti fi sfera r-Re tar-rejiet.
Sellimtu u qalli, Miegħek is-sliem,
Inżilt għarkubbtejja u qalli dal-kliem.
Siegħat ili waħdi ħadd ma jiġi jarani,
Rari nsib qalb esposta, li lesta tismagħni.
L-iskuża tas-soltu bla ħin mgħaġġlin,
Wara l-ħwejjeġ li jgħaddu huma mitlufin.
Tilfu kull fiduċja, imħabba u rispett,
Bija u Mingħajri ma jagħmilx effett.
Insew u rimew lil tal-ħajja s-Sid,
Jinsabu morda u ma jridunix b’tabib.
Ġesu’ x’għandi nagħmel biex intaffilek?
Dak kollu li jiena mill-ġdid noffrilek.
Ħudni b’għotja totali bħal Ommok Marija,
O Maħbub waħdien tiegħi, moħbi fl-Ewkaristija.
XEJN ĦELA TA’ ĦIN
Ebda siegħa ma hija moħlija,
Quddiem Ġesu’ Ewkaristija.
O nar ta’ Mħabba taqbad kull ħin,
Priġunier imsakkar, għalina l-bnedmin.
Ħobż tas-smewwiet, Manna Divina,
Ħeġġeġ Għalik lil qlubna ġo fina.
Tħallinix nibdluk u nabbandunawk,
Inħalluk waħdek u le niġu Narawk.
Kif nistgħu ngħidu li aħna Tiegħek?
Jekk ma nfittxux li noqgħodu Miegħek?
Għarrafna u għallimna l-prijoritajiet,
Kif nagħtuk l-ewwel post qabel l-affarijiet.
Meta l-ħin issir biex nitilqu minn Ħdejk,
Dil-qalb ma’ oħrajn inħallulek f’riġlejk.
Meta nkunu aljenati, fakkarna ta’ spiss,
Li kollox għad jintemm u tibqa’ Int biss.
Dak kollu li nagħmlu ma jkun jiswa xejn,
Jekk il-mod kif ngħixu, ma jogħġobx il-Mulej.