1. Il-Miraklu ta’ Blanot, Franza

Verżjoni Vidjo: Il-Miraklu ta’ Blanot, Franza

imagesIL-MIRAKLU TA’ BLANOT, FRANZA
1331

Il-villaġġ ta’ Blanot insibuh ġo wied twil u dejjaq imdawwar b’muntanji sbieħ. Għalkemm ma jidhirx minħabba l-pożizzjoni tiegħu, imma xorta ġie magħżul minn Alla li onorah b’miraklu Ewkaristiku. L-evidenza ta’ din il-ġrajja għadha ppreservata fil-knisja li ġo fiha ġara dan.

Qabel nirrakontaw il-miraklu, ikun aħjar li nfakkru kif kien isir it-tqarbin fis-seklu erbatax. Meta kien jasal il-ħin tat-tqarbin waqt il-quddiesa dawk illi kienu sejrin jitqarbnu kienu jersqu lejn il-kanċell li kien jifred il-bqija tal-knisja mill-presbiterju. Dawn kienu jinżlu għarkupputejhom ħdejn xulxin mal-kanċell. Fl-istess ħin żewġ abbatini kienu jieħdu posthom wieħed f’kull tarf tal-kanċell. Dawn kienu jaqbdu biċċa għażel twila u jitfugħha fuq il-kanċell hekk illi wiċċ il-kanċell kien jiġi kollu mgħotti. Dawk li kienu ser jitqarbnu kienu jpoġġu idejhom taħt din it-tvalja. Is-saċerdot bil-pissidi bl-Ostji Kkonsagrati f’idejh kien jersaq f’tarf tal-kanċell u jimxi jqarben it-tul tal-kanċell kollu. Hekk kien isir it-tqarbin fi Blanot fiż-żmien li sar dan il-miraklu.

Il-miraklu ġara f’Ħadd il-Għid fil-31 ta’ Marzu 1331 waqt il-quddiesa tal-ewwel li kien qaddisha Hugues de la Baume l-kappillan ta’ Blanot. Minħabba fis-solennita’ tal-festa żewġ irġiel minn tal-parroċċa jisimhom Thomas Caillot u Guyot Besson kienu wkoll qegħdin iservu mal-abbatini. Meta wasal il-ħin tat-Tqarbin dawn iż-żewġt irġiel resqu lejn il-kanċell, ħadu posthom wieħed f’kull tarf u firxu t-tvalja (terħa) matul il-kanċell. Il-parruċċani ħadu posthom, poġġew idejhom taħt it-terħa u qagħdu jistennew lis-saċerdot.

L-aħħar waħda li tqarbnet kienet Jacquette, l-armla ta’ Regnaut d’Effour. Is-saċerdot poġġielha l-Ostja fuq ilsienha, dar u mexa lejn l-artal. Kien dak il-ħin illi ż-żewġt irġiel u xi wħud minn dawk li kien għadhom kif tqarbnu raw l-Ostja taqa’ minn ħalqha tinżel fuq it-terħa li kienet tgħatti jdejha. Waqt li s-saċerdot kien qiegħed ipoġġi l-pissidi ġot-tabernaklu Thomas Caillot resaq u informa lis-saċerdot bl-inċident. Is-saċerdot malajr ħalla l-artal u resaq lejn il-kanċell; imma minflok ma sab l-Ostja ra tebgħa demm id-daqs tal-Ostja, li naturalment kienet saret demm.

Kif spiċċat il-quddiesa s-saċerdot qabad it-terħa, ħadha fis-sagristija u poġġa l-parti mċappsa ġo friskatur mimli b’ilma nadif. Wara li ħasel it-tebgħa u għorokha kemm-il darba b’subgħajh, sab illi flok ċkienet u ċċarat, kibret u iktar skurat. Meta neħħa l-biċċa tal-għażel mill-friskatur stagħġeb xħin sab illi l-ilma sar kollu dmija. Is-saċerdot u dawk li kellu miegħu mhux biss stagħġbu imma wkoll beżgħu u skalmaw, “Dan huwa d-Demm Prezzjuż tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu!” Imbagħad is-saċerdot qabad sikkina, ħasilha u qata’ mit-terħa dik il-parti li kien fiha l-istampa mdemma tal-Ostja. Din l-għażel ikkwardata tpoġġiet b’devozzjoni fit-tabernaklu.

21083_3_photo5_g

Ħmistax-il ġurnata wara uffiċjal mill-Arċidjoċesi ta’ Autun, Jean Jarossier, telaq lejn Blanot biex jibda investigazzjoni. Miegħu kien hemm il-Kurat de Lucenay, Monsinjur minn Autun u nutar appostoliku. L-interogazzjoni tax-xhieda saret fil-preżenza ta’ Pierre Osnonout, il-Kurat ta’ Blanot. Ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ntbagħtu mill-Arċisqof Pierre Bertrand lill-Papa Ġwanni XXIII li pproklama verdett sabiħ dwaru u kkonċieda indulġenzi li dawk jqaddsu fil-knisja parrokjali ta’ Blanot. Kopji tad-dokumenti għadhom jidhru fis-Sala tal-Belt ta’ Blanot, huma miktuba fi stil antik li hu diffiċli ħafna biex jinqraw.

L-Ostji li kien fadal fil-pissidi wara t-Tqarbin ta’ Ħadd il-Għid baqgħu ma tqassmux, u baqgħu riservati tajjeb fit-tabernaklu. Ir-raġuni għaliex sar dan ma nafuhx, għalkemm wieħed jista’ jaħseb illi s-saċerdot xtaq jevita’ xi ripetizzjoni possibli ta’ dan il-prodiġju. Fl-1706 dawn l-Ostji li kienu f’kundizzjoni tajba wara 375 sena ħarġuhom purċissjoni ta’ ħames sigħat mal-parroċċa ta’ Blanot b’tifkira tal-anniversarju tal-miraklu. Ħafna prelati kif ukoll folol kbar ta’ nies tal-parroċċa u tal-inħawi tal-qrib ħadu sehem f’din iċ-ċerimonja. Wara l-purċissjoni l-pissidi tal-fidda bl-Ostji tpoġġa fil-kaxxa tad-deheb li fiha jinżammu. Din tpoġġiet fit-tabernaklu prinċipali tal-knisja.

Għal ħafna snin saru purċissjonijiet b’tifkira u ċelebrazzjonijiet speċjali, imma dawn kellhom jieqfu hekk kif bdiet ir-Rivoluzzjoni Franċiża meta fanatiċi vjolenti bdew jipprofonaw knejjes kattoliċi u jisirqu oġġetti ta’ valur.

Nhar is-27 ta’ Diċembru 1739 grupp ta’ rivoluzzjonarji daħlu fil-knisja u fetħu t-tabernaklu. Il-biċċa tal-għażel imċappsa bid-demm li kienet magħluqa f’tubu tal-kristall li ġiet f’idejn wieħed minnhom, imma fortunatament telaqha għax ra li kienet ta’ ftit valur. Wara din il-profonazzjoni tal-knisja r-relikwja ġiet afdatha f’idejn it-twajjeb parruċċan Dominique Cortet biex jieħdu ħsiebha. Sakemm damet fid-dar tiegħu ġiet meqjuma u mogħtija kull rispett, iżda minkejja din il-kura t-tubu safa’ mxaqqaq minn fuq u minn isfel. Waħda minn dawn il-ksur għamilha M. Lucotte l-Kurat ta’ Blanot li spiss kien ibusu u jpoġġih fuq għajnejn il-kattoliċi. It-tarf l-ieħor kien imxaqqaq b’aċċident meta kien qiegħed jitpoġġa f’kexxun ta’ gradenza.

images (1)Wara r-Rivoluzzjoni meta l-paċi reġgħet bdiet tirrenja ħafna nies ġew interrogati dwar jekk il-biċċa tal-għażel fit-tubu tal-kristall kinitx il-vera waħda (awtentika). Kollha qablu illi kienet l-istess waħda li kienet miżmuma fil-knisja. Wara illi l-uffiċjali ekkleżjastiċi kienu żguri illi r-relikwja kienet awtentika din ġiet sollennement meħudha l-knisja u tpoġġiet ġo kaxxa miksija bil-bellus li tqegħdet fit-tabernaklu.

Xi żmien wara ġie maħdum tubu ġdid tal-kristall għal din ir-relikwja. F’kull tarf hemm ċrieki tad-deheb u tar-ram b’salib poġġut fuqhom. It-tubu li ġo fih nistgħu naraw sewwa l-biċċa tal-għażel huwa ssiġġillat u miżmum f’ostensorju speċjali. Il-bażi ta’ dan l-ostensorju huwa mżejjen b’erba pjanċi tal-enamel li juru l-ġrajjiet fl-istorja ta’ din ir-relikwja.

Skont drawwiet antiki, kull sena nhar it-Tnejn fost l-ottava tal-Għid il-Kbir din ir-relikwja tiġi sollennement esposta fil-knisja ta’ Blanot.

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/english_pdf/Blanot.pdf

Alternative Reading: http://www.therealpresence.org/eucharst/mir/blanot.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ Dun Ġorġ Mercieca, adattat mill-oriġinal ta’ Joan Carroll Cruz.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s